Sit Ta' Wirt Dinji: Sit fuq il-lista tal-UNESCO ta ’importanza kulturali jew naturali

Sit ta' Wirt Dinji (l-isem uffiċjali kif jidher fuq il-plakka tas-Siti ta' Wirt Dinji f'Malta u Għawdex) huwa sit ikoniku jew żona bi protezzjoni legali permezz ta' konvenzjoni internazzjonali amministrata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO).

Is-Siti ta' Wirt Dinji jiġu deżinjati mill-UNESCO talli jkunu sinifikanti kulturalment, storikament, xjentifikament jew għal xi mod ieħor. Is-siti jiġu ġġudikati bħala "wirt kulturali u naturali madwar id-dinja ta' valur straordinarju għall-umanità". Sabiex sit jintgħażel bħala Sit ta' Wirt Dinji jrid b'xi mod ikun sit ikoniku uniku, li jkun identifikabbli ġeografikament u storikament, u jkollu xi karatteristika speċjali sinifikanti kulturalment jew fiżikament. Pereżempju, is-Siti ta' Wirt Dinji jistgħu jkunu fdalijiet antiki jew strutturi storiċi, binjiet, bliet (fl-1978 Quito, l-Ekwador, u Krakovja, il-Polonja, kienu l-ewwel żewġ bliet sħaħ li ġew iddikjarati bħala Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO), deżerti, foresti, gżejjer, lagi, monumenti, muntanji, jew żoni b'natura selvaġġa. Sit ta' Wirt Dinji jista' jirrappreżenta kisba notevoli tal-umanità, u jservi bħala evidenza tal-istorja intellettwali tagħna fid-dinja, jew ikun post ta' ġmiel naturali kbir. Minn Lulju 2021, jeżistu 1,154 Sit ta' Wirt Dinji (897 sit kulturali, 218-il sit naturali, u 39 sit ‘imħallat', jiġifieri jkun hemm kulturali kif ukoll naturali) f'167 pajjiż. L-Italja, bi 58 sit, hija l-pajjiż bl-ikbar ammont ta' Siti ta' Wirt Dinji, segwita miċ-Ċina b'56 sit.

Sit Ta' Wirt Dinji: Storja, Objettivi u riżultati pożittivi, Proċess tan-nominazzjoni
L-emblema tal-Wirt Dinji tintuża biex tidentifika l-proprjetajiet protetti mill-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji u iskritti fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.

Il-ħsieb wara s-siti huwa li jiġu kkonservati għall-posterità, għaliex inkella jissograw iġarrbu xi ħsara mill-aċċess mhux sorveljat, mhux kontrollat jew mhux ristrett tal-annimali jew tal-bniedem, jew ikunu mhedda minħabba xi negliġenza amministrattiva lokali. Is-siti jiġu ddemarkati mill-UNESCO bħala żoni protetti. Il-lista tas-siti jieħu ħsiebha l-Programm tal-Wirt Dinji amministrat mill-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, magħmul minn 21 Stat Membru li jiġu eletti mill-Assemblea Ġenerali tagħhom. Il-Programm jikkataloga, jelenka u jikkonserva s-siti ta' importanza kulturali jew naturali straordinarja għall-kultura u għall-wirt komuni tal-umanità. Il-Programm ingħata bidu mill-"Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji", li ġiet adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fis-16 ta' Novembru 1972. Minn dak iż-żmien 'l hawn, 193 Stat Membru rratifikaw il-Konvenzjoni, li titqies bħala wieħed mill-iktar ftehimiet internazzjonali rrikonoxxuti l-iktar madwar id-dinja u bħala wieħed mill-iktar programmi kulturali popolari fid-dinja. Dawn l-Istati Membri huma maqsuma f'ħames żoni/reġjuni tad-dinja: l-Afrika, l-Istati Għarab, l-Asja u l-Paċifiku, l-Ewropa u l-Amerka ta' Fuq, u l-Amerka Latina u l-Karibew.

