Facebook huwa sit elettroniku li jipprovdi servizz ta' midja soċjali mmexxi minn kumpanija bbażata f'Menlo Park, California.
Is-sit tnieda fl-4 ta' Frar 2004 minn Mark Zuckerberg flimkien ma' sħabu fl-Università ta' Harvard. F'dan is-sit, l-utenti jistgħu jirreġistraw, joħolqu profil personali tagħhom, iżidu utenti oħra bħala "ħbieb" u jaqsmu magħhom messaġġi, ritratti, vidjows u ħoloq. L-utenti jistgħu wkoll jissieħbu f'paġni ta' interess u gruppi.
Tip | Privata |
---|---|
Fundazzjoni | Cambridge, Massachusetts, Stati Uniti |
Fundatur | Steve Chen Chad Hurley Jawed Karim |
Kwartieri ġenerali | Palo Alto, Kalifornja Dublin, Irlanda (kwartieri ġenerali għall-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofsani) Seoul, Korea t'Isfel (kwartieri ġenerali għall-Asja) |
Nies importanti | Mark Zuckerberg, Fundatur u CEO Dustin Moskovitz, Ko-fundatur Sheryl Sandberg, COO Matt Cohler, VP tal-Ġestjoni tal-Prodott Chris Hughes, Ko-fundatur |
Introjtu | ▲ 300 miljun USD (stima tal-2008) |
Impjegati | 900+ |
Sit elettroniku | www.facebook.com |
Pożizzjoni fuq Alexa | 2 |
Tip ta' sit | Netwerk soċjali |
Reġistrazzjoni | Bżonnjuża |
Lingwi disponibbli | 14-il lingwa |
Stat attwali | Attiva |
Għall-bidu l-fundaturi llimitaw is-sħubija fis-sit għall-istudenti ta' Harvard biss. Aktar tard bdew jiġu inklużi skejjel u universitajiet oħra, sakemm fl-aħħar infetħet għal kull min għandu 'l fuq minn 13-il sena. Fi Frar tal-2012, Facebook tqiegħed fis-suq permezz ta' Offerta Pubblika Inizjali (IPO) u beda jbigħ stokks lill-pubbliku tliet xhur wara, fejn laħaq kapital rekord ta' $104 miljun. Il-maġġoranza tad-dħul tal-kumpanija ġej mir-reklami li jidher fis-sit.
Sa Ġunju tal-2017, 'il fuq minn 2 biljun utent jaċċessaw is-sit fix-xahar. Din il-popularità wassal għall-istampa sabiex tkopri l-impatt ta' dan is-sit, fosthom fuq l-iskrutinju dwar il-privatezza u l-effetti psikoloġiċi tal-utenti tagħha. Fis-snin riċenti, il-kumpanija affaċċjat kritika fuq l-ammont ta' aħbarijiet foloz, diskors ta' mibegħda u xeni ta' vjolenza.
Il-Facebook ġie fundat fl-4 ta' Frar 2004 minn Mark Zuckerberg, fi żmien meta kien għadu student ta' dsatax-il sena fl-Università ta' Harvard, bl-għajnuna ta' Andrew McCollum u Eduardo Saverin. Fi tmiem l-istess xahar, iktar minn nofs il-popolazzjoni universitarja ta' Harvard kienu reġistrati ma' dan is-servizz. Dak iż-żmien, Zuckerberg kien ġie megħjun minn Dustin Moskovitz u Chris Hughes għall-promozzjoni tas-sit u l-Facebook kiber għall-Università ta' Stanford, għall-Università ta' Kolumbja u għall-Università ta' Yale. Dan it-tkabbir kompla f'April tal-2004 meta ġie estiż għall-kumplament tal-Ivy League, għall-MIT, għall-Università ta' Boston u għall-Kulleġġ ta' Boston. Fi tmiem is-sena skolastika, Zuckerberg u Moskovitz ittrasferew lejn Palo Alto f'Kalifornja ma' McCollum. Hemmhekk huma krew dar qrib l-Università ta' Stanford fejn magħhom ingħaqdu wkoll Adam D'Angelo u Sean Parker.
Id-dominju attwali, facebook.com, ġie reġistrat bejn April u Awwissu tal-2005 għal somma ta' $200,000, u diversi universitajiet oħra ġew miżjuda fis-sena ta' wara. Maż-żmien, persuni li kellhom l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom b'dominju universitarju (per eżempju .edu, .ac.uk u oħrajn) minn istituzzjonijiet minn madwar id-dinja kisbu r-rekwiżiti sabiex jipparteċipaw. B'hekk, nhar is-27 ta' Frar 2006 Facebook estenda ruħu għall-iskejjel sekondarji u azjendi kbar.
Mis-26 ta' Settembru 2006, Facebook fetaħ għal dawk kollha li għandhom tlettax-il sena jew iktar u li għandhom indirizz elettroniku validu. F'Ottubru 2008, Facebook ħabbar li kien se jagħmel il-kwartieri ġenerali internazzjonali tiegħu ġewwa Dublin, fl-Irlanda.
Minn Settembru tal-2006 sa Settembru tal-2007, il-pożizzjoni fil-klassifiki tat-traffiku tas-siti web skont kif maħruġ minn Alexa, dan is-sit għamel qabża kbira mis-sittin post għas-seba' post. Minn Lulju 2007, daħal fil-klassifika tal-għaxar siti l-aktar viżitati fid-dinja.
Ġewwa Malta, skont rapport maħruġ minn Google Labs, in-numru ta' Maltin fuq dan is-sit matul l-2007 immultiplika ħafna drabi. Matul l-2008 kien hemm splużjoni kbira ta' utenti fuq dan is-sit, fejn dan in-numru kiber biex sa Jannar 2010 hemm madwar 131,000 utent Malti. Barra minn hekk, il-Facebook f'Malta kellu fost l-ogħla rata ta' penetrazzjoni minn madwar id-dinja. Skont Alexa, f'Malta, dan is-sit huwa t-tieni wieħed l-iktar viżitat, wara l-Google.
L-utenti jistgħu joħolqu l-profili tagħhom b'ritratti, elenki tal-interessi tagħhom, u dettalji oħra personali. Komunikazzjoni bejn il-ħbieb u utenti oħra tista' ssir permezz ta' messaġġi kemm dawk privati kif ukoll dawk pubbliċi, jew permezz tal-użu taċ-chat. L-utenti jistgħu joħolqu u jingħaqdu fi gruppi ta' interess partikulari jew ta' sostenn, fejn xi ftit minnhom huma miżmuma minn organizzazzjonijiet għal skopijiet ta' reklamar. Biex tikkumbatti l-"ġlieda" fuq il-privatezza, il-Facebook tħalli lil kull min għandu profil jagħżel min jista' jara l-profil tiegħu u liema parti jista' jara.
Dan is-sit huwa miftuħ għal kulħadd, huwa b'xejn għall-utenti u l-introjtu huwa ġenerat mir-reklamar.
This article uses material from the Wikipedia Malti article Facebook, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.