Joseph Muscat (twieled fit-22 ta' Jannar 1974) kien is-seba' Prim Ministru ta' Malta indipendenti (2013-2020) u s-seba' mexxej tal-Partit Laburista Malti 2008-2020).
Huwa ħa l-ġurament ta' Prim Ministru nhar il-11 ta' Marzu 2013, wara li l-Partit Laburista rebaħ waħda mill-akbar maġġoranzi elettorali fl-istorja politika ta' Malta, meta rebaħ l-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 b'maġġoranza ta' 55% jew 36,000 vot b'vantaġġ inizjali ta' disa' siġġijiet fil-Parlament. Muscat ġab l-ikbar ammont ta' voti li qatt seta' jikseb kandidat fl-Elezzjonijiet Ġenerali kollha li saru f'Malta, 26,000 vot minn fuq żewġ distretti. Wara elezzjoni bikrija fit-3 ta' Ġunju 2017, huwa kien ikkonfermat fil-kariga wara rebħa storika oħra bi kważi bl-istess numri.
Joseph Muscat | |||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
9 Marzu 2013 - 13 Jannar 2020 ← Lawrence Gonzi - Robert Abela →
Marzu 2013 - 5 Ottubru 2020
20 Lulju 2004 - 30 Settembru 2008 District: Malta Election: Elezzjoni għall-Parlament Ewropew 2004
District: DIstrett 2 Election: Elezzjonijiet Ġenerali 2017 | |||||||||
Ħajja | |||||||||
Twelid | Tal-Pietà, 22 Jannar 1974 (50 sena) | ||||||||
Nazzjonalità | Malta | ||||||||
Edukazzjoni | |||||||||
Alma mater | Università ta' Malta Università ta' Bristol Kulleġġ ta' San Alwiġi | ||||||||
Lingwi | Malti | ||||||||
Okkupazzjoni | |||||||||
Okkupazzjoni | politiku ġurnalist | ||||||||
Parteċipant | |||||||||
Post tax-xogħol | Malta Strasburgu Brussell | ||||||||
Premjijiet | List
|
Huwa rriżenja minn Prim Ministru nhar it-13 ta' Jannar 2020.
Bin Salvu, negozjant, u Grace, ħajjata, Joseph Muscat irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola ta' St Francis, l-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar, l-Iskola Stella Maris, fil-Kulleġġ San Alwigi, u fl-Università ta' Malta. Fl-1995, huwa ggradwa bil-Baċellerat tal-Kummerċ, bi speċjalizzazzjoni fil-Management u Public Policy. Fl-1996 iggradwa fil-Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fil-Public Policy. Fl-1997 ġab il-Masters tal-Arti fl-Istudji Ewropej u d-Dottorat fil-Management Research mill-Università ta' Bristol, b'teżi dwar riċerka innovattiva fuq intrapriżi żgħar u l-multinazzjonali, fl-2007.
Fl-1992, meta Muscat kien għad kellu 18-il sena, ngħaqad ma' ONE Radio, l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, li dak iż-żmien kien jismu Super One Radio. Fl-1994 daħal fil-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) u nħatar Segretarju Finanzjarju, Deputat Chairperson u Aġent Chairperson. Fl-1995, kien elett fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, fejn dam sal-2001 meta nħatar Segretarju Edukattiv tal-Partit Laburista, kariga li żamm sal-2004.
Bejn l-1997 u 1998 huwa ta sehem fl-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali tal-Gvern Laburista ta' Alfred Sant. Kien parti mill-grupp li waqqaf l-Istitut għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi ż-Żghar (IPSE), li ngħata fondi Ewropej għar-ristrutturar tal-industrija.
Muscat kien membru tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Moralità Fiskali u membru tad-Djalogu Ewro-Għarbi tal-Kunsill tal-Ewropa. Kien iċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Mediterran tal-International Union of Socialist Youth (IUSY) waqt il-laqgha ta' Malta fl-1999, u attenda bosta laqgħat tal-European Young Socialists (ECOSY) f'isem il-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Fl-2001, Muscat tqabbad mill-Partit Laburista biex jagħmel sit elettroniku tal-aħbarijiet bl-Ingliż, maltastar.com.