Storja

Oriġini

Sit Ta' Wirt Dinji: Storja, Objettivi u riżultati pożittivi, Proċess tan-nominazzjoni 
Ir-rilokazzjoni tat-tempji ta' Abu Simbel bl-għajnuna tal-UNESCO

Fl-1954, il-gvern tal-Eġittu ddeċieda li jibni d-Diga ta' Aswan, li kienet tfisser il-ħolqien futur ta' ġibjun li kien se jgħerreq medda kbira tal-wied tan-Nil, mimlija teżori kulturali tal-Eġittu u ta' Nubja tal-qedem. Fl-1959, il-gvernijiet tal-Eġittu u tas-Sudan talbu lill-UNESCO tgħinhom jipproteġu u jsalvaw il-monumenti u s-siti li kienu fil-periklu. Fl-1960, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO nieda l-Kampanja Internazzjonali biex jiġu Salvati l-Monumenti ta' Nubja. Din irriżultat fl-iskavi u fir-reġistrazzjoni ta' mijiet ta' siti, fl-irkupru ta' eluf ta' oġġetti, kif ukoll fis-salvataġġ u r-rilokazzjoni ta' diversi tempji importanti f'elevazzjoni ogħla mil-livell tal-ilma tad-diga. Fost l-iktar tempji famużi kien hemm dawk ta' Abu Simbel u Philae. Il-kampanja ntemmet fl-1980 u ġiet ikkunsidrata bħala suċċess. Sabiex irodd ħajr lil dawk il-pajjiżi li taw kontribut speċjali biex il-kampanja tirnexxi, l-Eġittu tahom erba' tempji bħala donazzjoni: it-Tempju ta' Dendur ġie mċaqlaq lejn il-Metropolitan Museum of Art fi New York, l-Istati Uniti, it-Tempju ta' Debod ġie mċaqlaq lejn il-Parque del Oeste f'Madrid, it-Tempju ta' Taffeh ġie mċaqlaq lejn ir-Rijksmuseum van Oudheden f'Amsterdam, in-Netherlands, u t-Tempju ta' Ellesyia ġie mċaqlaq lejn il-Museo Egizio f'Torino, l-Italja.

Il-proġett sewa US$80 miljun, u madwar $40 miljun minnhom inġabru minn 50 pajjiż. Is-suċċess tal-proġett wassal għal kampanji oħra ta' salvagwardja, fosthom dawk biex jiġu salvati Venezja u l-laguna tagħha fl-Italja, il-fdalijiet ta' Mohenjo-daro fil-Pakistan, u t-Tempju ta' Borobodur fl-Indoneżja. Flimkien mal-Kunsill Internazzjonali għall-Monumenti u s-Siti (ICOMOS), l-UNESCO mbagħad bdiet tfassal abbozz ta' konvenzjoni għall-protezzjoni tal-wirt kulturali.

Konvenzjoni u sfond

Il-konvenzjoni (id-dokument iffirmat tal-ftehim internazzjonali) li tiggwida l-ħidma tal-Kumitat tal-Wirt Dinji ġiet żviluppata fuq perjodu ta' seba' snin (1965-1972).

L-Istati Uniti taw bidu għall-idea li jiġu ssalvagwardjati l-postijiet li jkollhom importanza kulturali jew naturali kbira. Konferenza li seħħet fil-White House fl-1965 sejħet għal Grupp tal-Wirt Dinji ("World Heritage Trust") biex jippreserva "ż-żoni naturali u xeniċi kif ukoll is-siti storiċi straordinarji tad-dinja għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri kollha". Fl-1968, l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura żviluppat proposti simili, u fl-1972 dawn ġew ippreżentati lill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent Uman fi Stokkolma, l-Iżvezja. Fi ħdan il-Kumitat tal-Wirt Dinji, il-pajjiżi firmatarji huma meħtieġa jipproduċu u jippreżentaw rapportar perjodiku tad-data sabiex il-kumitat ikollu ħarsa ġenerali għal kull pajjiż parteċipant tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji u tal-kundizzjonijiet attwali tas-Siti ta' Wirt Dinji.

Abbażi tal-abbozz tal-konvenzjoni li kienet ħejjiet l-UNESCO, eventwalment intlaħaq qbil bejn il-partijiet kollha fuq test uniku, u fis-16 ta' Novembru 1972 "il-Konvenzjoni Dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji" ġiet adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Diċembru 1975. Sa minn Ġunju 2020, ġiet irratifikata minn 193 parti: 189 Stat Membru tan-NU, 2 stati osservaturi tan-NU (is-Santa Sede u l-Palestina) u 2 stati f'assoċjazzjoni ħielsa ma' New Zealand (il-Gżejjer Cook u Niue). Erba' Stati Membri tan-NU biss ma rratifikawx il-Konvenzjoni: il-Liechtenstein, Nauru, is-Somalja u Tuvalu.

