Oliver Friggieri (27 ta’ Marzu 1947 – 21 ta’ Novembru 2020) kien poeta, rumanzier, kritiku letterarju u filosfu Malti.
Kien jgħallem l-Università ta’ Malta u kellu sehem ewlieni fit-twaqqif tal-istorja u l-kritika letterarja bil-Malti, bi studji dwar Dun Karm, Rużar Briffa u bosta kittieba oħra. Bil-kitbiet tiegħu stinka biex jippromwovi l-lingwa u l-identità kulturali Maltija. Ħaddem bosta ġeneri ġodda għal-lingwa u kiteb l-ewwel kantata u libretti għall-ewwel oratorju bil-Malti. Wieħed mill-iktar rumanzi famużi u kontroversjali tiegħu, Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri (1986), jattakka l-qasmiet tribalistiċi fis-soċjetà kkawżati mill-politika. Bħala filosfu, ken interessat l-iktar fl-epistemoloġija u l-eżistenzjaliżmu.
Oliver Friggieri | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Furjana, 27 Marzu 1947 |
Nazzjonalità | Malta |
Mewt | 21 Novembru 2020 |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Malta |
Lingwi | Malti Taljan |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | kittieb poeta kritiku letterarju għalliem fl-università literary translator (en) traduttur |
Post tax-xogħol | Malta |
Impjegaturi | Università ta' Malta |
Oliver Friggieri twieled il-Furjana fl-1947 u kien imur l-Iskola Primarja tal-Furjana u s-Seminarju Minuri tal-Arċisqof. Kien seminarista fis-Seminarju Maġġuri sal-1967.
Daħal l-Università Rjali ta’ Malta fl-1964 u kiseb Baċellerat tal-Arti fil-Malti, it-Taljan u l-Filosofija fl-1968. Fl-1975 sar l-ewwel student li ggradwa MA fil-letteratura Maltija. Fl-1978 kiseb dottorat fil-letteratura Maltija u l-Kritika Letterarja mill-Università Kattolika ta’ Milan, l-Italja bit-teżijiet ta' kritika komparatattiva La cultura italiana a Malta: storia e influenza letteraria e stilistica attraverso l’opera di Dun Karm u La Cultura Italiana del Romanticismo e la Poesia Maltese, li t-tnejn ħarġu bħala kotba fl-Italja.
Bejn l-1968 u l-1975, Friggieri għallem il-Malti u l-Filosofija fl-iskejjel sekondarji. Fl-1976 ingħaqad mal-Università ta’ Malta bħala assistent lettur. Inħatar lettur fl-1978, Associate Professor fl-1988 u Professur fl-1990. Kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti bejn l-1988 u l-2004. Għallem u mexxa t-teżijiet ta' mijiet ta’ studenti u ħafna minnhom komplew jgħallmu l-Malti jew jirriċerkaw diversi oqsma tal-Malti.
Fis-snin ta’ wara l-indipendenza, Friggieri kien fost il-kittieba ewlenin li ppromovew il-lingwa u l-letteratura Maltija. Kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju fl-1967. Kien membru tal-bord editorjali (1967-1973) u mbagħad l-editur (1974-75) ta’ Il-Polz, il-ġurnal tal-Moviment. Fl-1971, flimkien ma’ oħrajn, beda s-Sagħtar, magazine letterarju u kulturali popolari ħafna mat-tfal Malti. Fl-istess sena, flimkien ma’ Pawlu Mizzi, waqqaf il-Klabb Kotba Maltin, dar għall-pubblikazzjoni ta’ kotba bil-Malti. Fl-1980 inħatar editur tal-Journal of Maltese Studies. Kien ukoll membru tal-Association Internationale des Critiques Litteraires ta’ Pariġi.
Friggieri ppubblika xogħlijiet f’bosta ġeneri differenti, fosthom dizzjunarji letterarji, oratorji, kantati, kritika letterarja, bijografiji letterarji u antoloġiji ta’ poeżiji tiegħu u ta’ kittieba oħra. Kiteb il-librett tal-ewwel oratorju (Pawlu ta’ Malta, 1989) u l-ewwel kankata (L-Għanja ta’ Malta, 1989) bil-Malti, it-tnejn li huma b’mużika ta’ Charles Camilleri. Friggieri analizza wkoll ix-xogħlijiet tal-pijunieri tal-kitba bil-Malti bħal Pietru Caxaro u Mikiel Anton Vassalli. Ix-xogħlijiet tiegħu ġew pubblikati f’16-il lingwa, fosthom l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniz, it-Taljan u l-Grieg.
Friggieri ppubblika bosta artikli f’ġurnali bil-Malti bħal L-Orizzont u In-Nazzjon, rumanzi u novelli. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet fihom riflessjonijiet filosofiċi u eżistenzjali u ħafna drabi element ta’ patos. Ir-rumanz tiegħu Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri kien kontroversjali meta ħareġ fl-1986 minħabba li wera b’mod ċar it-tribaliżmu politiku f’Malta. Kiteb ukoll il-poeżija Karin u Raymond f’ġieħ Karin Grech u Raymond Caruana, vittmi tal-vjolenza politika f’Malta fis-snin sebgħin u tmenin tas-seklu għoxrin.
Friggieri kien parti mill-kumitat li qaleb it-testi legali tal-Unjoni Ewropea għall-Malti. Qaleb għall-Malti wkoll diversi xogħlijiet letterarji mill-Ingliż, mit-Taljan u mil-Latin. Fl-2008 ippubblika l-awtobijografija Fjuri li ma Jinxfux, li jkopri s-snin bejn l-1955 u l-1990. Fl-2013 intalab imexxi l-Fondazzjoni għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali. Rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb diversi drabi u fl-2016 ingħata l-midalja tad-deheb Ġieħ l-Akkademja tal-Malti.