Fl-2003, Joseph Muscat inħatar membru fi grupp ta' ħidma, immexxi minn George Vella u Evarist Bartolo, li fassal il-politika Laburista dwar l-Unjoni Ewropea, li ħareġ id-dokument Il-Partit Laburista u l-Unjoni Ewropea: Għall-Ġid tal-Maltin u l-Għawdxin li f'Novembru ta' dik is-sena kien aċċettat mill-Konferenza Ġenerali. Fl-istess konferenza, Muscat kien approvat bħala kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Muscat ġie elett fil-Parlament Ewropew f'Ġunju 2004 bi kważi 37,000 vot, l-iktar kandidat li ġab voti għall-Partit Laburista. Fil-Parlament Ewropew, Muscat kien membru tal-Kumitat għall-Ekonomija u Affarijiet Monetarji, il-Kumitat għas-Suq Intern u Protezzjoni tal-Konsumatur. Fl-2007, kien elett Viċi President tal-Kumitat għall-Ekonomija u Affarijiet Monetarji tal-Parlament Ewropew. Muscat tqabbad ukoll jagħmel rapporti fuq il-kontijiet tat-telefonija ċellulari (Roaming) u rapport fuq il-bejgħ u xiri tal-banek. Ħadem fuq it-tneħħija tat-taxxa fuq id-dixxijiet tas-satelliti, d-dritt li konsumaturi jaraw avvenimenti sportivi ewlenin mingħajr ħlas, u l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-mediċini.
Muscat irriżenja mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Settembru 2008 biex jieħu postu fil-Parlament Malti u jassumi l-irwol ta' Kap tal-Oppożizzjoni wara li kien elett Mexxej tal-Partit Laburista.
Nhar l-24 ta' Marzu 2008 Muscat ħabbar il-kandidatura tiegħu għal Mexxej tal-Partit Laburista, wara r-riżenja ta' Alfred Sant. Nhar il-5 ta' Ġunju 435 minn 879 delegat ivvutaw għal Joseph Muscat, 3 voti biss inqas mill-kwota meħtieġa, jiġifieri 50% u wieħed tal-voti validi mitfugħin. It-tieni l-eqreb kontestant lejn Joseph Muscat kien George Abela, li kiseb 200 vot. It-tliet kontestanti l-oħra li kienu eliminati mit-tiġrija għall-ħatra ta' Mexxej Laburista - Michael Falzon, Evarist Bartolo u Marie Louise Coleiro Preca kisbu 181 vot, 32 vot u 26 vot rispettivament. L-għada 865 delegat reġgħu vvutaw f'votazzjoni oħra bejn Joseph Muscat u George Abela biss, li fiha Muscat kiseb 574 vot, 66%. George Abela kiseb 291 vot, 34%. Dan kien żieda ta' 139 vot fuq l-ammont tal-jum ta' qabel fil-każ ta' Joseph Muscat u żieda ta' 91 vot fil-każ ta' George Abela. Mat-tħabbira tar-rebħa tiegħu, Muscat talab lil dawk kollha li kienu fis-sala biex jagħtu applaws kbir lil George Abela. B'messaġġ dirett lejn Abela, Muscat qallu li dik hija daru u li fil-Partit Laburista hemm post għalih.