Objettivi u riżultati pożittivi

Sit Ta' Wirt Dinji: Storja, Objettivi u riżultati pożittivi, Proċess tan-nominazzjoni 
Tlugħ ix-xemx f'Angkor, il-Kambodja

Billi tassenja t-titlu ta' Siti ta' Wirt Dinji lil xi postijiet, l-UNESCO trid tkun ta' għajnuna biex ikunu jistgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri. Il-motivazzjoni tal-UNESCO hi li "l-wirt huwa l-legat tagħna mill-imgħoddi, dak li ngħixu bih illum" u li kemm il-wirt kulturali kif ukoll dak naturali huma "sorsi ta' ħajja u ta' ispirazzjoni li ma jista' jeħdilhom posthom xejn". Il-missjoni tal-UNESCO fir-rigward tal-wirt dinji fiha tmien sottogħanijiet. Dawn jinkludu t-tħeġġiġ tal-impenn tal-pajjiżi u tal-popolazzjoni lokali favur il-konservazzjoni tal-wirt dinji b'diversi modi, il-provvista ta' assistenza ta' emerġenza għal siti fil-periklu, l-offerta ta' assistenza teknika u ta' taħriġ professjonali, u l-appoġġ għall-attivitajiet tal-Istati Membri biex ikun hemm sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

Sit Ta' Wirt Dinji: Storja, Objettivi u riżultati pożittivi, Proċess tan-nominazzjoni 
Veduta tal-Belt Antika ta' Dubrovnik, il-Kroazja

Meta sit jiġi elenkat bħala Sit ta' Wirt Dinji, dan jista' jkollu impatt pożittiv fuq is-sit stess, fuq l-ambjent tiegħu, kif ukoll fuq l-interazzjonijiet bejn is-sit u l-ambjent tiegħu. Ladarba jiġi elenkat, Sit ta' Wirt Dinji jikseb rikonoxximent internazzjonali u protezzjoni legali, u jista' jingħata finanzjament, fost l-oħrajn mill-Fond tal-Wirt Dinji, sabiex tiġi ffaċilitata l-konservazzjoni tiegħu b'ċerti kundizzjonijiet. L-UNESCO ssemmi r-restawr tal-erba' siti li ġejjin bħala ġrajjiet ta' suċċess: Angkor Wat fil-Kambodja, il-Belt Antika ta' Dubrovnik fil-Kroazja, il-Minjiera tal-Melħ ta' Wieliczka qrib Krakovja, fil-Polonja, u ż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Ngorongoro fit-Tanzanija. Barra minn hekk, il-popolazzjoni lokali qrib is-sit tista' tgawdi minn żieda sinifikanti fid-dħul mit-turiżmu. Meta jkun hemm interazzjonijiet sinifikanti bejn in-nies u l-ambjent naturali, dawn jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala "pajsaġġi kulturali" u jgħoddu bħala sit fihom infushom. Dan ir-rikonoxximent ilu jeżisti mill-1992.

Proċess tan-nominazzjoni

L-ewwel u qabel kollox pajjiż irid jelenka s-siti kulturali u naturali sinifikanti tiegħu f'dokument magħruf bħala Lista Indikattiva. Dan huwa pass importanti għaliex pajjiż ma jistax jaqbad u jinnomina xi sit li ma jkunx għadu ġie inkluż fil-Lista Indikattiva tiegħu. Ladarba jagħmel dan l-ewwel pass, pajjiż jista' jqiegħed xi siti magħżulin minn dik il-lista f'Dokument tan-Nominazzjoni, li jiġi evalwat mill-Kunsill Internazzjonali għall-Monumenti u s-Siti u mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura. Imbagħad, dawn il-korpi jistgħu jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Kumitat tal-Wirt Dinji. Il-Kumitat jiltaqa' darba fis-sena biex jiddetermina jekk sit innominat għandux jiddaħħal fil-Lista tal-Wirt Dinji; xi kultant jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu jew jitlob iktar tagħrif mill-pajjiż li jkun innomina s-sit. B'kollox hemm għaxar kriterji tal-għażla u biex sit jiġi inkluż fil-Lista tal-Wirt Dinji, irid jissodisfa minn tal-inqas wieħed minnhom.

