Nicolae Ceaușescu

Nicolae Ceaușescu (twieled fis-26 ta' Jannar 1918 – miet fil-25 ta' Diċembru 1989) kien politiku Komunista Rumen.

Hu kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista Rumen bejn l-1965 u l-1989, u b'hekk it-tieni u l-aħħar kap Komunista tar-Rumanija. Hu kien ukoll il-mexxej tal-pajjiż mill-1967 bħala President tal-Kunsill tal-Istat u mill-1974 bħala President tar-Repubblika sakemm ġie mneħħi fir-Rivoluzzjoni Rumena tal-1989.

Nicolae Ceaușescu
Nicolae Ceaușescu
1. President tar-Rumanija

29 April 1974 - 22 Diċembru 1989
← no value - Ion Iliescu (en) Translate
3. President tal-Kunsill Statali

9 Diċembru 1967 - 22 Diċembru 1989
Chivu Stoica (en) Translate - no value →
membru tal-Kamra tad-Deputati tar-Rumanija

Ħajja
Twelid Scornicești (en) Translate, 26 Jannar 1918
Nazzjonalità Renju tar-Rumanija
Repubblika Soċjalista tar-Rumanija
L-ewwel lingwa Rumen
Mewt Târgoviște (en) Translate, 25 Diċembru 1989
Post tad-dfin Ċimiterju ta' Ghencea
Kawża tal-mewt piena kapitali (ferita b'tir ta' arma tan-nar)
Familja
Konjuga/i Elena Ceaușescu
Ulied
uri
  • Zoia Ceaușescu (en) Translate
    Nicu Ceaușescu (en) Translate
    Valentin Ceaușescu (en) Translate
Aħwa
uri
  • Ion Ceaușescu (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater University of Nice Sophia Antipolis (en) Translate
M.V. Frunze Military Academy (en) Translate
Akkademja tal-Istudji Ekonomiċi ta' Bukarest
Lingwi Rumen
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
bniedem militari
skarpan
President tar-Rumanija
Parteċipant
Premjijiet
List
  • Order of the Hero of Socialist Labour Order of the Hero of Socialist Labour
    Order of Karl Marx Order of Karl Marx
    Gold Olympic Order Gold Olympic Order  (1985)
    Officer of the Legion of Honour Officer of the Legion of Honour
    Knight Grand Cross of the Order of St. Olav‎ Knight Grand Cross of the Order of St. Olav‎  (1980)
    Grand Cross of the Order of the Southern Cross Grand Cross of the Order of the Southern Cross
    Collar of the Spanish Order of the Civil Merit Collar of the Spanish Order of the Civil Merit  (1979)
    Hero of the Socialist Republic of Romania  (1971)
    Order of the Victory of Socialism Order of the Victory of Socialism
    Star of the Socialist Republic of Romania, 1st class Star of the Socialist Republic of Romania, 1st class
    Order of the October Revolution Order of the October Revolution
    Nicolae Ceaușescu Jubilee Medal "In Commemoration of the 100th Anniversary of the Birth of Vladimir Ilyich Lenin"
    Nicolae Ceaușescu Jubilee Medal "Twenty Years of Victory in the Great Patriotic War 1941–1945"
    Nicolae Ceaușescu Jubilee Medal "Thirty Years of Victory in the Great Patriotic War 1941–1945"
    Nicolae Ceaușescu Medal "For Strengthening of Brotherhood in Arms"
    Grand Cross Special Class of the Order of Merit of the Federal Republic of Germany Grand Cross Special Class of the Order of Merit of the Federal Republic of Germany  (17 Mejju 1971)
    Order of the Yugoslavian Great Star Order of the Yugoslavian Great Star
    Order of Stara Planina Order of Stara Planina
    Royal Order of the Seraphim Royal Order of the Seraphim
    Knight of the Order of the Elephant Knight of the Order of the Elephant
    Knight Grand Cross of the Order of the Bath Knight Grand Cross of the Order of the Bath
    Knight Grand Cross with Collar of the Order of Merit of the Italian Republic Knight Grand Cross with Collar of the Order of Merit of the Italian Republic
    Grand Collar of the Military Order of Saint James of the Sword Grand Collar of the Military Order of Saint James of the Sword
    Order of Sikatuna Order of Sikatuna
    anniversary medal at the occasion of the 2500th anniversary of the founding of the Iranian Empire anniversary medal at the occasion of the 2500th anniversary of the founding of the Iranian Empire
    Order of José Martí Order of José Martí  (1973)
    Order of the Liberator General San Martín Order of the Liberator General San Martín  (1974)
    Order of Lenin Order of Lenin  (1971, 1988)
    Hero of Socialist Labour  (1964)
    Grand Star of the Decoration for Services to the Republic of Austria Grand Star of the Decoration for Services to the Republic of Austria  (1969)
    Nicolae Ceaușescu Jubilee Medal "Forty Years of Victory in the Great Patriotic War 1941–1945"
    Order of the Crown of the Realm Order of the Crown of the Realm
    The honorary doctor of Lebanese University
    Honorary Doctorate of University of Buenos Aires
    Grand Cross with Collar of the Order of the White Rose of Finland Grand Cross with Collar of the Order of the White Rose of Finland  (20 Settembru 1969)
    Star of the Socialist Republic of Romania Star of the Socialist Republic of Romania
    Nicolae Ceaușescu Order "13 Centuries of Bulgaria"
    Order of the Yugoslav Star Order of the Yugoslav Star
    Decoration of Honour for Services to the Republic of Austria Decoration of Honour for Services to the Republic of Austria
    Order of Civil Merit Order of Civil Merit
    Order of Merit of the Federal Republic of Germany Order of Merit of the Federal Republic of Germany
    Order of the Elephant Order of the Elephant
    Order of the Bath Order of the Bath
    Order of St. Olav Order of St. Olav
    Military Order of Saint James of the Sword Military Order of Saint James of the Sword
    Order of the Southern Cross Order of the Southern Cross
    Order of the Sun of Peru Order of the Sun of Peru
    Olympic Order
Influwenzat minn Kim Il-sung
Mao Zedong
Josif Stalin
Servizz militari
Fergħa militari Forzi Rumeni tal-Art
Grad major general (en) Translate

L-ewwel snin

Nicolae Ceaușescu 
Nicolae Ceaușescu ta' 15-il sena

Ceaușescu twieled fir-raħal żgħir ta' Scornicești, fid-distrett ta' Olt, nhar is-26 ta' Jannar 1918. Il-familja Ceaușescu kienet familja fqira ta' bdiewa ta' għaxart itfal. Missieru Andruță kellu tliet ettari ta' art agrikola u xi ftit nagħaġ, u kien jissupplixxi lil familtu mit-tfassil ta' ħwejjeġ. Ommu Alexandrina kienet ukoll taħdem. Nicolae kien jattendi erba' klassijiet fl-iskola tar-raħal, fejn l-għalliema kienet tgħallem numru ta' klassijiet fl-istess ħin għal studentii ta' klassijiet diffferenti. Ceaușescu ma kellux kotba u mhux l-ewwel darba li kien imur l-iskola ħafi. Hu wkoll ma kellux ħbieb, kien maqtugħ u imprevedibbli. Hu studja fl-iskola tar-raħal sal-età ta' ħdax-il sena, meta ħarab lejn Bukarest u mar jgħix ma' oħtu Niculina Rusescu.

