José Nasazzi

José Nasazzi Yarza (twieled fl-24 ta' Marzu 1901 – miet fis-17 ta' Ġunju 1968) kien plejer tal-futbol Urugwajan li kien jilgħab bħala difensur.

Hu kien il-kaptan tat-tim nazzjonali li rebaħ l-edizzjoni inawgurali tat-Tazza tad-Dinja.

José Nasazzi
José Nasazzi
José Nasazzi fl-1937
Informazzjoni personali
Isem sħiħJosé Nasazzi Yarza
Twelid24 ta' Marzu 1901(1901-03-24)
Montevideo, Urugwaj
Mewt17 ta' Ġunju 1968 (67 sena)
Montevideo
Tul1.82 m
RwolDifensur
Karriera professjonali
SninKlabb
1918–1920Lito
1921Rolando Moor
1922–1932Bella Vista
1923–1938Nacional
Tim nazzjonali
1923–1936Urugwaj
Timijiet ikkowċjati
1942–1945Urugwaj

Bijografija

Bidu tal-karriera

José Nasazzi twieled nhar l-24 ta' Marzu 1901, iben Jacinta Yarza, Urugwajana b'oriġini Baski Spanjoli, u Giuseppe Nasazzi, emigrant Taljan oriġinarjament mil-Lombardija. Ta' seba' snin miet missieru u l-familja mxiet lejn il-viċinanzi ta' Bella Vista. Hemmhekk studja fi skola Sależjana fejn ġie introdott għal-logħba tal-futbol.

Wara li telaq mill-iskola, hu sab xogħol fil-Compañía de Materiales de Construcción fejn kien jaħdem fl-irħam. Hu baqa' jipprattika l-futbol fejn ingħaqad ma' Centro Atlético Lito fl-1918, ftit żmien wara li twaqqaf il-klabb. Huma rebħu l-kampjonat tat-Tielet Diviżjoni (Divisional Extra) fl-1919 u dak tat-Tieni Diviżjoni (Divisional Intermedia) fl-1920.

F'Ottubru tal-1920, il-Club Atlético Bella Vista ġie maħluq fil-viċinanzi fejn trabba José Nasazzi u dan tal-aħħar ried jissieħeb magħhom. L-amministrazzjoni ta' CA Lito irrifjutat li tħallih jitlaq u għal din ir-raġuni kellu jagħmel sena ma' klabb f'kampjonat minuri, CA Rolando Moor fil-Liga Nacional, qabel ma kien ħieles li jitlaq mill-klabb.

Bella Vista

Bħal CA Lito sentejn qabel, CA Bella Vista kienu rebħu d-Divisional Extra fl-1921 u Nasazzi ġie magħhom meta kienu għadhom kif ġew promossi għad-Divisional Intermedia. Hu kien jilgħab b'mod regulari bħala attakkant jew difensur ċentrali. Il-Papales, kif kienu msejħa l-plejers tal-klabb minħabba l-kuluri bojod u sofor tagħhom, rebħu l-kampjonat u ġew promossi għall-Primera División, l-ogħla livell tal-futbol Urugwajan. Nasazzi skorja l-ewwel gowl ta' Bella Vista fl-ogħla diviżjoni fl-1923. Bella Vista spiċċaw it-tielet fil-kampjonat u fl-1924 temmew it-tieni, żewġ punti biss taħt iċ-ċampjins Nacional b'sittax-il rebħa u telfa waħda minn 22 logħba.

Il-gvern Urugwajan issospenda l-kompetizzjonijiet domestiċi fl-1925 sabiex jipperswadi r-riżoluzzjoni tal-kunflitt li kien inqala' meta Peñarol kienu ġew esklużi milli jikkompetu, u dawn tal-aħħar kien waqqfu federazzjoni u kampjonat separat. Nacional ħadu l-opportunità ta' dan il-waqfien biex jorganizzaw xi logħob fl-Ewropa għal perjodu ta' ħames xhur. Minħabba li Pedro Petrone kien weġġa' serjament u l-akkwist il-ġdid José Andrade, ukoll minn Bella Vista, ma kienx disponibbli għal xahrejn, Nacional ftehmu ma' Bella Vista għas-self ta' Nasazzi. Magħhom lagħab kemm fid-difiża kif ukoll f'pożizzjonijiet avvanzati u ħalla rendiment ta' disa' gowls fi sbatax-il logħba. Il-kompetizzjonijiet uffiċjali fl-Urugwaj irritornaw fl-1927. Nasazzi, li kien irritorna ma' Bella Vista wara l-esperjenza ma' Nacional, irnexxielu jwassal lit-tim biss sa nofs il-klassifika fl-istaġuni ta' wara, hekk kif il-kampjonat beda jiġi ddominat miż-żewġ klabbs il-kbar tal-Urugwaj ta' Nacional u Peñarol.