Kriterji tal-għażla

Sit Ta' Wirt Dinji: Storja, Objettivi u riżultati pożittivi, Proċess tan-nominazzjoni 
Lapida fid-daħla tal-Belt Valletta b'iskrizzjoni dwar meta tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji mill-UNESCO

Sal-2004 kien hemm sitt kriterji għall-wirt kulturali u erba' għall-wirt naturali. Fl-2005 dan ġie mmodifikat u issa hemm sett wieħed biss ta' għaxar kriterji. Is-siti li jiġu nnominati jrid ikollhom "valur universali straordinarju" u jridu jissodisfaw minn tal-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. L-uniku eċċezzjoni huwa l-kriterju 6 li l-Kumitat tal-Wirt Dinji jqis li preferibbilment għandu jkun ikkombinat ma' xi kriterju ieħor. Dawn il-kriterji ġew immodifikati jew emendati diversi drabi minn mindu tfasslu iżda l-għaxar kriterji attwali huma dawn li ġejjin:

  1. "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem";
  2. "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ";
  3. "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet";
  4. "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem";
  5. "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli";
  6. "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju";
  7. "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali";
  8. "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti";
  9. "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar";
  10. "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".

Estensjonijiet u modifiki oħra

Pajjiż jista' jitlob estensjoni jew tnaqqis tal-konfini, jimmodifika l-isem uffiċjali, jew jibdel l-kriterji tal-għażla ta' wieħed jew iktar mis-Siti ta' Wirt Dinji tiegħu li diġà jkunu iskritti fil-lista tal-UNESCO. Kwalunkwe proposta biex issir xi bidla sinifikanti fil-konfini jew biex jiġu mmodifikati l-kriterji tal-għażla ta' xi sit iridu jiġu ppreżentati bħallikieku s-sit kien qed jiġi nnominat mill-ġdid, inkluż li jitqiegħed l-ewwel fil-Lista Indikattiva tal-pajjiż u mbagħad fid-Dokument tan-Nominazzjoni. Meta ssir talba biex ikun hemm bidla żgħira fil-konfini, waħda li ma jkollhiex impatt sinifikanti fuq is-sit inġenerali jew li ma taffettwax il-valur universali straordinarju tiegħu, xorta waħda tiġi evalwata mill-korpi konsultattivi qabel ma tintbagħat lill-Kumitat. Tali proposti jistgħu jiġu rrifjutati kemm mill-korpi konsultattivi kif ukoll mill-Kumitat jekk fil-fehma tagħhom il-bidla tkun waħda sinifikanti minflok waħda minuri. Il-proposti biex jinbidel l-isem uffiċjali ta' xi sit jintbagħtu direttament lill-Kumitat.

Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu

Sit jista' jitniżżel fil-Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu jekk il-kundizzjonijiet tiegħu jew esterni jheddu l-karatteristiċi li għalihom is-sit tniżżel fil-Lista tal-Wirt Dinji. Dawn jinvolvu pereżempju l-kunflitti armati u l-gwerer, id-diżastri naturali, it-tniġġis, l-insib, l-urbanizzazzjoni mhux ikkontrollata jew l-iżvilupp uman eċċessiv. Din il-lista ta' siti fil-periklu għandha l-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni internazzjonali fir-rigward tat-theddidiet, filwaqt li tħeġġeġ it-teħid ta' miżuri biex jilqgħu għalihom. It-theddidiet jistgħu ikunu theddidiet imminenti jew potenzjali li jista' jkollhom effetti avversi fuq sit partikolari.

Sit Ta' Wirt Dinji: Storja, Objettivi u riżultati pożittivi, Proċess tan-nominazzjoni 
Is-Santwarju Storiku ta' Machu Picchu, il-Perù, eżempju ta' sit imħallat (kulturali + naturali).

