Asmara (pronunzja: /æsˈmɑːrə/ əs-MAHR-ə) jew Asmera hija l-belt kapitali u l-iżjed belt popolata tal-Eritrea, fir-Reġjun Ċentrali tal-pajjiż.
Tinsab f'elevazzjoni ta' 2,325 metru (7,628 pied), u b'hekk hija is-sitt l-ogħla belt kapitali fid-dinja bħala altitudni u t-tieni l-ogħla belt kapitali fl-Afrika. Il-belt tinsab fit-quċċata ta' promontorju li huwa t-tarf tal-Majjistral tal-Artijiet Għoljin tal-Eritrea u tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir tal-pajjiż ġar tal-Etjopja. Fl-2017, il-belt ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-arkitettura modernista ppreservata sew tagħha. Skont it-tradizzjonijiet lokali, il-belt ġiet stabbilita wara li erba' villaġġi separati ngħaqdu flimkien b'mod paċifiku wara perjodi twal ta' kunflitt. Asmara għal żmien twil kienet fid-dell ta' Debarwa fil-qrib, ir-residenza tal-Bahr Negash jew il-gvernatur tal-provinċja kostali. Madankollu, xorta waħda baqgħet teżisti bħala insedjament ewlieni għal iktar minn nofs millenju u kellha wkoll xi importanza peress li kienet tinsab tul ir-rotta kummerċjali lejn Massawa. Asmara saret prominenti għall-ewwel darba matul is-seklu 20, meta saret il-belt kapitali tal-Eritrea Taljana. Taħt it-tmexxija Taljana, il-belt ta' Asmara esperjenzat urbanizzazzjoni u modernizzazzjoni rapidi.
Asmara | |||
---|---|---|---|
Eritrea | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Eritrea | ||
Region of Eritrea | Maekel Region (en) | ||
Isem uffiċjali | ኣስመራ | ||
Ismijiet oriġinali | ኣስመራ | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 15°20′N 38°55′E / 15.33°N 38.92°E 38°55′E / 15.33°N 38.92°E | ||
Superfiċjenti | 12,158.1 kilometru kwadru | ||
Għoli | 2,325 m | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 963,000 abitanti (2020) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Fondazzjoni | 1897 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+3 | ||
bliet ġemellati | Firenze, Khartoum, Berkeley, Atlantau Nevers |
Skont l-istorja tradizzjonali bil-fomm tal-Eritrea min-naħa tal-poplu Tigrinya, kien hemm erba' klannijiet li kienu jgħixu fiż-żona ta' Asmera fuq il-Promontorju ta' Kebessa: Gheza Gurtom, Gheza Shelele, Gheza Serenser u Gheza Asmae. Dawn il-villaġġi spiss kienu jiġu attakkati mill-klannijiet mill-artijiet baxxi u mill-mexxejja ta' "seger mereb melash", sa ma n-nisa ta' kull klann iddeċidew li jgħelbu l-għadu komuni tagħhom u jippreservaw il-paċi l-erba' klannijiet kellhom jingħaqdu. L-irġiel aċċettaw, u b'hekk ingħata l-isem ta' "Arbate Asmera". "Arbate Asmera" bil-lingwa Tigrinya litteralment tfisser "l-erba' nisa wasslu biex jingħaqdu".
L-ewwel tismija ta' Asmara oriġinat minn itinerarju bil-Latin matul ir-renju tal-Imperatur Dawit I (1382–1411).
Asmara fis-seklu 19 kien villaġġ żgħir, iżda meta ġie okkupat mill-Italja fl-1889 malajr kiber u sar belt. Il-Gvernatur Ferdinando Martini għamilha l-belt kapitali tal-Eritrea Taljana fl-1897.
Fil-bidu tas-seklu 20, inbniet il-Linja Ferrovjarja tal-Eritrea sal-kosta, li kienet tgħaddi mir-raħal ta' Ghinda, taħt id-direzzjoni ta' Carlo Cavanna. Kemm fl-1913 kif ukoll fl-1915, il-belt ma tant ġarrbet ħsarat kbar minkejja t-terremoti kbar li kien hemm.