Rikonoxximent mat-tim nazzjonali

José Nasazzi 
It-tim nazzjonali tal-Urugwaj fl-1923. Nasazzi huwa l-ewwel wieħed bil-wieqfa mix-xellug.

Il-kwalitajiet li wera Nasazzi ma' Bella Vista laqqtu l-għajn ta' Leonardo De Lucca, kowċ tat-tim nazzjonali tal-Urugwaj. Hu ġie mgħajjat f'Ottubru tal-1923 fl-okkażjoni tal-Kampjonat Sud-Amerikan li sar fl-Urugwaj stess. Nasazzi ifforma koppja difensiva ma' Fermín Uriarte, plejer ta' CA Lito, u lagħab it-tliet logħbiet tal-Urugwaj li rriżultaw għalih fir-rebħ tal-ewwel titlu internazzjonali. Fi tmiem il-kampjonat, hu ġie innominat bħala l-aqwa plejer.

Ir-rebħ tat-titlu wassal biex l-Urugwaj jirrappreżentaw lill-Amerika t'Isfel fil-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1924 f'Pariġi, l-ewwel kompetizzjoni uffiċjali internazzjonali li qatt laqqgħet timijiet nazzjonali Ewropej u Amerikani. Sabiex jieħu sehem fil-kompetizzjoni, Nasazzi ħalla xogħlu fil-kumpanija tal-irħam. Mal-wasla tagħhom fil-belt Pariġina, La Celeste ħallew impressjoni kbira fejn rebħu l-ħames logħbiet tagħhom u skorja għoxrin gowl u sofrew żewġ gowls biss. Nasazzi lagħab il-logħbiet kollha bħala kaptan b'Pedro Arispe jieħu post Uriarte biswit Nasazzi fil-qalba tad-difiża.

Mar-ritorn tagħhom mill-esperjenza Ewropea, f'Ottubru tal-1924, l-Urugwaj ħadu sehem mill-ġdid f'edizzjoni oħra tal-Kampjonat Sud-Amerikan. Nasazzi lagħab it-tliet logħbiet u għal darb'oħra l-Urugwaj irnexxielhom jiddefendu it-titlu mirbuħ fl-edizzjoni preċedenti tas-sena ta' qabel. Minħabba s-sospensjoni fuq il-futbol Urugwajan, it-tim nazzjonali reġa' ħa sehem f'din il-kompetizzjoni fl-edizzjoni tal-1926. Nasazzi, li kien għadu pedina importanti mal-ewwel ħdax u kaptan tat-tim, lagħab l-erba' logħbiet u għen biex jikseb titlu ieħor kontinentali. Għat-turnew tal-1927, Nasazzi naqas milli jagħmel il-vjaġġ lejn il-Perù u postu ħadu minn Adhemar Canavesi. L-Urugwaj tilfu l-kompetizzjoni b'telfa fil-logħba deċiżiva kontra l-Arġentina b'riżultat ta' 3–2, fejn Canavesi kellu jkun l-awtur tal-awtogowl li wassal għal din it-telfa.

José Nasazzi 
Il-kaptani u r-referis tal-finali Olimpika tal-1928. Nasazzi jidher fuq ix-xellug.

Wara din id-delużjoni, l-Urugwaj ħadu sehem fl-Olimpjadi tas-sajf tal-1928 li saru ġewwa Amsterdam, fin-Netherlands. Wara rebħa diffiċli kontra l-ospitu tan-Netherlands, fit-tieni logħba kontra l-Ġermanja, l-Urugwaj rebħu bl-iskor ta' 4–1. Madanakollu, lejn tmiem il-logħba, l-attakkant Ġermaniż Richard Hofmann u Nasazzi tlewmu bejniethom u r-referì keċċa lit-tnejn li huma. Minkejja li ma kienx hemm regola għaliha, l-Assoċjazzjoni Urugwajana għażlet li tissospendi lil Nasazzi għal-logħba ta' wara. Canavesi ħa postu u Arispe libes il-faxxa ta' kaptan għas-semifinali kontra l-Italja. L-Urugwaj batew mhux ftit biex rebħu 3–2 u Nasazzi reġa' sab postu mal-ewwel ħdax għall-finali kontra r-rivali tal-Arġentina. Wara li l-ewwel logħba spiċċat fi dro ta' 1–1, kellha tiġi organizzata logħba oħra tliet ijiem wara. L-Urugwaj biddlu nofs it-tim u l-freskezza fil-plejers dehret hekk kif huma rebħu l-logħba deċiżiva 2–1.