F'Bukarest daħal bħala skarpan apprentist, u beda jaħdem fil-ħanut ta' wieħed Alexandru Săndulescu, skarpan li kien ukoll membru attiv tal-Partit Komunista, li dak iż-żmien kien illegali.

Karriera politika

Snin ta' illegalità

Nicolae Ceaușescu 
Nicolae Ceaușescu arrestat mill-pulizija ta' Târgoviște fl-1936

Ceaușescu ftit dam biex beda jieħu sehem fl-attivitajiet tal-Partit Komunista (hu sar membru fl-1932), però bħala tfajjel fiż-żgħożija tiegħu kien jingħata affarijiet żgħar x'jagħmel. Fl-1933, ta' ħmistax-il sena, ġie arrestat għall-ewwel darba minħabba ġlied fi strajk u għal darb'oħra fl-1934, l-ewwel minħabba li kien ġabar firem għal petizzjoni li kienet tipprotesta l-proċess ġudizzjarju kontra ħaddiema tal-ferrovija u darbtejn oħra għal attivitajiet simili. Sa nofs it-tletinijiet, hu kien f'missjonijiet f'Bukarest, Craiova, Câmpulung, u Râmnicu Vâlcea, fejn ġie arrestat numru ta' drabi.

Il-profil tiegħu mill-pulizija sigrieta tas-Siguranța Statului niżżlitu bħala "aġitatur Komunista perikoluż" u "distributur ta' materjal ta' propaganda Komunista u kontra l-Faxxisti". Hu mifhum li fl-1936 Ceaușescu kien segretarju reġjonali tal-Uniunea Tineretului Comunist (UTC), l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ tal-Partit Komunista. F'Jannar tal-istess sena, hu u Vladislav (jew Vladimir) Tarnovski, aġitatur Pollakk, żaru Ulmi qrib Târgoviște biex jiġbru aktar sostenituri mal-Partit. Madanakollu, il-laqgħa ġiet imxejjna mill-informatur Ion Olteanu, u Ceaușescu ġie arrestat għal darb'oħra ma' Tarnovski, u Komunisti oħrajn. Fit-tribunal ta' Brașov hu ngħata sentenza ta' sentejn ħabs, u sitt xhur oħra ġew miżjuda wara li nstab ħati ta' disprezz lejn il-qorti. Hu u Tarnovski rċevew l-ogħla piena mill-grupp ta' tlettax-il attivista Komunista mħarrka. Hu qatta' ħafna mis-sentenza tiegħu fil-ħabs ta' Doftana.

Nicolae Ceaușescu 
Ceaușescu (it-tieni mix-xellug) fil-kamp ta' Târgu Jiu

Meħlus fl-1938, Ceaușescu baqa' ħieles sentejn biss għax fl-1939 ġie ikkundannat in absentia għal tliet snin ħabs minħabba li kompla jxerred propaganda Komunista. F'dan iż-żmien qasir ta' libertà hu ltaqa' ma' Elena Petrescu, attivista Komunista f'Bukarest, li kellha tilgħab rwol importanti fil-karriera politika tiegħu. Minkejja li kien qiegħed jiskonta sentenza fil-ħabs ta' Jilava, hu baqa' jkollu laqgħat regolari ma' Elena. Minbarra Jilava, hu kien immexxi fil-ħabsijiet ta' Caransebeș (1942), Văcărești (1943) u Târgu Jiu (1943). F'din tal-aħħar, hu qasam ċella ma' Gheorghe Gheorghiu-Dej, fejn sar il-protégé tiegħu. L-awtoritarjiet korrotti tal-kamp ta' internament bdew jagħtu aktar libertajiet lill-ħabsin Komunisti biex imexxu l-blokkok taċ-ċelel tagħhom, bil-patt u l-kundizzjoni li ma jippruvawx jaħarbu mill-ħabs. F'Târgu Jiu, Gheorghiu-Dej beda jmexxi "sessjonijiet ta' awtokritika" fejn diversi membri tal-Partit kellhom jistqarru quddiem il-mmebri l-oħra li ma fehmux id-dogma ta' Marx-Engels-Lenin-Stalin kif interpretata minn Gheorghiu-Dej; il-ġurnalista Edward Behr stqarr li r-rwol ta' Ceaușescu f'dawn is-sessjonijiet kien ta' infurzatur, bil-ġuvni jsawwat lil dawk il-membri li ma kinux entużjasti biżżejjed fuq dawn is-sessjonijiet. Dawn is-"sessjonijiet ta' awtokritika" mhux biss issiġillaw il-kontroll ta' Gheorghiu-Dej fuq il-Partit, iżda taw stima għolja lil Ceaușescu. Kien dan iż-żmien li mmarka l-bidu tat-telgħa għall-poter. Hu nħeles nhar l-4 ta' Awwissu 1944.

Wara l-Gwerra

Nicolae Ceaușescu 
Gheorghe Gheorghiu-Dej, Ceaușescu (fuq ix-xellug tiegħu) u delegati fi Frar tal-1948

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta r-Rumanija bdiet taqa' taħt l-influwenza Sovjetika, Ceaușescu serva bħala segretarju tal-UTC (bejn l-1944 u l-1945). Meta l-Komunisti ħadu lura l-poter fir-Rumanija fl-1947, wara li r-Re Mikiel I abdika fit-30 ta' Diċembru, ir-Repubblika Popolari tar-Rumanija ġiet imwaqqfa u fi Frar tal-1948 sar l-ewwel kungress tal-Partidul Muncitoresc Român (PMR), l-isem taħt liema l-Partit Komunista beda jaħdem. Sussegwentament, fit-13 ta' Mejju 1948, Ceaușescu ġie maħtur sotto-segretarju tal-istat fil-ministeru tal-agrikoltura fil-Gvern ta' Petru Groza, u fit-18 ta' Marzu 1950, Ceaușescu sar ġenerali maġġuri wara li nħatar deputat ministru fil-ministeru tal-forzi armati. Nicolae sar ġeneral f'Jannar tal-1950 minkejja li qatt ma kien għamel l-armata.

Fil-post tiegħu fi ħdan il-ministeru tal-agrikoltura, hu infurza l-kollettivizzazzjoni tal-agrikoltura u ordna l-arrest ta' bdiewa li ma jikkoperawx. Fl-1952, Gheorghiu-Dej ġabu miegħu fil-Kumitat Ċentrali, xhur wara li tneħħiet il-"fazzjoni Muskovita" mill-partit immexxiha minn Ana Pauker. Fl-1954, Ceaușescu sar membru sħiħ tal-Politburo u eventwalment tela' sabiex jokkupa t-tieni l-ogħla kariga fil-ġerarkija tal-partit.

Fil-ħarifa tal-1956, meta kien fi Cluj, Ceaușescu lagħab rwol importanti fit-trażżin ta' movimenti ta' simpatija lejn ir-rivoluzzjoni Ungeriża. Nhar l-4 ta' Diċembru 1957, Nicolae mexxa lil unitajiet militari biex joħonqu rewixxti tal-bdiewa ta' Vadu Rosca, fid-distrett ta' Vrancea, li kienu rrifjutaw il-kollettivizzazzjoni obbligatorju. B'żewġ tankijiet, Ceaușescu personalment ordna li jinfetaħ in-nar u disa' bdiewa ġew maqtula, bi 48 persuna feruta.