Fil-belt żviluppat komunità Taljana kbira. Skont iċ-ċensiment tal-1939, Asmara kellha popolazzjoni ta' 98,000 ruħ, li minnhom 53,000 ruħ kienu Taljani. Fl-Eritrea kollha kien hemm 75,000 Taljan biss jgħixu fil-pajjiż, għaldaqstant il-belt kapitali kienet bil-bosta l-ikbar ċentru tagħhom.
Il-belt kapitali kisbet bixra arkitettonika Taljana. L-Ewropej użaw lil Asmara "biex jesperimentaw disinni radikali ġodda". Sal-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20, Asmara bdiet tissejjaħ Piccola Roma (Ruma Żgħira). Il-ġurnalist John Gunther fl-1955 innota li "t-Taljani bnew lil Asmara sew, bħal Tripli, b'toroq wesgħin u puliti, binjiet pubbliċi bit-tiżjin, u saħansitra affarijiet raffinati taċ-ċivilizzazzjoni ta' dak iż-żmien bħal sistema moderna tad-dranaġġ ... Asmara tagħtik l-impressjoni li hija belt żgħir u pjaċevoli biżżejjed tal-Calabria, jew saħansitra tal-Umbria". Illum il-ġurnata hemm iktar minn 400 binja ta' oriġini Taljana, u bosta ħwienet għad għandhom ismijiet bit-Taljan (eż. Bar Vittoria, Pasticceria moderna, Casa del formaggio u Ferramenta).
Ir-Renju tal-Italja investa fl-iżvilupp industrijali ta' Asmara (u tal-inħawi tal-madwar tal-Eritrea), iżda l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija waqfet kollox ħesrem.
L-UNESCO niżżlet lil Asmara fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji f'Lulju 2017 peress li "Hi eżempju eċċezzjonali ta' urbaniżmu Modernist bikri fil-bidu tas-seklu 20 u tal-applikazzjoni tiegħu f'kuntest Afrikan".
Fl-1952, in-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li twassal għall-federazzjoni tal-eks kolonja taħt it-tmexxija tal-Etjopja. Matul il-federazzjoni, Asmara ma baqgħetx il-belt kapitali. Il-belt kapitali kienet Addis Ababa, iktar minn 1,000 kilometru (620 mil) 'il bogħod lejn in-Nofsinhar. Fl-1961, l-Imperatur Haile Selassie I temm l-arranġament "federali" u ddikjara t-territorju bħala l-14-il provinċja tal-Imperu Etjopjan. L-ikbar alleat tal-Etjopja kienu l-Istati Uniti. Fil-belt ġie stazzjonat il-Kontinġent ta' Kagnew tal-Armata tal-Istati Uniti mill-1943 sal-1977. Il-Gwerra tal-Indipendenza tal-Eritrea bdiet fl-1961 u ntemmet fl-1991. Asmara ma ġarrbitx wisq ħsarat matul il-gwerra, bħall-maġġoranza tar-reġjuni fl-artijiet għoljin. Wara l-indipendenza, Asmara reġgħet saret il-belt kapitali tal-Eritrea.
Il-belt tinsab f'elevazzjoni ta' 2,325 metru (7,628 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Tinsab fuq artijiet għoljin magħrufa bħala l-Artijiet Għoljin tal-Eritrea u hija orjentata mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Il-parti ċentrali miti, fejn hemm Asmara, tinsab fuq promontorju tal-blat, li jissepara l-artijiet baxxi tal-Punent mill-pjanuri kostali tal-Lvant. L-artijiet madwar Asmara huma għammiela ħafna, speċjalment dawk fin-Nofsinhar lejn ir-Reġjun ta' Debub tal-Eritrea. L-artijiet għoljin li tinsab fihom Asmera jinżlu ftit 'l isfel u jiżvelaw l-artijiet baxxi tal-Lvant, li huma kkaratterizzati mis-sħana kbira u mill-umdità tas-salini tal-Eritrea, qrib il-Baħar l-Aħmar. Lejn il-Punent tal-promontorju hemm art semiarida enormi bl-għoljiet li tibqa' sejra sal-fruntiera mas-Sudan qalb ir-Reġjun ta' Gash-Barka.