L-Urugwaj u l-Arġentina reġa' affaċjaw ruħhom fil-Campeonato Sudamericano tal-1929, organizzat din id-darba fl-Arġentina. Mingħajr Nasazzi, l-Urugwaj tilfu l-ewwel logħba kontra l-Paragwaj u r-ritorn tiegħu għal-logħba kontra l-Arġentina ma kienx biżżejjed hekk kif l-Arġentina pattew għad-diżappunt fl-Olimpjadi bir-rebħ ta' dan it-titlu kontinentali. It-telfa ta' 2–0 kontra l-Arġentina kienet l-ewwel telfa ta' Nasazzi f'turnew mat-tim nazzjonali, sitt snin wara d-debutt tiegħu.

José Nasazzi 
It-tim Urugwajan fit-Tazza tad-Dinja tal-1930. Nasazzi jidher bil-wieqfa, it-tieni wieħed mix-xellug.

Fis-sajf ta' wara, l-Urugwaj ospitaw l-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-indipendenza. Nasazzi baqa' punt fiss fit tim flimkien ma' ħames plejers li miegħu rebħu l-Olimpjadi għal darbtejn: José Andrade, Pedro Cea, Pedro Petrone, Héctor Scarone u Santos Urdinarán. Is-sieħeb difensiv tiegħu Arispe kien irtira mil-logħba u postu ħadu ż-żgħażugħ Ernesto Mascheroni. Bin-nuqqas ta' bosta timijiet rinomati Ewropej, l-Urugwaj u l-Arġentina reġgħu ħabtuha ma' xulxin fil-finali tal-Estadio Centenario.

Il-finali kienet ta' importanza kbira għall-Urugwaj u Nasazzi enfasizza dan il-punt meta lill-iskwadra tenna: "Jekk ma nirbħux illum, aħna mejtin". Fl-ewwel taqsima, il-kaptan wettaq żball fuq tqassima twila ta' Luis Monti li witta t-triq għal Guillermo Stábile biex jiskorja t-tmien gowl personali fil-kompetizzjoni. Quddiem 70,000 spettatur, minkejja li daħlu għall-mistrieħ 2–1 minn taħt, l-Urugwajani għamlu rimonta fit-tieni taqsima biex rebħu 4–2. Għalkemm ma kienx fost il-lista tal-iskorers, Nasazzi ħalla impressjoni bil-mod kif mexxa lil sħabu. B'differenza tal-edizzjonijiet suċċessivi tat-Tazza tad-Dinja, Nasazzi bħala kaptan tat-tim rebbieħ ma kellux l-opportunità li jirċievi t-trofew u minflok dan ingħata lill-president tal-Assoċjazzjoni Urugwajana.

Wara t-Tazza tad-Dinja tal-1930, l-Arġentina irrifjutaw li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet uffiċjali oħra mal-Urugwaj u għalhekk il-Kampjonat Sud-Amerikan ġie sospiż. Minbarra hekk, l-Urugwaj irrifjutaw li jidħlu jiddefendu t-titlu fit-Tazza tad-Dinja tal-1934 li saret fl-Italja bi protesta għan-nuqqas ta' Ewropej li wrew interess fl-edizzjoni preċedenti. Nasazzi ħa sehem fl-aħħar kompetizzjoni internazzjonali, il-Campeonato Sudamericano tal-1935. B'Mascheroni jilgħab l-Italja, il-koppja difensiva tal-Urugwaj kienet magħmula minn Nasazzi u Agenor Muñiz. Nasazzi lagħab it-tliet logħbiet u rebaħ ir-raba' titlu kontinentali. Fl-età ta' 34 sena ġie magħżul għat-tieni darba bħala l-plejer tat-turnew.