Mexxej tar-Rumanija

Meta Gheorghiu-Dej miet fid-19 ta' Marzu 1965, Ceaușescu ma kienx fost is-suċċessuri minkejja li kien qrib ħafna tiegħu. Madanakollu, kawża ta' numru ta' ġlied u kunflitti interni bejn uffiċjali wassal lill-Politburo li jagħżlu lil Ceaușescu bħala kandidat. Hu ġie elett segretarju ġenerali fit-22 ta' Marzu 1965, tliet ijiem wara l-mewt ta' Gheorghiu-Dej.

Waħda mill-ewwel mossi tiegħu kienet li jbiddel l-isem tal-partit minn Partit tal-Ħaddiema Rumeni lura għal Partit Komunista tar-Rumanija, u li jiddikjara l-pajjiż bħala repubblika soċjalista minflok repubblika popolari. Fl-1967, hu kkonsolida l-poter tiegħu meta sar President tal-Kunsill tal-Istat, biex b'hekk sar il-kap tal-istat de jure. L-hekk imsejħa "Baruni" tal-partit (Ion Gheorghe Maurer, Emil Bodnăraș u Chivu Stoica) ftit li xejn raw periklu biż-żieda fil-poter ta' Ceaușescu u aċċettaw il-vjolazzjoni ta' Artiklu 13 tal-istatut li kien jipprojbixxi l-akkumulazzjoni ta' funzjonijiet. Ceaușescu baqa' jkompli jkabbar il-poteri tiegħu fil-Kunsill tal-Istat, fejn naqqas is-saħħa u l-importanza tal-Kunsill Ekonomiku fl-1967 u tal-Kunsill tad-Difiża maħluq fl-1968.

Nicolae Ceaușescu 
Ceaușescu waqt id-diskors fil-Pjazza tar-Rivoluzzjoni, Bukarest, fil-21 ta' Awwissu 1968

Għall-bidu Ceaușescu sar figura popolari kemm fir-Rumanija u anke fil-Punent minħabba l-politika barranija indipendenti tiegħu, li kienet sfidat l-awtorità tal-Unjoni Sovjetika. Fis-sittinijiet iffaċilita ċ-ċensura tal-istampa u temm l-partiċipazzjoni tar-Rumanija fil-Patt ta' Varsavja, għalkemm ir-Rumanija uffiċjalment baqgħet membru; mhux biss ma bagħatx it-truppi Rumeni fiċ-Ċekoslovakkja fl-1968, imma kkundanna l-invażjoni b'mod espliċitu f'diskors pubbliku li sar fil-21 ta' Awwissu 1968. Dan id-diskors baqa' wieħed mill-aktar diskorsi famużi tiegħu, fejn quddiem 100,000 ruħ stqarr li kien "żball gravi u jikkostitwixxi periklu serju għall-paċi fl-Ewropa u għall-prospetti tas-Soċjaliżmu fid-dinja. Hu żar Praga ġimgħa qabel l-invażjoni sabiex joffri s-sosten morali lill-kontraparti Ċekoslovakk tiegħu, Alexander Dubček. Minkejja li l-Unjoni Sovjetika kienet tittollera l-azzjonijiet ta' Ceaușescu, it-tbegħid tiegħu minn Moska poġġiet lir-Rumanija bħala dissidenti fil-Blokk tal-Lvant.

Digriet tal-1966

Il-politika ekonomika, barranija u demografika ta' Ceaușescu kienet li tagħmel lir-Rumanija bħala saħħa dinjija. Għall-Conducător (il-"Mexxej"), kif Ceaușescu kien iħobb isejjaħ lilu nnifsu, "id-demografija hija d-destin" u pajjiżi b'popolazzjonijiet li qed jikbru kienu potenzi. Biex iwettaq dan il-pjan, fl-1966, reġġa' lura d-Digriet tal-1957 li pprojbixxa l-abort (sa dak iż-żmien l-abort kien permess biss f'ċerti pajjiżi Komunisti). Permezz tad-Digriet 770/1966, l-abort fl-ewwel tliet xhur tat-tqala kienu permessi biss fuq preskrizzjonijiet mediċi stretti u f'każijiet eċċezzjonali l-qtil tal-fetu kien permess sa sitt xhur tqala. Dan id-digriet ġie infurzat bid-Digriet 441 tas-26 ta' Diċembru 1985 li kien iħalli l-abort biex isir biss minn nisa li qabżu t-42 sena jew li diġà kellhom ħamest itfal. Il-gvern ukoll ra r-rati tad-divorzji u għamilha iktar diffiċli biex jinkiseb; kien iddekretat li żwieġ seta' jiġi xolt biss f'każijiet eċċezzjonali.

Filwaqt li ż-żieda fil-popolazzjoni kienet imħeġġa, eluf ta' tfal spiċċaw abbandunati fl-orfanatrofji. Huwa stmat li fil-bidu tal-1990 fir-Rumanija kien hemm mal-100,000 tifel u tifla fl-orfanatrofji jgħixu f'kundizzjonijiet ħarxa. Ir-rata tal-mortalità tat-trabi baqgħet l-ogħla fl-Ewropa.

Bejn l-1988 u l-1992, eluf ta' tfal madwar ir-Rumanija sfaw infettati bil-marda tal-HIV. F'ħafna mill-każi, ir-raġuni kienet ta' prattika medika ħażina u t-trobbija fqira. L-isplużjoni tal-AIDS fir-Rumanija kienet kawża ta' injezzjonijiet b'siringi skaduti u trasfużjonijiet tad-demm. Ir-reġim ta' Ceaușescu injora l-epidemija tal-HIV/AIDS abbażi li din kienet speċifika għas-soċjetà kapitalista. Fir-Rumanija tat-tmeninijiet ma kinux isiru testijiet tal-HIV la għad-donaturi tad-demm u lanqas għat-trasfużjonijiet tad-demm. Din wasslet biex il-pajjiż ikun it-tieni fost il-pajjiżi Ewropej bl-aktar infezzjonijiet marbutin mal-HIV.