Nhar it-8 ta' Ġunju 2008, Muscat għamel mass rally fil-Kwartieri tal-Partit fil-Ħamrun li fih dehru eks-Membri Parlamentari Laburisti u eks-Ministri Laburisti li kienu ilhom ma jidhru fil-Partit Laburista bħal John Dalli, Salvu Sant, Lino Debono, Bertu Pace, Joe Abela, Joe Brincat, Maria Camilleri, Joe Micallef Stafrace, Joe Grima, Reno Calleja, Louis Buhagiar, Philip Muscat, Joseph Saliba, Carmelo Brincat u Paul Chetcuti Caruana. Bagħtu t-tislijiet tagħhom, imma minħabba impenji oħrajn ma setgħux jiġu Carmen Sant, Carmelo Borg, Daniel Piscopo, Cettina Darmenia Brincat, Alex Sciberras Trigona u Carmelo Buttigieg. Muscat qal li hu kien stieden b'mod personali lil dawk kollha li kienu jirrappreżentaw lil Partit Laburista fil-Parlament tul iż-żmien kollu u lil dawn qalilhom li:
“ Intom postkom magħna, kollha kemm intkom. Stedint ukoll lil dawk li huma membri Parlamentari tal-lum - it-tim tal-azzar – għax il-Partit Laburista, bl-għażla tiegħi bħala mexxej, qiegħed jiftaħ staġun politiku ġdid. Għalhekk mal-poplu Malti rridu nkunu onesti miegħu u ngħidulu li fejn fil-passat żbaljajna jiddispjaċina, imma fil-passat għamilna ħafna affarijiet tajbin u se nfakkruhom. ”
Joseph Muscat, għamel diskors li baqa' magħruf, meta qal lil dawk preżenti:
“ Inħobbkom u ejjew inħobbu lil xulxin. Ir-reposnsabbilità li fdajtuli jumejn ilu hija unur, piż u privileġġ għax naf li qabli kien hemm nies ta' stoffa enormi. Bl-għażla tiegħi qed jiftaħ bil-fatt staġun politiku ġdid. ”
Muscat semma l-mexxejja tal-Partit Laburista, lil Willie Savona li ħoloq u mexxa lill-Partit Laburista fi żmien meta l-ħsibijiet tiegħu ma kinux jiġu milqugħin. Semma li qed jimla l-post ta' Pawlu Boffa li kien il-bniedem li ta tifsira lid-demokrazija soċjali bil-fatti. Qal li huwa ġej wara dak li kien, għadu, u jibqa' Missier il-Partit Laburista, Dom Mintoff, liema isem ħadd mhu se jħassru minn qalbu. Semma li dieħel fl-istess post tal-bniedem li żamm flimkien lill-Partit Laburista fi żmien tant delikat, Karmenu Mifsud Bonnici u finalment qal li huwa qiegħed jiġi fdat bil-fiduċja biex jimla l-post tal-bnidem li għaqqad lill-Partit Laburista, Alfred Sant. Iżda qal li
“ Iż-żmien ta' qabel, fejn kien hemm xi ħadd minna li kellu jagħmel għażla jekk hux ta Mintoff, ta' Sant jew ta' ħaddieħor spiċċa. Aħna kollha tal-Labour. Irridu nħarsu 'l quddiem...
It-terrimot intern li se nwettaq forsi mhux se jogħġob lil kulħadd u se jdarras lil min qiegħed hawn ġew. Imma huma bidliet bżonnjużi. L-istaġun politiku ġdid ifisser ukoll li l-Gvern se jsib quddiemu oppożizzjoni soda li mhix se ċċedi. Imma n-nies tal-età tiegħi, jien inkluż, għax irrid inbiddel l-affarijiet, se mmexxi lill-Partit fl-interess nazzjonali, naħdmu id f'id mal-Gvern. Dan huwa stil ta' politika li hawn għatx għalih f'Malta u f'Għawdex. ”
Muscat kien ko-optjat fil-Parlament Malti nhar l-1 ta' Ottubru 2008 biex jimla s-siġġu tad-Deputat Laburista Joseph Cuschieri.
Ġimgħa wara l-ħatra tiegħu bħala Mexxej, Muscat stieden lil Dom Mintoff iżur il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit. Nhar il-31 ta' Marzu 2009, Mintoff attenda għaċ-ċelebrazzjonijiet tat-30 sena ta' Jum il-Ħelsien organizzati mill-Partit Laburista fil-Birgu. Nhar il-5 ta' Dicembru, 2009, Dom Mintoff għamel żjara fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun, l-ewwel darba li Mintoff daħal f'dan il-bini li ilu jservi ta' kwartieri tal-Partit Laburista sa mill-1995. Mintoff intlaqa' fiċ-Ċentru minn Muscat li mbagħad kellhom laqgħa privata flimkien fl-uffiċċju tiegħu.