Asmara għandha klima semiarida kiesħa (BSk skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Għandha temp moderatament sħun is-sena kollha, b'temperaturi bejn minimu ta' 14°C sa massimu ta' 30.5°C. Għandha umdità medja ta' 51 % u indiċi UV ta' 6. Is-sistema ta' Holdridge taż-żoni tal-ħajja skont klassifikazzjoni bijoklimatika tpoġġi lil Asmara f'bijoma ta' boskijiet subtropikali bix-xewk jew fil-qrib. Ix-xita tvarja minn xahar għal xahar, u l-ogħla preċipitazzjoni tkun f'Lulju u f'Awwissu, filwaqt li fix-xhur l-oħra l-preċipitazzjoni tkun inqas.
Ikollha sjuf sħan iżda mhux wisq, u xtiewi miti. Minħabba l-altitudni tagħha ta' 2,325 metru (7,628 pied), it-temperaturi jkunu relattivament miti għal belt li tinsab mhux wisq 'il bogħod mill-inħawi tal-madwar iktar sħuni tal-pajjiż. Din il-klima hija karatteristika tal-istaġuni tax-xita u tal-istaġuni tan-nixfa. Bħala medja Asmara jkollha 518 mm (20.4 pulzier) ta' preċipitazzjoni fis-sena. Madankollu, qajla jkun hemm il-ġlata fil-belt. L-istaġun twil tan-nixfa matul is-sena jkun estiż minn Settembru sal-ħabta ta' April. Ikun hemm staġun ta' xita okkażjonali minn April sa Ġunju. Bħala medja, madwar 60 % tal-preċipitazzjoni annwali ta' Asmara tinżel matul ix-xhur ta' Lulju u ta' Awwissu. Min-naħa l-oħra, Diċembru sa Frar tipikament ikunu l-iżjed xhur nexfin ta' Asmara, filwaqt li bħala medja tinżel biss 9.1 mm (0.36 pulzieri) ta' preċipitazzjoni fit-tliet xhur f'daqqa. Minħabba l-preċipitazzjoni varjabbli, il-klima ta' Asmara hija kkaratterizzata wkoll min-nixfa. Kien hemm diversi nixfiet fit-tul f'dan ir-reġjun mill-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20 u minn dak iż-żmien reġgħu seħħew kull deċennju. Matul il-perjodi tan-nixfa, it-temperaturi jgħolew u tinżel ftit xita. Meta t-temperaturi f'reġjun jiżdiedu, ir-rata ta' evaporazzjoni tal-ilma mill-ħamrija tiżdied ukoll. Dawn il-proċessi flimkien jirriżultaw fid-deżertifikazzjoni tal-ħamrija. Sabiex tinkiseb ħamrija rikka bin-nutrijenti u bl-indewwa għal skopijiet tal-biedja, il-popolazzjonijiet jiddependu fuq id-deforestazzjoni biex jużaw l-art sottostanti. L-iżjed problemi ambjentali serji ta' Asmara huma fil-fatt id-deforestazzjoni u d-deżertifikazzjoni. Problemi oħra li tiffaċċja Asmara huma l-erożjoni tal-ħamrija u r-ragħa eċċessiva. Dawn il-problemi ambjentali kollha jwasslu għad-degradazzjoni tal-ħamrija.