It-Teżijiet ta' Lulju

Nicolae Ceaușescu 
Żjara uffiċjali ta' Nicolae u Elena Ceaușescu fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, f'laqgħa ma' Zhou Enlai f'Ġunju tal-1971
Nicolae Ceaușescu 
Nicolae Ceaușescu jiltaqa' ma' Kim Il-sung waqt żjara tal-Partit u d-delegazzjoni tal-istat fil-Korea ta' Fuq f'Ġunju tal-1971

Ceaușescu żar iċ-Ċina, il-Korea ta' Fuq, ir-Repubblika Popolari tal-Mongolja u l-Vjetnam ta' Fuq fl-1971. Fl-okkażjoni taż-żjara tiegħu fiċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq, Ceaușescu baqa' affaxxinat bl-idea ta' trasformazzjoni totali nazzjonali kif implimentati fil-programmi tal-Juche tal-Korea ta' Fuq u r-Rivoluzzjoni Kulturali taċ-Ċina. Hu kien ukoll ispirat mill-kult tal-personalità lejn Kim Il-sung tal-Korea ta' Fuq u Mao Zedong taċ-Ċina. Ceaușescu ammira kemm lil Mao u 'l Kim bħala kapijiet li mhux biss iddominaw lil pajjiżhom imma wkoll użaw metodi totalitarji flimkien mas-sens ta' ultra-nazzjonaliżmu mwaħħad mal-Komuniżmu biex ittrasformaw kemm liċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq bħala potenzi dinjija. Barra minn hekk, il-fatt li Kim u aktar minn hekk Mao kienu qatgħu l-irbit Sovjetiku kien aktar sors ta ammirazzjoni għal Ceaușescu. Il-ġurnalista Brittaniku Edward Behr kiteb li l-possibilità li dak li Ceaușescu kien ra ċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq fejn "irħula Potemkin użati biex jingannaw viżitaturi barranin" kienet xi ħaġa li qatt ma għaddiet minn moħħu. Ftit wara li wasal lura r-Rumanija hu beda jimita s-sistema tal-Korea ta' Fuq. Kotba Nord-Koreani fuq il-juche ġew tradotti bir-Rumen u mqassma fil-pajjiż.

Fis-6 ta' Lulju 1971, hu għamel diskors quddiem il-Kumitat Eżekuttiv tal-PCR. Dan id-diskors, li kien jixbah lil wieħed ta' Mao, li baqa' magħruf bħala t-Teżijiet ta' Lulju, kien jikkonsisti minn sbatax-il proposta. Fost dawn kien hemm: tkabbir kontinwu fir-"rwol ewlieni" tal-Partit; titjib tal-edukazzjoni tal-Partit u azzjoni politika kbira; parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fuq proġetti kbar ta' kostruzzjoni bħala parti tax-"xogħol patrijottiku" tagħhom; intensifikazzjoni tal-edukazzjoni politika-ideoloġika fi skejjel u universitajiet, kif ukoll f'organizzazzjonijiet għat-tfal, żgħażagħ u studenti; u tkabbir tal-propaganda politika fi programmi televiżivi u tar-radju, kif ukoll fi djar tal-pubblikazzjoni, teatri u ċinema, opri, ballet, għaqdiet tal-artisti, biex jippromwovu karattru "militant, rivoluzzjonarju" fi produzzjonijiet artistiċi. Il-liberalizzazzjoni tal-1965 kienet ikkundannata u lista ta' kotba u awturi pprojbiti ġiet maħluqa.

Il-pjanijiet ta' Ceauşescu għall-futur tas-soċjetà Rumena kienu jikkonflittu ma' dawk tal-Prim Ministru Maurer. Id-disgwit kien fuq il-pass mgħaġġel tal-industrijalizzazzjoni ta' Ceaușescu, b'iktar enfasi fuq l-industrija t-tqila, filwaqt li Maurer ried li jimxu iktar kawti mingħajr ma jittraskurawx l-industrija tal-oġġetti tal-konsum konformi mar-riżorsi domestiċi, umani, naturali u teknoloġiċi tal-pajjiż. Maurer tneħħa minn postu f'Marzu tal-1974 wara li Ceauşescu ġie elett bħala President, u minfloku nħatar Manea Mănescu. Fil-11-il Kungress f'Novembru tal-1974, Maurer tilef postu fil-Kumitat Ċentrali.

President tar-Repubblika Soċjalista tar-Rumanija

Fit-28 ta' Marzu 1974, il-Gran Assemblea Nazzjonali stabilixxiet l-uffiċċju tal-President tar-Repubblika Soċjalista tar-Rumanija, u Nicolae Ceauşescu ġie elett b'mod unanimu u b'hekk sar l-ewwel President tar-Rumanija. Minkejja li Ceauşescu kien kap tal-istat fl-isem mill-1967, l-unika poter tiegħu kien ġej mill-istatus tiegħu bħala kap tal-partit. Madanakollu, il-kariga l-ġdida għamlitu l-ogħla fil-pajjiż kemm fl-isem u fil-fatt. Hu kellu l-qawwa li jieħu deċiżjonijiet mingħajr il-bżonn li kulħadd fil-Kunsill tal-Istat ma jkun preżenti. Mill-1974 'il quddiem, Ceauşescu mexxa regolarment bid-digriet hekk kif il-partit kollu l-istituzzjonijiet statali kienu jaqgħu taħtu.

Nicolae Ceaușescu 
Laqgħa tal-President tal-Istati Uniti Richard Nixon u l-Viċi-President Gerald Ford ma' Nicolae Ceauşescu fl-1973
Nicolae Ceaușescu 
Il-koppja presidenzjali Rumena ntlaqgħet mir-Reġina Eliżabetta II f'Buckingham Palace f'Ġunju tal-1978

Permezz tal-politika barranija tiegħu hu pprova jeħles mid-dominju Sovjetiku, fejn ġab is-simpatija u l-apprezzament ta' kapijiet politiċi kbar bħal Charles de Gaulle u Richard Nixon. Fil-COMECON, organizzazzjoni ekonomika tal-Blokk tal-Lvant tal-Ewropa u pajjiżi Komunisti oħrajn, id-delegazzjonijiet Rumeni opponew għall-proposti li kienu ġejjin mill-Unjoni Sovjetika. Waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kienet li r-Rumanija kienet waħda minn żewġ pajjiżi Komunisti Ewropej li ħadu sehem fl-Olimpjadi tal-1984 ġewwa l-Istati Uniti. Ir-Rumanija kienet ukoll l-unika pajjiż fil-Blokk tal-Lvant, bl-eċċezzjoni tal-Unjoni Sovjetika, li żammet relazzjonijiet diplomatiċi mal-Komunità Ewropea, flimkien mal-Iżrael u l-Ġermanja tal-Punent. Trattat li kien jinkludi lir-Rumanija fil-lista ta' pajjiżi favoriti mill-Komunità Ewropea ġie ffirmat fl-1974, u fl-1980 intlaħaq qbil fuq l-iskambju ta' prodotti industrijali bejn ir-Rumanija u l-Komunità Ewropea. Dan wassal għaż-żjara uffiċjali mill-President tal-Istati Uniti, Richard Nixon.

Nixon żar ir-Rumanija fit-2 ta' Awwissu 1969, u wara diskussjonijiet mal-President Rumen, Nixon kellu l-impressjoni li "Ceauşescu huwa Marksita Stanlista diffiċli, u diskussjonijiet miegħu jeskludu l-banalitajiet diplomatiċi tas-soltu." Din kienet l-ewwel żjara ta' President Amerikan f'pajjiż Komunista li wasslet għal reazzjonijiet ostili kemm mill-Unjoni Sovjetika u t-Tajwan, din tal-aħħar kienet iżomm post iċ-Ċina fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Minħabba hekk, Moska bagħtet twissija ċara lir-Rumanija permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Andrei Gromyko li stqarr li d-"Duttrina Brezhnev" kienet tgħodd għall-membri kollha tat-Trattat ta' Varsavja u li "mhux se tħalli s-sigurtà tal-istati firmatarji u l-kisba tas-soċjaliżmu f'dawn il-pajjiż biex tiġi kompromessa."