Fl-ewwel tliet snin tat-tmexxija ta' Joseph Muscat ingħaqdu mal-Partit Laburista persuni li qabel kienu jaħdmu fil-kamp Nazzjonalista bħal Manuel Mallia (li fl-2013 sar il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali)Marisa Micallef Leyson, Mario Farrugia Borg, Deborah Schembri (li fl-2013 telgħet fil-Parlament) u Cyrus Engerer (li ħiereġ għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014). Ħareġ ukoll mal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet Ewropej il-Professur Edward Scicluna, li qabel ma kienx fil-politika u li fl-2013 sar Ministru tal-Finanzi, u Dr. Konrad Mizzi (li fl-2013 sar Ministru għall-Enerġija u wara Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, qabel ma tneħħielu l-portafoll minħabba li ismu deher fil-Panama Papers, bħala azzjonist ewlieni ta' kumpanija sigrieta fil-Panama). Lydia Abela, mart iben il-President George Abela saret is-segretarju eżekuttiv tal-Partit Laburista. Robert Abela, bin il-President, ikkampanja fl-elezzjoni ġenerali favur il-Partit Laburista. John Bundy, eks-kandidat tal-PN, beda jippreżenta programm fuq ONE TV. Fil-Konferenza Ġenerali tal-2011, ħabbru li se joħorġu għall-ewwel darba għall-elezzjoni mal-Partit il-mużiċista Sigmund Mifsud, l-avukat tal-General Workers' Union Joanne Vella Cuschieri, u t-tobba Deo Debattista (li fl-2013 tela' fil-Parlament) u Silvio Grixti.
Nhar is-6 ta' Ġunju 2009, Muscat iffaċċja l-ewwel elezzjoni tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, sena wara l-ħatra tiegħu. Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ewropej b'55% tal-voti, 35,600 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 40% tal-voti. Il-Partit Laburista ġab 7% aktar minn kemm kien ġab fl-2004. Reġa' ġab 3 siġġijiet minn 5, u jieħu anke s-sitt siġġu meta dan jiġi approvat it-Trattat ta' Lisbona.
Il-kandidat minn fost it-tnax li kienu qegħdin jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista bl-akbar għadd ta’ voti fl-ewwel għadd kien Louis Grech, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Parlament Ewropew li kiseb 27,753 vot, 20% tal-voti li kiseb il-Partit Laburista jew 11% tal-voti kollha miftugħin f’din l-elezzjoni; żieda ta’ 12,382 vot fuq kemm kien ġab fl-ewwel Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2004.
Il-Professur Edward Scicluna li kkontesta l-ewwel darba f'isem il-Partit Laburista, ġab 24,574 vot (9.7% tal-voti mitfugħin u 18% tal-voti Laburisti).
John Attard Montalto naqqas 12,407 vot u ġab 12,880 jew 9.5% tal-voti kollha li nkisbu mill-Partit Laburista, imma xorta kien elett bil-voti li wiret.
Joseph Cuschieri ġab 19,672 vot (7.7% tal-voti miftugħin u 14.5% tal-voti tal-Partit Laburista.
Glenn Bedingfield ġab 4,982 vot u ma kienx elett, 8,453 inqas mill-voti li kien kiseb fl-ewwel għadd ta’ ħames snin ilu meta dakinhar huwa kiseb 13,435 vot.
Marlene Mizzi li ukoll ikkontestat għall-ewwel darba f'isem il-Partit Laburista, ġabet 17,724 vot (7% tal-voti mitfugħin jew 13% tal-voti Laburisti) imma ma kinitx eletta.
Sa minn qabel il-ħatra tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista f'Ġunju 2008, Joseph Muscat wiegħed kemm-il darba li fl-ewwel darba li jkun hemm Gvern Laburista hu personalment (Private Member’s Bill) kien se jressaq liġi tad-divorzju għall-approvazzjoni tal-Parlament. Nhar is-6 ta' Lulju 2010, id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando ressaq Private Member’s Bill fil-Parlament biex jiġi introdott id-divorzju. F'Novembru 2010 twaqqaf il-Moviment Iva għad-Divorzju, b'Deborah Schembri, ċerpersin tal-moviment, u b'membri prominenti bħall-Membru Parlamentari u eks-Ministru Laburista Evarist Bartolo, u Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Michael Briguglio, l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon u Marlene Mizzi.