Data klimatika għal Asmara, l-Eritrea (temp. normali fl-1961-1990, temp. estremi fl-1903-2012) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 29.0 (84.2) | 29.2 (84.6) | 30.5 (86.9) | 31.0 (87.8) | 30.0 (86.0) | 29.4 (84.9) | 29.4 (84.9) | 27.4 (81.3) | 27.2 (81.0) | 31.0 (87.8) | 26.7 (80.1) | 26.2 (79.2) | 31.0 (87.8) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 22.3 (72.1) | 23.8 (74.8) | 25.1 (77.2) | 25.1 (77.2) | 25.0 (77.0) | 24.9 (76.8) | 21.6 (70.9) | 21.5 (70.7) | 22.9 (73.2) | 21.7 (71.1) | 21.5 (70.7) | 21.5 (70.7) | 23.1 (73.6) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 13.8 (56.8) | 14.9 (58.8) | 16.3 (61.3) | 17.0 (62.6) | 17.6 (63.7) | 17.6 (63.7) | 16.3 (61.3) | 16.1 (61.0) | 15.7 (60.3) | 14.9 (58.8) | 14.0 (57.2) | 13.2 (55.8) | 15.6 (60.1) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 4.3 (39.7) | 5.1 (41.2) | 7.5 (45.5) | 8.7 (47.7) | 10.2 (50.4) | 10.5 (50.9) | 10.8 (51.4) | 10.7 (51.3) | 8.6 (47.5) | 8.1 (46.6) | 6.6 (43.9) | 4.8 (40.6) | 8.0 (46.4) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −4.5 (23.9) | −1.6 (29.1) | −0.8 (30.6) | −0.2 (31.6) | 2.0 (35.6) | 3.4 (38.1) | 3.9 (39.0) | 3.7 (38.7) | 0.2 (32.4) | 1.0 (33.8) | −0.5 (31.1) | −1.4 (29.5) | −4.5 (23.9) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 3.7 (0.15) | 2.0 (0.08) | 14.6 (0.57) | 33.4 (1.31) | 41.1 (1.62) | 38.5 (1.52) | 174.9 (6.89) | 155.6 (6.13) | 15.6 (0.61) | 15.4 (0.61) | 20.4 (0.80) | 3.4 (0.13) | 518.6 (20.42) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) | 0 | 0 | 2 | 4 | 5 | 4 | 13 | 12 | 2 | 2 | 2 | 1 | 47 |
Umdità relattiva medja (%) | 54 | 48 | 46 | 49 | 48 | 48 | 76 | 80 | 59 | 63 | 66 | 61 | 58.2 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 291.4 | 260.4 | 275.9 | 264.0 | 257.3 | 219.0 | 151.9 | 158.1 | 213.0 | 272.8 | 276.0 | 282.1 | 2,921.9 |
Persentaġġ ta' possibbiltà ta' jiem xemxin | 84 | 81 | 75 | 71 | 65 | 57 | 38 | 41 | 59 | 76 | 82 | 82 | 67 |
Sors 1: NOAA | |||||||||||||
Sors 2: Meteo Climat (temp. estremi) |
Fil-belt hemm il-Mużew Nazzjonali tal-Eritrea. Sikwit il-belt tkun il-punt tat-tluq tal-kompetizzjoni taċ-ċikliżmu tat-Tour tal-Eritrea.
Il-belt hija magħrufa għall-binjiet tagħha tal-bidu tas-seklu 20, inkluż iċ-Cinema Impero bi stil Art Déco (li nfetaħ fl-1937 u li jitqies mill-esperti bħala wieħed mill-ifjen eżempji fid-dinja ta' binjiet bi stil Art Déco), il-Binja Kubista tal-Pensjoni Afrikana, il-Katidral Eklettiku Ortodoss Eritrean ta' Enda Mariam u l-eks Teatru Eklettiku tal-Opri, il-Binja Futurista ta' Tagliero tal-Fiat, il-Knisja Neo-Rumaneska tal-Madonna tar-Rużarju ta' Asmara, u l-Palazz Neo-Klassiku tal-Gvernatur. Il-belt fiha diversi vilel u djar kbar tal-kolonjaliżmu Taljan, u eżempju prominenti fosthom hi l-Binja tal-Bank Dinji. Il-biċċa l-kbira ta' Asmara ċentrali nbniet bejn l-1935 u l-1941, għaldaqstant it-Taljani effettivament irnexxielhom jibnu kważi belt sħiħa f'sitt snin biss. Dak iż-żmien, id-dittatur Benito Mussolini kellu pjanijiet kbar għat-tieni Imperu Ruman fl-Afrika. Il-gwerra waqqfet kollox ħesrem, iżda l-allokazzjoni ta' fondi min-naħa tiegħu ħolqot il-belt ta' Asmara kif inhi llum il-ġurnata, li suppost kellha tkun simbolu tal-Faxxiżmu kolonjali ta' dak iż-żmien.