Ceauşescu rreċiproka din iż-żjara, bi żjara fl-Istati Uniti f'Ottubru 1970. Din wasslet għall-għotja ta' serje ta' favuri ekonomiċi min-naħa tal-Amerikani. Barra minn hekk, l-Istati Uniti sostniet lir-Rumanija fl-adeżjoni f'numru ta' korpi internazzjonali bħall-GATT fl-1971 u l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji fl-1972.

Embargo taż-żejt u strajks tal-ħaddiema

Mal-bidu tal-embargo Għarbi taż-żejt fl-1973-74 kontra l-Punent, perjodu ta' prezzijiet għolja ta' żejt ikkaratterizzaw il-kumplament tas-sebgħinijiet. Ir-Rumanija, bħala prodottur kbir taż-żejt ibbenefikat bil-qawwi minn dawn il-prezzijiet għolja, li wassal lil Ceaușescu għal pjan ambizzjuż biex jinvesti bil-qawwi f'impjanti tar-raffinament taż-żejt. L-għan ta' Ceaușescu kien li jagħmel lir-Rumanija bħala l-aqwa fl-Ewropa mhux biss għar-raffiniment taż-żejt prodott fil-pajjiż, imma wkoll għaż-żejt minn statii tal-Lvant Nofsani bħall-Iraq u l-Iran, u mbagħad ibiegħu bi profitt fis-suq ta' Rotterdam. Hekk kif ir-Rumanija ma kellhiex flus biżżejjed biex tibdni l-impjanti neċessarji, Ceaușescu silef mill-banek tal-Punent bis-suppożizzjoni li meta s-self ikun wasal biex jitħallas, il-profitti mill-bejgħ taż-żejt raffinat kienu jkunu biżżejjed biex ikopru s-self. Problema kbira fil-pjan tar-raffinament taż-żejt ta' Ceaușescu li wassal biex ir-Rumanija tissellef aktar flus, kienet il-produttività tal-ħaddiema Rumeni li wassal biex l-impjanti tlestew snin wara iż-żmien skedat. It-terrimot tal-1977 li qered il-biċċa l-kbira ta' Bukarest wassal ukoll għad-dewmien fil-pjan. Maż-żmien li l-impjanti kienu tlestew fil-bidu tas-snin tmenin, waqgħa fil-prezzijiet taż-żejt ġab problemi finanzjarji kbar lir-Rumanija.

F'Awwissu tal-1977, 'il fuq minn 30,000 minatur mar fuq strajk fil-wied tax-xmara Jiu fejn ilmentaw fuq il-paga baxxa u l-kundizzjonijiet ħżiena li kienu qegħdin jaħdmu fihom. Dan l-istrajk kien l-ikbar forma ta' oppożizzjoni li Ceaușescu sab quddiem wiċċu sal-aħħar tat-tmeninijiet. Il-ħaddiema kienu ispirati minn stejjer simili fil-kosta Baltika tal-Polonja f'Diċembru tal-1970, u talbu għal negozjati wiċċ imb'wiċċ mal-kap tal-pajjiż. Meta Ceaușescu sema' li s-suldati naqsu li jiftħu n-nar fuq il-kompatrijotti, hu nnegozja kompromess biex jieqaf l-istrajk. Fis-snin wara l-istrajk, il-maġġoranza ta' dawk li mexxew l-istrajk mietu bil-marda tal-kanċer, u wara l-1989, kien ġie żvelat li s-Securitate kellha tobba tagħti lill-mexxejja tal-istrajk raġġi-X għal ħames minuti fuq sidirhom biex jassiguraw l-iżvilupp tal-kanċer.

Il-ħarba ta' Pacepa

Fl-1978, Ion Mihai Pacepa, membru għoli fil-pulizija politika Rumena, is-Securitate, ħarab il-pajjiż u kiseb l-ażilu fl-Istati Uniti. Hu kien id-difettur bl-ogħla kariga mill-Blokk tal-Lvant matul il-Gwerra l-Bierda. Dan l-att kien daqqa ta' ħarta lejn l-amministrazzjoni, fejn wassal lil Ceaușescu biex ibiddel kompletament l-istrattura tas-sigurtà. Il-ktieb ta' Pacepa tal-1986, Red Horizons: Chronicles of a Communist Spy Chief, Pacepa kixef dettalji fuq ir-reġim ta' Ceaușescu fosthom fuq kif l-gvern kien qiegħed jikkollabora ma' organizzazzjonijiet terroristiċi Għarab, spjunaġġ qawwi fuq l-industrija Amerikana u pjanijiet elaborati biex jiksbu sosten politiku mid-dinja tal-Punent. Din waslet fi żmien fejn l-iżolament tar-Rumanija fuq livell internazzjonali kien qiegħed jiskala u s-sitwazzjoni ekonomika kienet qiegħdha tmur lura. Servizzi tal-intelliġenza barranin kienu qegħdin isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jinfiltraw is-Securitate, filwaqt li l-kontroll ta' Ceaușescu fuq din l-aġenzija kien qiegħed jonqos.

Dejn barrani

Nicolae Ceaușescu 
Sas-snin tmenin il-kult tal-personalità żviluppa lejn Nicolae Ceaușescu

L-indipendenza politika ta' Ceaușescu mill-Unjoni Sovjetika u l-protesta tiegħu kontra l-invażjoni taċ-Ċekoslovakkja fl-1968 tefgħet interess mill-potenzi tal-Punent fuq ir-Rumanija, fejn dawn il-gvernijiet rawh bħala anti-Sovjetiku u ttamaw li permezz tiegħu joħolqu l-bsaten fir-roti fit-Trattat ta' Varsavja. Ceaușescu ma ndunax li l-finanzjament li ngħata mhux dejjem kien favoribbli. Fis-snin tal-era ta' Ceaușescu nbnew il-metro ta' Bukarest, il-Kanal tad-Danubju u l-Baħar l-Iswed u eluf ta' blokok ta' appartamenti, fost programmi ekonomiċi oħra. Ceaușescu kien ukoll laħaq qbil fuq żejt irħis mill-Iran, però l-qbil falla meta x-Xa tneħħa fir-Rivoluzzjoni Iranjana. Minkejja dan kollu, id-dejn kien mażra m'għonq l-ekonomija Rumena fejn bejn l-1971 u l-1982 id-dejn barrani żdied minn $1.2 biljun għal madwar $13-il biljun. Fl-1982, id-dħul mill-kummerċ barrani tar-Rumanija waqa' għal 17% fuq is-sena ta' qabel.

F'attentat sabiex iħallas minnufih dan id-dejn mingħajr ma jikbru l-interessi, Ceaușescu organizza referendum li bih irnexxielu jbiddel il-kostituzzjoni fejn żied klawżola li ma ħallietx lir-Rumanija tissellef aktar flus minn barra. Skont ir-riżultati uffiċjali, ir-referendum kien kważi vot unanimu favur din il-kundizzjoni. Ceaușescu ordna l-esportazzjoni ta' ħafna mill-produzzjoni agrikola u industrijali tal-pajjiż sabiex jitħallas id-dejn, bil-popolazzjoni tiċċaħħad mill-affarijiet l-iktar bażiċi. Ir-razzjonar fuq prodotti bażiċi ġie introdott, u gass u ikel bħal ħobż, żejt, zokkor, dqiq u ross bdew jingħataw bi skambju ta' vawċers. Matul it-tmeninijiet, li kien hemm nuqqas qawwi fil-livell ta' għajxien tal-popolazzjoni Rumena, speċjalment fid-disponibbiltà u l-kwalità tal-ikel u prodotti oħrajn fil-ħwienet. Matul dan iż-żmien, kull stazzjon tar-radju reġjonali ġie magħluq, u t-televiżjoni ġie limitat għal kanal wieħed li kien ixandar sagħtejn kuljum biss.