L-istat ta' konservazzjoni ta' kull sit fil-Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu tiġi rieżaminata kull sena; u mbagħad, il-Kumitat jista' jitlob li jittieħdu miżuri addizzjonali, li s-sit jitħassar minn dik il-lista jekk ma jkunx hemm iktar theddidiet, jew li s-sit jitħassar kemm minn dik il-lista kif ukoll mil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO. Din tal-aħħar ġrat tliet darbiet biss għal tliet siti: is-Santwarju tal-Għażżiel Għarab (Oryx leucoryx bil-Latin) fl-Oman, il-pajsaġġ kulturali tal-Wied tax-Xmara Elbe fi Dresden, il-Ġermanja, u l-Belt Merkantili Marittima ta' Liverpool, ir-Renju Unit. Is-Santwarju tal-Għażżiel Għarab fl-Oman tħassar direttament mil-Lista tal-Wirt Dinji fl-2007, minflok tpoġġa l-ewwel fil-lista tas-siti fil-periklu, wara li l-gvern tal-Oman ddeċieda li jnaqqas id-daqs taż-żona protetta b'90 %. Il-pajsaġġ kulturali tal-Wied tax-Xmara Elbe fi Dresden, l-ewwel tpoġġa fil-lista tas-siti fil-periklu fl-2006, wara li l-Kumitat tal-Wirt Dinji ddeċieda li l-pjanijiet ta' kostruzzjoni tal-Pont Waldschlösschen kienu se jalteraw b'mod sinifikanti l-pajsaġġ tal-wied. Minkejja li l-Kunsill Lokali tal-Belt ta' Dresden ipprova jwaqqaf il-kostruzzjoni tal-pont, diversi deċiżjonijiet tal-qorti ppermettew il-kostruzzjoni tal-pont xorta waħda, u b'hekk il-wied tneħħa mil-Lista tal-Wirt Dinji fl-2009. Il-Belt Merkantili Marittima ta' Liverpool tħassret mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji f'Lulju 2021 minħabba l-kostruzzjoni ta' bosta binjiet moderni fil-qalba tas-sit, speċjalment il-proġett tal-grawnd il-ġdid tal-Everton FC.

Mill-ewwel valutazzjoni globali biex jitkejlu b'mod kwantitattiv it-theddidiet għas-Siti Naturai ta' Wirt Dinji threats to Natural World Heritage Sites ħareġ li f'dawn l-aħħar għoxrin sena, 63 % tas-siti naturali ġarrbu xi ħsara minħabba żieda fil-pressjoni mill-attivitajiet tal-bniedem, pereżempju l-bini ta' toroq, ta' infrastruttura agrikola u ta' insedjamenti. Dawn l-attivitajiet ipoġġu lis-Siti Naturali ta' Wirt Dinji fil-periklu u jistgħu jikkompromettu l-valur universali straordinarju tagħhom. Mis-Siti Naturali ta' Wirt Dinji li fihom xi tip ta' foresta, 91 % minnhom esperjenzaw xi telf ta' foresti mis-sena 2000 'l hawn. Ħafna minnhom huma mhedda ferm iktar milli kien maħsub u jeħtieġu azzjoni immedjata ta' konservazzjoni.

Barra minn hekk, il-qerda tal-assi kulturali u tas-siti li jiffurmaw parti integranti mill-identità ta' pajjiż saret waħda mill-objettivi primarji tal-gwerer asimetriċi moderni. Sfortunatament, f'dawn l-aħħar snin, it-terroristi, ir-ribelli u l-armati merċenarji qabdu jkissru b'mod deliberat is-siti arkeoloġiċi, jeqirdu l-monumenti sagri u lajċi, u jisirqu l-affarijiet mil-libreriji, mill-arkivji u mill-mużewijiet. It-tim konġunt tan-NU u tal-UNESCO għaż-żamma tal-paċi, b'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tat-Tarka Blu (Blue Shield International), huwa attiv biex jipprevjeni kemm jista' jkun dawn l-atti. Barra minn hekk, jitħejjew listi apposta ta' assi kulturali li mhux suppost jiġu affettwati minn attakki mill-ajru. Madankollu, l-implimentazzjoni sostenibbli tal-protezzjoni tas-Siti ta' Wirt Dinji, tal-fdalijiet arkeoloġiċi, tas-siti u tal-artefatti arkeoloġiċi mill-qerda, mill-ħsarat u mis-serq, tista' ssir biss permezz tal-kooperazzjoni mal-popolazzjonijiet lokali.