Nhar is-16 ta' Marzu 2011 tressqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni quddiem il-Parlament dwar kif għandha tkun il-mistoqsija tar-referendum li se jsir fit-28 ta' Mejju 2011, jiġifieri “Taqbel mal-introduzzjoni tal-għażla tad-divorzju f’każ ta’ koppja miżżewġa li tkun ilha sseparata jew tkun ilha ma tgħix flimkien għal mill-inqas erba’ snin u meta ma jkun hemm l-ebda tama raġjonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin, fil-waqt li jkun garantit manteniment adegwat u jkunu mħarsa t-tfal?” Din għaddiet għax ivvutat għaliha l-Oppożizzjoni kollha u żewġ Membri Parlamentari Nazzjonalisti, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett. Għar-Referendum tat-28 ta' Mejju ħarġu jivvutaw 232,691 persuna jew 73% ta' dawk li kellhom dritt jivvutaw, u dan għadda b’maġġoranza ta’ 53.2%, b'distakk ta' 14,576 vot. L-għada, Muscat sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li fiha ddikjara li b’dan ir-riżultat, bdiet titwieled Malta differenti, Malta ġdida.
Nhar it-2 ta' Ġunju 2011, id-deputata Laburista Marie Louise Coleiro Preca ħabbret li fiċ-ċirkostanzi kif żviluppaw mhux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss bħala kandidata elettorali f'isem il-Partit Laburista. Qalet li kienet diġa' infurmat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat b'din id-deċiżjoni nhar it-Tlieta 31 ta' Mejju, jiġifieri jumejn wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum. Fi stqarrija l-ġurnata ta' qabel, hija kienet semmiet kif kien hemm min hedded, immalafama u intimida lilha u lill-familja tagħha dwar il-pożizzjoni li kienet ħadet fil-kampanja għar-referendum, kontra d-dħul tad-divorzju. Iżda tmintax-il jum wara din l-istqarrija, nhar l-20 ta' Ġunju, Coleiro Preca ħabbret li se terġa' tikkontesta mill-ġdid l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista wara t-turija kbira ta' appoġġ u solidarjeta' li l-elettorat tas-Sitt Distrett u l-insistenza u l-ħeġġa li urew l-eluf ta' familji fid-distrett u barra minnu biex terġa' tikkounsidra d-deċiżjoni tagħha, ġabuha f'qagħda li kellha tirrifletti bis-sħiħ fuq id-deċiżjoni li kienet ħadet. Hi semmiet ukoll l-istqarrijiet tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat li ikkonferma li hi kienet konformi mal-linja tal-partit komplew għabbewha bil-piż biex tirrevedi d-deċiżjoni dwar il-kandidatura tagħha.
Nhar it-3 ta' Ġunju, l-avukatessa Deborah Schembri, ċerpersin tal-moviment Iva għad-Divorzju, ħabbret li fl-elezzjoni ġenerali li kien imiss kienet se tikkontesta f'isem il-Partit Laburista wara talba li saritilha minn Muscat.
Nhar it-13 ta' Lulju 2011, għadda mill-Parlament it-tieni qari tal-abbozz ta' liġi dwar id-dħul tad-divorzju f'Malta, b'44 vot favur, 13-il vot kontra u 12-il astensjoni. Il-Prim ministru Gonzi u l-Ministri kollha, barra wieħed (Joseph Cassar) ivvutaw kontra jew astjenew. Il-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni vvutaw kollha favur, ħlief Adrian Vassallo li vvota kontra u Marie-Louise Coleiro Preca li astjeniet. Tnax -il Membru Parlamentari Nazzjonalista vvutaw favur.
Nhar il-15 ta' Lulju 2011 il-Viċi Sindku ta' Tas-Sliema Cyrus Engerer irriżenja minn kull kariga fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u ngħaqad mal-Partit Laburista. Dan għamlu għax iddiżappunta ruħu għall-mod kif il-Prim Ministru vvota fil-parlament dwar it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar id-divorzju u "l-prinċipji u l-valuri liberali u demokratiċi tiegħi huma f'kunflitt mal-prattiċi li qed jippersistu fil-Partit Nazzjonalista".