Il-provvista tad-dawl bdiet tiġi interrotta kuljum minn tal-inqas għal siegħa filgħaxija, mingħajr ebda raġuni u mingħajr avviż minn qabel. Fl-istess ħin, in-nies kienu mħeġġa biex jiffrankaw id-dawl billi jitfu l-friġġis matul ix-xitwa, ma jużawx il-magni tal-ħasil, jew billi ma jużawx il-lifts. Bejn l-1979 u l-1982, il-konsum tal-enerġija naqas b'20%, imbagħad b'50% fl-1983 u b'50% oħra fl-1985 ikkumparat mas-sena ta' qabel. It-temperaturi fid-djar kienet tilħaq bejn il-5 u 12-il grad fix-xitwa f'appartamenti ta' ħafna mir-Rumeni. Ir-rapport tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Analisi tad-Dittatorjat Komunista fir-Rumanija rrefera għall-"obbligazzjoni tal-popolazzjoni biex jgħixu f'temperaturi insupportabbli ta' inqas minn 10 gradi Celsius.

Eventwalment id-dejn ġie mħallas kompletament fis-sajf tal-1989, ftit qabel ma' Ceaușescu tneħħa mill-poter. Madanakollu, l-esportazzjoni baqgħet issir b'mod qawwi sar-rivoluzzjoni ta' Diċembru.

It-tmiem ta' Ceaușescu

Nicolae Ceaușescu 
Ceaușescu fl-1988

F'Novembru tal-1989, l-14-il Kungress tal-Partit Komunista Rumen (PCR) ra lil Ceaușescu, issa ta' 71 sena, elett mill-ġdid għal ħames snin bħala kap tal-PCR. Matul il-Kungress, Ceaușescu għamel diskors fejn iddenunzja r-rivoluzzjonijiet anti-Komunisti li kienu qegħdin jiġru fl-Ewropa tal-Lvant. Fix-xahar ta' wara, il-gvern ta' Ceaușescu nnifsu waqa' wara serje ta' avveniment f'Timișoara u Bukarest.

Timișoara

Dimostrazzjonijiet fil-belt ta' Timișoara ġraw meta saru attentati min-naħa tal-gvern biex ikeċċu lil László Tőkés, qassis etniku Ungeriż, akkużat li xerred tixwix ta' mibegħda. Membri tal-kongregazzjoni etnika Ungeriża daru madwar l-appartament tiegħu bħala sinjal ta' sosten.

Studenti Rumeni minn ragħajhom ingħaqdu fid-dimostrazzjoni li ftit damet biex saret dimostrazzjoni kontra l-gvern attwali. Forzi militari, il-pulizija u s-Securitate sparaw fuq id-dimostranti fis-17 ta' Diċembru 1989, u ħallew numru ta' rġiel, nisa u tfal mejta jew midruba.

Fit-18 ta' Diċembru, Ceaușescu mar fuq żjara statali fl-Iran, u ħalla f'idejn martu u ta' taħtu biex joħonqu r-rivolti f'Timișoara. Mar-ritorn tiegħu fl-20 ta' Diċembru, is-sitwazzjoni kienet iddeġenerat u Ceaușescu għamel diskors televiżiv mill-istudjo ġewwa l-bini CC tal-PCR, fejn iddiskriva l-avvinmenti f'Timișoara bħala "attentat minn forzi barranin fl-affarijiet interni tar-Rumanija" u "aggressjoni barranija fuq is-sovranità Rumena". Sad-diskors ta' Ceaușescu, l-istampa naqset li tagħmel referenza għal dak li kien qiegħed jiġri, bl-uniku sors ta' informazzjoni kien ġej minn stazzjonijiet tar-radju barra l-pajjiż bħal Radio Free Europe u Voice of America. Il-ġurnata ta' wara, fil-21 ta' Diċembru, Ceaușescu ppjana laqgħa tal-massa f'Bukarest. L-istampa uffiċjali ppreżentata bħala "moviment spontanju ta' sosten lejn Ceaușescu", simili għal-laqgħa tal-1968 fejn Ceaușescu kien tkellem dwar l-invażjoni taċ-Ċekoslovakkja mill-forzi tat-Trattat ta' Varsavja.

Diskors tal-21 ta' Diċembru

Il-laqgħa tal-21 ta' Diċembru f'dik li illum hi l-Pjazza tar-Rivoluzzjoni, bdiet bħal ħafna mid-diskorsi ta' Ceaușescu matul is-snin. Ceaușescu tkellem fuq il-kisbiet tar-"rivoluzzjoni Soċjalista" u r-Rumeni "żviluppaw s-soċjetà Soċjalista minn ħafna lati." Hu wkoll tefa' l-ħtija fuq r-rewwixti ta' Timișoara fuq "aġitaturi Faxxisti li riedu jeqirdu s-soċjaliżmu."

Madanakollu, Ceaușescu ma kienx fehem eżatt l-istat tal-folla. Madwar tmien minuti fid-diskors, ħafna nies bdew jibbuwjaw, jagħmlu ħsejjes ta' diżapprovazzjoni u oħrajn bdew jagħjtu "Timișoara!" Hu pprova jikkalmahom billi jerfa' idu l-leminija u jsejjaħ għall-attenzjoni tal-folla qabel mal-ordni ġiet temporanjament imreġġa' lura. Hu kompla billi ħabbar riformi ta' benefiċċji soċjali li kienu jinkludu żieda fil-paga minima b'200 lei fix-xahar. Immaġini tal-espressjoni fuq wiċċ Ceaușescu hekk kif il-folla bdiet tinterrompi b'ibbuwjar kienu fost l-aktar imxandra bħala simbolu tal-waqgħa tal-Komuniżmu fil-Ewropa tal-Lvant.

Meta falla jikkontrolla l-folla, Ceaușescu u martu daħlu jistkennu fil-bini li kienet iżomm fiha il-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista Rumen. Il-kumplament tal-ġurnata rar rivoluzzjoni miftuħa tal-popolazzjoni ta' Bukarest, li nġabret fi Pjazza tal-Università u kkonfrontat il-pulizija u l-armata. Il-militar ikkontrolla s-sitwazzjoni u sgumbrat it-toroq sa nofsillejl u wettqet l-arrest ta' mijiet ta' persuni.

