L-Għid jew l-Għid il-Kbir jew Ħadd l-Irxoxt (bl-Ingliż: Easter, bl-Aramajk, bil-Grieg u bil-Latin: Pascha, huwa festa u btala kulturali Kristjana li tfakkar lil Kristu jirxoxta mill-mewt, deskritt fit-Testment il-Ġdid bħala avveniment li seħħ fit-tielet jum wara li ndifen, wara li kien issallab mir-Rumani fil-Kalvarju għall-ħabta tat-30 W.K.
Huwa l-qofol tal-Passjoni ta' Ġesù Kristu u qablu jiġi r-Randan, li huwa perjodu ta' sawm, talb u penitenza.
Il-Kristjani li jiċċelebraw l-Għid spiss jirreferu għall-ġimgħa ta' qabel l-Għid bħala l-Ġimgħa Mqaddsa, li fil-Kristjaneżmu tal-Punent tibda b'Ħadd il-Palm (li tfakkar id-daħla ta' Ġesù f'Ġerusalemm) u tinkludi l-Erbgħa Mqaddes (meta jitfakkar it-tradiment ta' Ġuda), Ħamis ix-Xirka (meta jitfakkar il-Ħasil tas-Saqajn u l-Aħħar Ċena), il-Ġimgħa l-Kbira (meta jitfakkru t-tislib u l-mewt ta' Ġesù) u Sibt il-Ġħid (meta jitfakkar il-mewt ta' Ġesù fuq is-salib). Fil-Kristjaneżmu tal-Lvant, l-istess jiem u avvenimenti jitfakkru bl-aġġettiv "(I)mqaddes/(I)mqaddsa" jew "il-Kbir(a)" wara isem il-jiem; u l-Għid innifsu jista' jissejjaħ ukoll "Pascha Mqaddsa/il-Kbira", "Ħadd il-Għid" jew "Pascha". Fil-Kristjaneżmu tal-Punent, l-Istaġun jew iż-Żmien tal-Għid, jibda f'Ħadd l-Irxoxt u jdum seba' ġimgħat, u jintemm fil-ħamsin jum, fil-Pentekoste jew l-Għid il-Ħamsin. Fil-Kristjaneżmu tal-Lvant, l-Istaġun tal-Pascha jintemm fil-Pentekoste wkoll, iżda l-Festa l-Kbira tal-Pascha tiġi ċċelebrata fid-39 jum, il-jum ta' qabel il-Festa tat-Tlugħ is-Sema.
L-Għid u l-vaganzi relatati miegħu huma festi li ma jinzertawx dejjem fl-istess data fissa; id-data tal-Għid tiġi komputata abbażi tal-kalendarju lunisolari (is-sena solari u żżid magħha l-fażi tal-Qamar), simili għall-kalendarju Lhudi. L-Ewwel Kunsill ta' Niċea (325) stabbilixxa żewġ regoli biss, jiġifieri l-indipendenza mill-kalendarju Lhudi u l-uniformità dinjija. Ma ġie spjegat l-ebda detall għall-komputazzjonijiet; dawn kienu jinħadmu fil-prattika, proċess li ħa s-sekli u ġġenera għadd ta' kontroversji. Il-komputazzjoni li qabdet l-iktar irriżultat fl-ewwel Ħadd wara l-qamar kwinta ekkleżjastiku li jseħħ l-ewwel wara l-21 ta' Marzu. Anke jekk dan jiġi kkalkulat abbażi tal-kalendarju Gregorjan iktar preċiż, id-data ta' dak il-qamar kwinta xi kultant ivarja minn dak tal-ewwel qamar kwinta astronomiku wara l-ekwinozju ta' Marzu.
It-terminu bl-Ingliż "Easter" oriġina mill-festival tal-alla femminili Anglo-Sassona tar-rebbiegħa Ēostre. It-terminu "Pascha" huwa marbut ukoll mal-Pèsach tal-Lhud (bl-Ebrajk: פֶּסַח pesach, bl-Aramajk: פָּסחָא pascha), kemm bħala oriġini (skont il-Vanġeli sinnottiċi, kemm it-tislib kif ukoll il-qawmien mill-mewt seħħeħ matul il-ġimgħa tal-Pèsach) u permezz tal-biċċa l-kbira tas-simboliżmu tiegħu, kif ukoll permezz tal-pożizzjoni tiegħu fil-kalendarju. Fil-biċċa l-kbira tal-lingwi Ewropej, kemm l-Għid Kristjan kif ukoll il-Pèsach Lhudi jissejħu bl-istess isem; u pereżempju fil-verżjonijiet iktar antiki tal-Bibbja bl-Ingliż, it-terminu "Easter" kien jintuża bħala traduzzjoni ta' "Pèsach". Id-drawwiet tal-Għid ivarjaw minn post għal ieħor fid-dinja Kristjana, u jinkludu l-quddies mat-tbexbix, purċissjoni ta' nofsillejl, it-tislimiet u l-iskambju ta' tislijiet tal-Għid, it-tħaddin tal-knejjes, u t-tiżjin u t-tkissir tal-bajd (ta' vera jew taċ-ċikkulata) tal-Għid bħala komunità (simbolu tal-qabar vojt). Il-ġilju tal-Għid, simbolu tal-irxoxt fil-Kristjaneżmu tal-Punent, tradizzjonalment iżejjen iż-żona tal-presbiterju tal-knejjes f'jum l-Għid u għall-bqija tal-Istaġun tal-Għid. Drawwiet oħra li saru assoċjati mal-Għid u jiġu osservati kemm mill-Kristjani kif ukoll minn minn oħrajn li mhumiex Kristjani jinkludu l-parati tal-Għid, iż-żfin fil-komunità (fil-Lvant tal-Ewropa), il-Fenek tal-Għid u l-kaċċa tal-bajd. Hemm ukoll ikel tradizzjonali tal-Għid li jvarja skont ir-reġjun u l-kultura. Pereżempju f'Malta fost l-ikel tradizzjonali tal-Għid ta' min isemmi l-figolli u l-qagħaq tal-appostli (kif ukoll il-kwareżimal u l-ħelu tal-ħarrub jew il-karamelli fir-Randan).
This article uses material from the Wikipedia Malti article Għid, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.