Il-belt hija vetrina tal-biċċa l-kbira tal-istili arkitettoniċi tal-bidu tas-seklu 20. Xi binjiet huma Neo-Rumaneski, bħall-Knisja tal-Madonna tar-Rużarju, filwaqt li xi vilel inbnew bi stil Vitorjan aħħari. L-influwenzi tal-Art Deco huma preżenti fil-belt kollha. L-essenzi tal-Kubiżmu joħorġu fid-dieher fil-Binja tal-Pensjoni Afrikana, u f'kollezzjoni żgħira ta' binjiet. Il-Binja ta' Tagliero tal-Fiat toħroġ fid-dieher kważi l-qofol tal-Futuriżmu, meta kien dan l-istil kien qed jaqbad sew fl-Italja.
Asmara hija magħrufa bħala belt eċċezzjonalment moderna, mhux biss minħabba l-arkitettura tagħha, iżda Asmara kellha wkoll iktar dwal tat-traffiku milli kellha Ruma meta l-belt kienet qed tinbena. Il-belt tinkorpora bosta karatteristiċi ta' belt ippjanata.
Asmara għandha toroq wesgħin, ristoranti, pjazez, bars u kafetteriji, filwaqt li bosta mit-toroq ewlenin huma mżejna bis-siġar tal-palm. L-ikel u l-kultura ispirati mill-Italja huma preżenti ħafna u ġew introdotti matul żmien l-Eritrea Taljana. Hemm bosta ristoranti u kafetteriji minn fejn wieħed jista' jieħu espresso, cappuccino u latte ta' kwalità għolja, kif ukoll ġelateriji u ristoranti li jservu ikel Eritrean Taljan. Platti komuni tal-gastronomija Eritreana Taljana huma l-"Pasta al Sugo e Berbere", jiġifieri "għaġin biz-zalza u l-berbere (ħwawar)", "lasagna" u "cotoletta alla milanese" (flett tal-laħam bil-panura).
Asmara ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2017, u b'hekk saret l-ewwel belt Modernista li tniżżlet kollha kemm hi fil-lista. Dan seħħ matul il-41 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.
Il-belt għandha eluf ta' binjiet bi stil Art Deco, Futurist, Modernist, u Razzjonalist, li nbnew matul il-perjodu tal-Eritrea Taljana. Il-belt, imlaqqma "La piccola Roma" ("Ruma Żgħira"), tinsab 'il fuq minn 2,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, u kienet post ideali għall-kostruzzjoni minħabba l-klima relattivament friska; l-arkitetti użaw materjali lokali kif ukoll Taljani.
Xi binjiet notevoli jinkludu l-Binja ta' Tagliero tal-Fiat, il-Bar Zilli, it-teatru tal-opri, lukandi u ċinema, bħaċ-Cinema Impero.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem". Iċ-Ċentru Storiku ta' Asmara tqiegħed fil-Lista tal-2006 tal-Fond Dinji tal-Monumenti bħala wieħed mill-iżjed 100 sit fil-periklu. Din il-lista kienet maħsuba biex tiġbed iktar attenzjoni lejn il-belt biex iċ-ċentru jiġi salvat mid-deterjorament, jiġi żviluppat mill-ġdid u jiġi promoss ir-restawr. Wara CARP (inizjattiva tal-Bank Dinji dwar il-Wirt Kulturali), id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) f'Asmara impenjat ruħha fi Proġett tal-Wirt għar-restawr tal-binjiet u għall-ġestjoni tal-arkivji. Fl-2010 ġie varat il-Proġett Kulturali tal-UE/Eritrea u kien mistenni li jitlesta sal-2014.