Titjira tat-22 ta' Diċembru

Sal-għodwa tat-22 ta' Diċembru, ir-rivolta kienet diġà nfirxet f'kull belt tal-pajjiż. Il-mewt suspettuża ta' Vasile Milea, il-Ministru tad-Difiża, iktar tard ikkonfermata bħala suwiċidju, ġiet imħabbra mill-istampa. Immedjatament wara, Ceaușescu mexxa l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv Politiku tal-PCR u ħa t-tmexxija tal-armata f'idejh. Bil-fehma li Milea kien ġie maqtul, is-suldati qalbu l-pożizzjoni tiegħu, filwaqt li l-kmandanti m'għamlu l-ebda sforz sabiex jipperswadu lil nieshom biex jibqgħu leali lejn il-gvern. Ceaușescu għamel l-aħħar tentattiv iddisprat biex jindirizza 'l-folla miġbura quddiem il-bini tal-Kumitat Ċentrali, però n-nies bdew jitfgħu ġebel u projettili oħra, u kellu jirritorna lura ġewwa l-bini. Grupp ta' dimostranti rnexxielhom jiftħu l-bibien tal-bini u għelbu lill-gwardji tas-sigurtà ta' Ceaușescu, u ġrew għall-uffiċċju tiegħu u għall-gallarija. Għalkemm ma kinux jafu, huma kienu ftit metri 'l bogħod minn Ceaușescu, li kien imwaħħal fil-lift. Hu, Elena u erbgħa oħra rnexxielhom jaslu fuq il-bejt u ħarbu bil-ħelikopter, ftit sekondi qabel ma' grupp ta' dimostranti kienu segwewhom.

Matul il-kors tar-rivoluzzjoni, l-istampa tal-Punent ippubblikat stimi tan-numru ta' nies maqtula mill-forzi tas-Securitate f'attentat biex issostni lil Ceaușescu u toħnoq ir-rivoluzzjoni. In-numru kiber mal-ewwel sakemm l-ewwel paġni tal-gazzetti bdew jirrappurtaw madwar 64,000 imwiet. L-attaché militari Ungeriż esprima d-dubju fuq dawn il-figuri, u wara l-mewt ta' Ceaușescu, l-isptarijiet madwar il-pajjiż irrappurtaw il-mewt ta' inqas minn elf ruħ, u probabbilment ħafna inqas minn hekk.

Mewt

Nicolae Ceaușescu 
Il-post tad-dfin oriġinali ta' Nicolae Ceaușescu fiċ-Ċimiterju Ċivili ta' Ghencea (Bukarest)

Ceaușescu u martu Elena ħarbu l-kapitali ma' Emil Bobu u Manea Mănescu u bil-ħelikopter kienu sejrin lejn ir-residenza ta' Ceaușescu fi Snagov, u ħarbu għal darb'oħra din id-darba lejn Târgoviște. Qrib Târgoviște kellom jabbandunaw il-ħelikopter hekk kif ġew ordnati mill-armata, li sa dak il-ħin kienet irrestrinġiet it-titjir fl-ispazju tal-arju tar-Rumanija. Iċ-Ceaușescu ġew miżmuma mill-pulizija u wara ngħataw lill-armata.

Nhar il-Milied, il-25 ta' Diċembru 1989, f'kamra żgħira, Nicolae u Elena ġew imressqa quddiem qorti mfassal fuq ordnijiet tal-Front ta' Salvazzjoni Nazzjonali, il-gvern proviżorju tar-Rumanija. Huma affaċċjaw akkużi ta' ġenoċidju u ġbir illegali ta' ġid. Ceaușescu kontinwament baqa' jiċħad il-validità u l-awtorità ta' din il-qorti biex jikkastigawh, u saħaq li hu kien għadu legalment il-president tar-Rumanija. Fi tmiem il-proċess, iċ-Ceaușescu nstabu ħatja b'dawn l-akkużi u kkundannati għall-mewt:

  • Ġenoċidju – iktar minn 60,000 vittma
  • Subversjoni tal-poter tal-istat b'azzjonijiet militari kontra l-poplu u l-poter tal-istat
  • L-offiża tal-qerda ta' proprjetà pubblika bit-tkissir u l-ħsara fuq bini, splużjonijiet fl-ibliet, etċ.
  • L-imminar tal-ekonomija nazzjonali
  • Il-ħarba mill-pajjiż bl-użu ta' iktar minn $1 biljun f'fondi ddepożitati f'banek barranin

Suldat li kien qiegħed gwardja f'dan il-proċess kien ordnat biex jieħu liċ-Ceaușescu 'l barra wieħed wieħed u jisparalhom, imma huma talbu li jinqatlu flimkien. Is-suldati qabblu u bdew jorbtu idejhom minn wara darhom fost il-protesti taċ-Ceaușescu. Huma ġew maqtula minn ġabra ta' suldati inklużi l-Kaptan Ionel Boeru, is-Surġent-Maġġuri Georghin Octavian u Dorin-Marian Cîrlan. L-iskwadra tal-isparar bdiet tispara hekk kif it-tnejn li huma kienu mal-ħajt. Ekwipaġġ televiżiv li kienu hemm biex jiġbu l-eżekuzzjoni rnexxielhom iġibu l-aħħar ftit hekk kif iċ-Ceaușescu kienu mal-art fost trab mill-balli li ħabtu mal-ħajt u mal-art. Qabel ma tkompliet is-sentenza, Nicolae Ceaușescu kanta "L-Internazzjonali" waqt li kien qiegħed jittieħed għall-post tal-qatla.

L-immaġini tal-mewt taċ-Ceaușescus mal-ewwel waslu fil-pajjiżi tal-Punent, u iktar tard dik il-ġurnata ntwerew fuq it-televiżjoni Rumena. Il-mod kif tmexxa l-proċess kien ikkritikat bil-qawwi kemm ġewwa u barra r-Rumanija. Madanakollu, Ion Iliescu, il-President proviżorju tar-Rumanija, qal fl-2009 li l-proċess kien "tal-mistħija, imma bżonnjuż" sabiex itemm l-istat ta' anarkija li l-pajjiż kien fih fit-tliet ijiem minn meta ċ-Ceaușescus ħarbu minn Bukarest. Fuq l-istess nota, Victor Stănculescu, li kien il-Ministru tad-Difiża qabel ma qaleb man-naħa tar-rivoluzzjoni, qal fl-2009 li l-alternattiva kienet li ċ-Ceaușescus jinqatlu fit-toroq ta' Bukarest. Nicolae u Elena Ceaușescu kienu l-aħħar nies li ġew maqtula fir-Rumanija qabel ma ġiet abolita l-piena kapitali fis-7 ta' Jannar 1990.

Fil-bidu, Nicolae u Elena Ceaușescu ġew midfuna f'oqbra fiċ-Ċimiterju ta' Ghencea f'Bukarest; l-oqbra tagħhom kienu ħafna drabi mżejna bi fjuri u simboli tat-tmexxija Komunista. Fl-20 ta' Lulju 2010, xjentisti forensiċi għamlu eżumazzjoni tal-iġsma sabiex jagħmlu testijiet tad-DNA u jikkonfermaw li l-fdalijiet kienu tassew taċ-Ceaușescus. Il-ġisem ta' Elena kien fi stat wisq dekompost sabiex jiġi identifikaw, però Nicolae ġie identifikat mal-ewwel, hekk kif kien liebes il-kowt xitwi mimli balal. Familtu organizzat servizz funebri għall-koppja, u huma ġew midfuna mill-ġdid f'Ghencea taħt lapida modesta.