Nhar l-10 ta' Marzu 2012, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru f’35 lokalità madwar Malta u Għawdex bi swing ta’ 5.5% fil-voti għall-Partit Laburista u tnaqqis ta’ 5.26% fil-voti għall-Partit Nazzjonalista. F’dawn l-elezzjonijiet ħarġu jivvotaw ftit aktar minn 59%, bi kważi 56% tal-voti jmorru għall-PL. Il-PL rebaħ lokalitajiet li tradizzjonalment dejjem kienu f’idejn il-PN, f'San Pawl il-Baħar, Ħal Safi u l-Qala. F’lokalitajiet oħrajn tradizzjonalment Nazzjonalisti, il-PL irnexxielu jżid il-voti b’persentaġġi sostanzjali fosthom f’Ħal Balzan, is-Siġġiewi u San Ġiljan fejn żied il-voti b’7%, b’4% u 10.7% rispettivament. Minn 35 lokalità li fihom saru l-elezzjonijiet, f’21 minnhom il-Partit Laburista ġab maġġoranza tal-voti. B'kollox kien hemm 61,751 li vvutaw għall-Partit Laburista, 46,409 li vvutaw għall-Partit Nazzjonalista, 1,797 vot għall-Alternattiva Demokratika u 960 għall-kandidati indipendenti. Il-PL ġab 15,342 vot iktar mill-PN, 14% iktar.
Nhar l-10 ta' Diċembru 2012, Franco Debono flimkien mal-Oppożizzjoni Laburista vvutaw fil-Parlament kontra l- Baġit imressaq ġimagħtejn qabel u allura dan m’għaddiex b’35 vot kontra l-34 favur, u l-Gvern Nazzjonalista waqa’. Dan ġiegħel lill-Prim ministru Lawrence Gonzi imur l-għada għand il-President tar-Repubblika Dr George Abela fil-Palazz il-Belt biex jissuġġerilu li l-Parlament jiġi xolt u tissejjaħ elezzjoni ġenerali bil-Parlament ixolji fis-7 ta’ Jannar, 2013, waqt li l-elezzjoni ġenerali ssir fl-istess jum mal-elezzjoni tal- kunsilli lokali, jiġifieri s-Sibt 9 ta’ Marzu 2013.
Il-Partit Laburista għamel waħda mill-akbar rebħiet elettorali fl-istorja politika ta' Malta, meta rebaħ l-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 b'maġġoranza ta' 167,533 vot, 35,107 aktar mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 132,426 vot f’dik li tista’ tiġi meqjusa bħala l-ikbar differenza għal diversi snin tant li bħala persentaġġi l-PL ġab kważi 55% u l-PN 43%, kif kien ħabbar kull stħarriġ li sar qabel l-elezzjoni. Il-PL ingħata vantaġġ ta' disa' siġġijiet fil-Parlament. Il-vantaġġ tas-siġġijiet ġie mnaqqas għal seba, b'segwitu ta' proċedimenti fil-Qorti Kostituzzjonali, fejn ġie konfermat żball fl-għadd tal-voti.
Muscat li nħatar Prim ministru fil-11 ta' Marzu 2013, kiseb 26,170 vot bħala l-ewwel preferenza miż-żewġ distretti li kkontesta fuqhom, 13,968 vot mit-Tieni Distrett u 12,202 vot mir-Raba’ Distrett, ifisser li Muscat kiseb aktar voti personali milli qatt kisbu żewġ persuni meqjusin kbar fix-xena politika lokali, Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami
F'Marzu 2013, fl-istess jum tal-Elezzjonijiet Ġenerali 2013, il-Partit Laburista reġa' rebaħ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru fi 33 lokalità u żied il-voti fuq l-elezzjonijiet ta’ erba' snin qabel fl-istess lokalitajiet bi 2.2% biex issa ġab kważi 57%. Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti bi kważi 2% u ġab 42%. F’dawn l-elezzjonijiet, il-Partit Laburista rebaħ għall-ewwel darba il-kunsill lokali ta’ Birkirkara u kien hemm ħames lokalitajiet oħra li fihom il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza: l-Imtarfa, Tal-Pietà, il-Mellieħa, l-Imqabba u Santa Venera.
Hekk fl-2013, il-Partit Laburista għandu kważi żewġ terzi, 65%, tal-lokalitajiet kollha f'idejh, 44 lokalità minn 68.