Oliver Friggieri kien miżżewweġ lil Eileen u kellhom tifla waħda, Sara, u żewġ neputijiet.
Miet fil-21 ta’ Novembru 2020. Il-Gvern ta’ Malta onorah b’funeral statali u jum ta’ luttu nazzjonali fil-25 ta’ Novembru 2020. It-tebut tiegħu tqiegħed fil-Knisja Arċipretali tal-Furjana u għadda mill-Università ta' Malta, Tal-Qroqq, qabel ma ttieħed l-Imdina għall-quddiesa funebri mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
F'Diċembru 2020, permezz ta' mozzjoni mressqa mill-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista James Aaron Ellul fil-Kunsill Lokali tal-Floriana sar magħruf li triq fil-Floriana se tkun qed tissemma għal Friggieri.
F'Marzu 2021 tħabbar li se jsir monument disinjat mill-iskultur John Grima f'ġieħ Oliver Friggieri, il-Furjana, fejn twieled u trabba.
Friggieri kiteb għadd kbir ta' kotba ta' ħafna ġeneri, maħruġa f'Malta kif ukoll u f'ħafna pajjiżi barranin. Ir-rumanzi, in-novelli u l-poeżiji tiegħu nqalbu f'ħafna ilsna. Kotba tiegħu dehru bl-Ingliż, Taljan, Franċiż, Maċedonjan, Sloven, Serbo-Kroat, Grieg, Romen, Għarbi, Bengali, Urdu, Russu. L-istudji tiegħu, bl-Ingliż u bit-Taljan, dehru f'għadd ta' rivisti akkademiċi madwar id-dinja.
Ħa sehem f'iktar minn sittin kungress internazzjonali tal-Letterarura u rebaħ diversi premjijiet internazzjonali. Qaleb għall-Malti bosta xogħlijiet mil-Latin, Ingliż u Taljan. Kien lecturer fl-Università ta' Malta fil-letteratura Maltija.
Din li ġejja mhijiex il-lista kompluta tax-xogħlijiet letterarji ta' Oliver Friggieri.
"Jekk" (il-poeżija li xi versi minnha jinsabu fuq il-bus shelters Maltin)
Jekk tifhem x'jgħidu l-kwiekeb
lill-qamar tul il-lej',
jekk tagħraf minn fejn telaq
is-sħab, fejn sejjer, fej',
jekk tirfes kull mogħdija
u tterraq kullimkien,
jekk tkellem lil kull ħlejqa
li tikber fil-ħolqien,
jekk togħdos fl-ibħra kollha
u tmiss qiegħ l-oċean,
jekk titla' kull muntanja
u titfi kull vulkan,
jekk tifhem lil kull siġra
u tkellem lil kull fjur,
jekk torqod ma' kull dudu
u tqum ma' kull għasfur,
jekk tgħodd in-numri kollha
u taf kull alfabett,
jekk tħott kull teorema
u żżarma kull kunċett,
jekk togħxa b'kull tbissima
u tokrob b'kull uġigħ,
jekk toftoq il-kliem kollu
u ssib is-sens li fih,
jekk taf kif kien il-bidu
u kif se jkun it-tmiem,
jekk taf kull fuq, kull isfel,
kull wara, kull quddiem,
jekk taf għaliex kull għabex
iżelleġ kull żerniq,
jekk taf kemm hija twila,
kemm twila, twila t-triq,
jekk taf għaliex l-iżbalji,
u taf x'inhu perfett,
jekk taf għax serp jitkaxkar
u għax itir farfett,
jekk ittawwalt iżżejjed
fuq xifer il-ġibjun
tal-qalb biex issa ttella'
bis-satal x'hemm midfun,
jekk il-maltemp sikkittu
u lill-irjieħ raqqadt,
jekk l-ilmijiet nixxitfhom
u lin-nirien qabbadt,
jekk fhimt kull mistoqsija
u jekk kull ħalfa ħlift,
u jekk kull rebħa rbaħtha
u jekk kull telfa tlift,
- il-petali tal-warda
waqgħulek minn idejk,
dan l-univers itektek
inqasam hemm, f'riġlejk.
Il-ħajja mistoqsija
miġbura f'elf għaliex,
u ssirlek poeżija
jekk int ma tweġibhiex.
Hekk biss ikun poeta
Għax hekk ikun poeta.
Jitkellem bi tbissima,
iħoss b’qalb tikwi nar,
u jaħraq dinja sħiħa
bi mħabbtu lejl u nhar.
Iweġġa’ bla ma jsawwat,
jissawwat bla jiqliel,
il-ġid jislet mill-ħażen,
fil-kruha jara l-ġmiel.
Ibaħħar fl-oċejani
u jogħdos f’qiegħ id-dmugħ,
b’testment bla flus iħalli
il-kliem, teżor tar-ruħ.
Iżomm ma’ xofftu l-kalċi
bla ma jitilqu qatt,
ilaqqat l-aħħar qatra
bla ma jintebaħ ħadd.
U jolfoq bla jinstema’,
ibati taħt sigriet,
bid-dmugħ jidlek il-ġrieħi,
bix-xejn jimla x-xewqiet.
F’deżert ta’ solitudni
bil-pass ta’ nkiss inkiss
iterraq sa ma jasal
f’riġlejn il-kurċifiss.
Il-golgota twelidu,
il-golgota xortih,
il-golgota li tkissru,
il-golgota li tqawwih.
Hekk biss ikun poeta.
Ara ukoll il-poeżija Karin u Raymond
Wiki Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Oliver Friggieri (Oliver Friggieri) |
This article uses material from the Wikipedia Malti article Oliver Friggieri, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.