Kult tal-personalità u awtoritarjaniżmu

Nicolae Ceaușescu 
Propaganda ta' Ceaușescu fit-triq ta' Calea Moşilor f'Bukarest (1986)
Nicolae Ceaușescu 
Ceaușescu jingħata x-xettru presidenzjali minn Ștefan Voitec, l-eks-president tal-Gran Assemblea Nazzjonali

Ceaușescu ħoloq kult tal-personalità diffuż, fejn ħa titli bħal "Conducător" ("Mexxej") u "Geniul din Carpați" ("Il-Ġenju tal-Karpati"), ispirat mill-kultura Proletarja. Wara l-elezzjoni tiegħu bħala President tar-Rumanija hu anke għamel xettru jixbah lil tar-rejiet..

L-iktar ġurnata importanti tas-sena matul it-tmexxija ta' Ceaușescu kienet għeluq snin, is-26 ta' Jannar, ġurnata li rat lill-istampa Rumena timtela b'tifħir lejh. Skont l-istoriku Victor Sebstyen, kienet waħda mill-ftit ġranet tas-sena meta persuna Rumena komuni kienet turi wiċċ ferħan minħabba li kien wisq riskuż li turi li hi skuntenta f'din il-ġurnata.

Dawn l-eċċessitajiet wasslu lill-pittur Salvador Dalí sabiex jibgħat telegramma ta' tifħir lill-Conducător, fejn sarkastikament feraħ lil Ceaușescu fuq l-"introduzzjoni tax-xettru presidenzjali". Il-gazzetta tal-Partit Komunista Scînteia ppubblikat dan il-messaġġ, mingħajr ma kienet konxja ta' dan ix-xogħol satiriku.

Ma kinitx ta' sorpriża li Ceaușescu kien ikkonċernat fuq id-dehra pubblika tiegħu. Għal numru ta' snin, kważi kull ritratt uffiċjali tiegħu kien jurih ta' erbgħin sena. It-televiżjoni tal-istat Rumena kienet taħt ordinijiet stretti sabiex juruh fl-aħjar dawl. Barra minn hekk, il-produtturi kellhom jagħtu każ li t-tul ta' Ceaușescu qatt ma kellha tiġi enfasizzata fuq l-iskrin. Li tikser dawn ir-regoli kienu jwasslu għal konsegwenzi serji; produttur wera filmat ta' Ceaușescu jpetpet u jtemtem, u kien ipprojbit għal tliet xhur.

Martu Elena, li kellha biss edukazzjoni ta' skola primarja, kienet "xjentista ta' fama dinjija" u "omm ta' mħabba". Elena rċiviet diversi titli minn universitajiet madwar id-dinja, u setgħet tiffirma isimha bid-dottorat honoris causa. Hi daħlet membru tal-Akkademja Rumena u akkademji oħra, fosthom l-Akkademja tax-Xjenza fl-Istati Uniti.

Il-kult tal-personalità ta' Ceaușescu kienet tixbah lil dik taċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq, fejn għamlet lill-familtu mhux biss is-sors tal-għarfien politiku imma wkoll fl-aspett kulturali u xjentifiku. Il-President "kiteb" kotba tal-filosofija, l-ekonomija politika u l-istorja fost oħrajn. Bħala parti mill-propaganda, iċ-Ceaușescus irċevew ordnijiet u titli minn diversi stati u istituzzjonijiet. Franza tat lil Nicolae l-Leġjun ta' Unur, fl-1978 hu ngħata n-Knight Grand Cross tal-Ordni tal-Banju fir-Renju Unit, titlu li tneħħielu fl-1989.

Il-politika interna ta' Ceaușescu kienet tinvolvi l-kontroll assolut fuq il-popolazzjoni. F'Marzu tal-1983, il-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jirreġistra l-magni tal-istampaturi u dan sabiex uffiċjalment jipprevjeni l-użu tagħhom minn nies "li huma ta' theddida għall-ordni pubblika jew is-sigurtà tal-istat", għalkemm dan kollu kien biex irażżan l-istampar ta' manifesti. Skont id-digriet il-ġdid, l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' tajprajters kellu jingħata mill-Ministeru tal-Intern li seta' "jikkontrolla wkoll l-użu tagħhom." Karta bl-ittri, figuri u s-sinjali ortografiċi ta' kull magna kellha tintbagħat lill-militar; dan biex jiġi identifikat il-post fejn manifest seta' ġie kkreat.

Il-gvern ta' Ceaușescu għadda liġijiet speċjali u digrieti sabiex iżomm u jikkontrolla l-kuntatti li ċ-ċittadini Rumeni jagħmlu mal-barranin. Fl-1982, kien ġie mniedi limitu tan-numru ta' telefonati li setgħu jsiru 'l barra mir-Rumanija, biex b'hekk għamilha iktar faċli sabiex irażżan id-dissens.

Biblijografija

  • Behr, Edward (1991). Kiss the Hand You Cannot Bite (bl-Ingliż). New York: Villard Books. ISBN 978-0679401285.
  • Crampton, Richard (1997). Eastern Europe In the Twentieth Century-And After (bl-Ingliż). Londra: Routledge. ISBN 978-0415164238.
  • Georgescu, Vlad (1995). Istoria românilor de la origini pînă în zilele noastre (bir-Rumen) (4 ed.). Bukarest: Editura Humanitas. ISBN 978-9732805480.

Referenzi


Ħoloq esterni

Predeċessur
Gheorghe Gheorghiu-Dej
President tar-Rumanija
28 ta' Marzu 1974 – 22 ta' Diċembru 1989

Suċċessur
Ion Iliescu

Tags:

Nicolae Ceaușescu L-ewwel sninNicolae Ceaușescu Karriera politikaNicolae Ceaușescu Kult tal-personalità u awtoritarjaniżmuNicolae Ceaușescu BiblijografijaNicolae Ceaușescu ReferenziNicolae Ceaușescu Ħoloq esterniNicolae CeaușescuKomuniżmuPolitikuRumanija

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

ArkeoloġijaĠużè BonniciKrimeaAlan TuringRAEC MonsCaroline MikkelsenModaIżlamCristiano RonaldoSan Franġisk t'AssisiRuġġieru I ta' SqallijaManwel DimechGrammatika MaltijaEmma WatsonOrdni (bijoloġija)MediċinaDiċembruAnton ButtigiegAttakkantKwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2010 (CONMEBOL)Lista ta' ħwawar u ħxejjex aromatiċiSri LankaKwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2010 (UEFA) - Grupp 7Hibernians FCImperium EuropaLibanuLogħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2009MetachirusStokkolmaLingwa UkrenaVilla TugendhatArmata tat-TerrakottaMaltaBitcoinDun Karm PsailaFK AtlantasAlfons Maria GaleaFC BATEMetodu xjentifikuNASAKemmunaGuy de MaupassantGeorge VellaIljunfantCalakmulLouis PasteurOldřich NejedlýXemxAssoċjazzjoni tal-Futbol AlbaniżMarjanu VellaKristjaneżmuPortiċi ta' BolognaFK QarabağFerraraTuneżijaIr-Russi fl-EstonjaJupiler LeagueCarcassonneTazza tad-Dinja tal-Futbol 2002Reliġjon NisranijaTavla perjodika🡆 More