L-aħħar logħba ta' Nasazzi mat-tim nazzjonali kienet l-erbgħin waħda tiegħu u seħħet f'Settembru tal-1936 kontra l-Arġentina, avversarju li kontrihom lagħab tmintax-il darba.

Club Nacional

F'April tal-1932, l-Urugwaj adottaw il-professjonaliżmu b'mod uffiċjali. Għaxar klabbs ħadu sehem fl-ewwel edizzjoni tal-kampjonat il-ġdid li kien mingħajr sistema ta' relegazzjoni. Fl-1933, Nasazzi tħalla ingħaqad ma' Club Nacional, li f'dak iż-żmien kienu l-aktar klabb titolat fil-pajjiż.

Fl-ewwel staġun, fl-1933, Nacional u Peñarol temmew l-istaġun bl-istess punti wara 27 logħba. Logħba ta' spareġġ ġiet organizzata f'Mejju tal-1934. Wara sebgħin minuta, Peñarol fetħu l-iskor meta l-ballun ħabat ma' bagalja li kienet barra l-grawnd. Nasazzi lmenta mhux ħażin mar-referì u dan keċċieh flimkien ma' tnejn minn sħabu. Ir-riżultat kien li l-logħba ġiet sospiża b'dan l-avveniment jibqa' mfakkar fl-istorja tal-futbol Urugwajan bħala el gol de la valija. Nasazzi ġie sospiż għal sena mill-Assoċjazzjoni. Il-gowl ġie mħassar xahrejn wara u l-logħba reġgħet intlagħbet fil-25 ta' Awwissu. Din intemmet mingħajr gowls, u wara żewġ finali oħra li saru f'Settembru u Novembru tal-1934, Nacional eventwalment ġew intitolati rebbieħa tal-kampjonat tal-1933, ġimgħat wara r-rebħ tal-kampjonat tal-1934. Is-sospensjoni ta' Nasazzi tneħħiet f'Diċembru tal-1934.

Nasazzi lagħab l-aħħar logħba tiegħu ma' Nacional kontra l-klabb ta' qalbu, Bella Vista, fit-2 ta' Mejju 1937 fl-Estadio Centenario.

Karatteristiċi tekniċi

Nasazzi kien kapaċi jilgħab bħala difensur laterali fuq il-lemin u anke ċentrali. Kien fiżikament b'saħħtu u insormontabbli fl-arja. Sal-lum għadu meqjus bħala fost l-aqwa difensuri li qatt lagħbu l-logħba tal-futbol.

Unuri

    Nacional
  • Primera División: 1933, 1934
    Bella Vista
  • Divisional Intermedia: 1922
    Urugwaj

Noti

Referenzi

Ħoloq esterni

This article uses material from the Wikipedia Malti article José Nasazzi, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.

Tags:

José Nasazzi BijografijaJosé Nasazzi Karatteristiċi tekniċiJosé Nasazzi UnuriJosé Nasazzi NotiJosé Nasazzi ReferenziJosé Nasazzi Ħoloq esterniJosé NasazziFutbolKaptan (futbol)Tazza tad-Dinja tal-FutbolTazza tad-Dinja tal-Futbol 1930Tim nazzjonali tal-futbol tal-UrugwajUrugwaj

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

Assedju ta' MaltaMaltinĦal TarxienCarmel AttardvjetnamBormlaFondazzjoni WikimediaRużar BriffaIljunRomantiċiżmuTorri tad-DwejraMembru tal-Parlament EwropewThe Kite RunnerTestment il-QadimMaldiviPangolin IndjanLiżbonaFreddie MicallefGrammatika MaltijaCaroline HerschelLogħob folkloristiku MaltiMġarrTurkmenistanCarol PeraltaMassimiljanu KolbeSan Ġużepp2014KroazjaĠermanjaNatura mejtaSão Tomé u PríncipeL-IslaBelt ta' New YorkUnitajiet ta' kejl MaltinOċean PaċifikuLibanuKulturaBaqra tal-baħarMadridSamoaIż-ŻurrieqTaġikistanLingwi SlaviĦal QormiEġittu2024 fil-mużika ta' MaltaLista ta' kodiċi telefoniċiIndoewropewLista ta' baned f'MaltaBelt kapitaliKoleraItaljaAsjaKwistjoni tal-Lingwa f'MaltaKanal ta' SuezGħaxar KmandamentiKelbBarbadosĦelsien (rumanz)TajwanImblokk Kontinentali🡆 More