Erba' attrazzjonijiet prinċipali kbar tal-belt huma l-Knisja Kattolika tal-Madonna tar-Rużarju, il-Katidral Kattoliku Koptiku ta' Kidane, il-Katidral ta' Enda Mariam tal-Knisja Ortodossa Tewahedo tal-Eritrea, u l-Moskea Iżlamika ta' Al Khulafa Al Rashiudin. Il-popolazzjoni fir-Reġjun Ċentrali, fejn hemm Asmara, hija 89 fil-mija Kristjana (kważi 84 fil-mija Ortodossa, 4 fil-mija Kattolika Rumana, u iktar minn 1 fil-mija Protestanta) u 5 fil-mija Musulmana.
Asmara hija wkoll is-sede tal-arċisqof tal-Knisja Ortodossa Tewahedo tal-Eritrea, li saret awtoċefala fl-1993. L-arċisqof fl-1998 ġie elevat għall-grad ta' Patriarka tal-Eritrea.
Il-Linja tal-Ajru tal-Eritrea, il-Korporazzjoni tat-Telekomunikazzjoni tal-Eritrea, u kumpaniji oħra għandhom is-sede tagħhom fil-belt. L-istazzjon televiżiv nazzjonali Eri-TV għandu bosta studjos f'diversi żoni fil-belt kapitali.
Il-Birrerija ta' Asmara, li nbniet fl-1939 bl-isem ta' Melotti, tinsab fil-belt u timpjega 600 ruħ. Il-birrerija tipproduċi l-birra ta' Asmara u xorb alkoħoliku ieħor bħar-rum u l-ġin. Il-birrerija hija s-sid u l-isponsor ukoll tat-tim lokali tal-futbol Asmara Brewery FC, xi kultant imsejjaħ ukoll "Asmara Birra".
Wara l-indipendenza tal-Eritrea, it-toroq ta' Asmara sarulhom proġetti estensivi ta' kostruzzjoni. It-toroq l-antiki ġew rinnovati u nbnew ukoll awtostradi ġodda. Hemm ħames toroq primarji biex wieħed joħroġ minn Asmara.
L-Ajruport Internazzjonali ta' Asmara jaqdi l-belt b'bosta titjiriet internazzjonali. L-Ajruport Internazzjonali ta' Massawa huwa ajruport alternattiv fil-qrib.
Mill-1999, hemm total ta' 317-il kilometru ta' binarji b'gejġ dejjaq ta' 950 mm (3 piedi 1+3⁄8 pulzier) fl-Eritrea. Il-Linja Ferrovjarja tal-Eritrea nbniet bejn l-1887 u l-1932. Wara li ġarrbet ħsarat estensivi matul it-Tieni Gwerra Dinjija u fil-ġlied ta' wara, ingħalqet sezzjoni wara l-oħra, bl-għeluq finali fl-1978. Wara l-indipendenza, sar sforz ta' rikostruzzjoni, u l-ewwel sezzjoni rikostruwit infetħet fl-2003. Mill-2009, is-sezzjoni minn Asmara sa Massawa kienet ġiet rikostruwita għalkollox u saret disponibbli għas-servizz.
Asmara dejjem kienet ċentru nazzjonali tal-edukazzjoni, u fiha hemm bosta skejjel primarji, sekondarji u postsekondarji. Fiha kien hemm ukoll l-Università ta' Asmara li ġiet stabbilita fl-1958 u li ngħalqet fl-2006, wara l-ftuħ ta' università f'Mai Nefhi. Matul il-perjodu tal-Federazzjoni u l-Annessjoni Etjopjana, l-università kienet ikkollegata wkoll mal-ikbar istituzzjoni terzjarja tan-nazzjon f'dak iż-żmien, l-Università ta' Addis Ababa.
Asmara hija maqsuma fi 13-il distrett jew żona amministrattiva. Dawn id-distretti huma maqsuma mill-ġdid fiż-żoni tat-Tramuntana, tal-Majjistral, tal-Grigal, tax-Xlokk, tal-Lbiċ, tal-Lvant, tal-Punent u Ċentrali. It-tlettax-il distrett (jew Neous Zobas) huma:
This article uses material from the Wikipedia Malti article Asmara, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.