Kritika

Minkejja s-suċċessi tal-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO fil-promozzjoni tal-konservazzjoni, dan il-proġett amministrat mill-UNESCO rċieva wkoll xi kritika. Din il-kritika tressqet minħabba l-perċezzjoni ta' sottorappreżentanza ta' siti ta' wirt kulturali barra l-Ewropa, diżgwidi dwar xi deċiżjonijiet rigward l-għażla tas-siti, u l-impatt negattiv tat-turiżmu tal-massa fuq ċerti siti li xi kultant isibuha diffiċli biex ilaħħqu maż-żieda rapida fin-numru ta' viżitaturi. B'xorti ħażina, żviluppat industrija kbira ta' pressjoni biex siti partikolari jsiru Sit ta' Wirt Dinji minħabba li dan ir-rikonoxximent jista' jġib miegħu żieda sinifikanti fl-introjtu mit-turiżmu. Il-proċedura biex sit jittanta xortih biex isir Sit ta' Wirt Dinji spiss tieħu ħafna żmien u tiswa' ħafna flus, u għalhekk il-pajjiżi l-fqar huma żvantaġġati. L-isforzi tal-Eritrea biex tippromwovi l-belt kapitali ta' Asmara huma eżempju ċar ta' dan. Fl-2016, intqal li l-gvern tal-Awstralja kien irnexxielu jġibha żewġ biex l-isforzi ta' konservazzjoni tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jitneħħew minn rapport tal-UNESCO bit-titlu "Il-Wirt Dinji u t-Turiżmu fi Klima li Qed Tinbidel". Jingħad li l-azzjonijiet tal-gvern tal-Awstralja ttieħdu minħabba t-tħassib tiegħu li jekk is-Sikka l-Kbira tal-Qroll titqiegħed fil-Lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu, dan seta' jkollu impatt negattiv fuq it-turiżmu. Diversi Siti ta' Wirt Dinji bħal George Town f'Penang, il-Malasja, Casco Viejo fil-Panama u Hội An fil-Vjetnam sabuha diffiċli biex ikollhom bilanċ tajjeb bejn il-benefiċċji ekonomiċi taż-żieda kbira fin-numru ta' viżitaturi u l-preservazzjoni tal-kultura oriġinali u tal-komunitajiet lokali li fl-aħħar mill-aħħar wasslu biex is-sit inkwistjoni jitqies li għandu valur universali straordinarju.

Ara wkoll

Referenzi

Tags:

Sit Ta' Wirt Dinji StorjaSit Ta' Wirt Dinji Objettivi u riżultati pożittiviSit Ta' Wirt Dinji Proċess tan-nominazzjoniSit Ta' Wirt Dinji Kriterji tal-għażlaSit Ta' Wirt Dinji Estensjonijiet u modifiki oħraSit Ta' Wirt Dinji Siti ta Wirt Dinji fil-PerikluSit Ta' Wirt Dinji KritikaSit Ta' Wirt Dinji Ara wkollSit Ta' Wirt Dinji ReferenziSit Ta' Wirt DinjiEkwadorGħawdexItaljaKrakovjaMaltaMonumentPajjiżPolonjaQuitoUNESCOĊina

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

NepalTaġikistanRepubblika DominikanaAlfabett MaltiMalarjaBernTanżanijaRużar BriffaMongoljaGanaTransnistrijaSevero OchoaKorea ta' FuqMiriam Spiteri DebonoMahathir MohamadLista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-LitwanjaIrħula ta' MaltaCuraçaoLogħob OlimpikuSaint Vincent u l-GrenadiniIkħalKelbĦong KongAssurRussjaTurkmenistanMaliBelt ta' New YorkPremju Nobel għall-FiżikaPremier LeagueMassimiljanu KolbeSenglea Athletic FCFondazzjoni WikimediaSaffi tal-gżejjer MaltinHector BrunoBarokkKoranL-ImsidaIl-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista (Caravaggio)Haley BugejaKurgan (belt)ĠermanjaLewnTrevor TemplemanReliġjonJan VermeerWorldCatMaltinBotswanaBormlaMammiferuKarbonjuWiki CommonsRafahSengħaFestival tal-Eurovision 2020TallinnRaffaelloMalala YousafzaiMalawiIranBitcoin🡆 More