Joseph Muscat ħa l-ġurament ta' Prim ministru nhar il-11 ta' Marzu 2013 fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. Bħala Prim Ministru huwa kien responsabbli ukoll mill-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet, l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Ko-ordinazzjoni ta’ Politika Strateġika, it-Taqsima tal-Immaniġġjar tal-Effiċjenza, l-Informazzjoni, l-Ippjanar u Kordinazzjoni ta’ Prijoritajiet, il-MEPA, l-Istamperija tal-Gvern, id-Dipartiment tal-Artijiet, ir-Reġistru tal-Artijiet u l-Uffiċċju Konġunt.
Jumejn wara ġie ffurmat il-kabinett ta' gvern ġdid, magħmul minn 14-il Ministru u 8 Segretarji Parlamentari, wieħed mill-akbar kabinetti fl-istorja politika Maltija. F'dan il-Kabinett inħolqu żewġ Ministeri ġodda: dak għall-Affarijiet Ewropej, u l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Drittijiet Ċivili. Inħolqu 7 segretarjati parlamentari ġodda: dak għall-Ippjanar, dak għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Presidenza Ewropea 2017, dak għall-Kultura u Gvern Lokali, dak għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, dak għall-Agrikoltura s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, dak għall-kompetittivita' u t-Tkabbir Ekonomiku, dak għall-Anzjanita' Attiva u d-Drittijiet ta' Persuni b' Diżabilita', u dak għall-Ġustizzja.
Fl-ewwel xhur tal-Gvern, saru diversi ħatriet ġodda fosthom Kummissarju ġdid tal-Pulizija, Peter Paul Zammit. Franco Debono inħatar Kummissarju għal-Liġijiet, u Giovanni Bonello inħatar President tal-Kummissjoni għar-Riforma fil-Ġustizzja. Tonio Portughese sar iċ-Ċermen ġdid tal-PBS, ix-Xandir Pubbliku, u Reno Bugeja sar il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet. Wara li nstabu serje ta' abbużi fil-ħabs, irriżenja d-Direttur tal-Ħabs. Oliver Friggieri nħatar ċermen tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin. Helen D'Amato kienet konfermata Kummissarju għat-tfal. John Dalli kien maħtur mill-Gvern biex jagħmel riforma fl-Isptar Mater Dei.
Fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Gvern Laburista beda strateġija nazzjonali kontra l-illitteriżmu u ħareġ żewġ miljun ewro f’opportunitajiet ġodda ta’ scholarships ta’ Masters u Dottorat.
Fil-qasam tax-xogħol beda l-istrateġija Jobs+ bil-għan li l-ħaddiema, b’mod partikolari żgħażagħ, ikunu iktar imħarrġa u jagħtu iktar valur lil min jimpjega. Nieda l-Global Residence Scheme u għamel sejħa għall-interess fl-iżvilupp tal-eks-shipbuilding, bħala parti mill-istrateġija li jagħmel minn Malta hub marittimu tal-aqwa kwalità fil-Mediterran.
Naqqas it-tariffi tal-MEPA biex jitnaqqsu l-piżijiet fuq kull min irid jinvesti f’daru jew fuq in-negozju tiegħu.
Saret sejħa għall-interess biex ikun żviluppat cruise terminal f’Għawdex u l-pjan ġdid tal-enerġija, li għalih dsatax-il kumpanija li wrew interess u ħdax li issa ntgħażlu biex jikkompetu għal dan il-proġett.
Fil-qasam tad-drittijiet ċivili, il-Gvern emenda l-liġi biex persuna transesswali tkun tista’ tiżżewweġ. Waqqaf ukoll Kunsill Konsultattiv li se jkun qed ifassal il-liġi tal-unjoni ċivili għal koppji tal-istess sess. Ta d-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ sittax-il sena fl-elezzjonijiet lokali.
Neħħa l-liġi tal-preskrizzjoni fuq reati ta’ korruzzjoni politika għall-politiċi u dawk kompliċi magħhom.
Bejn it-3 u l-25 ta’ Ġunju 2013, fil-Berġa ta’ Kastilja, saret il-konsultazzjoni pubblika bit-tema Gvern Li Jisma', bl-għan li l-membri kollha tal-Kabinett jisimgħu lin-nies sa mill-bidu nett tal-leġislatura u mhux lejliet l-elezzjoni ġenerali sabiex il-Gvern jasal għad-deċiżjonijiet tiegħu wara li jkun sema’ bir-reqqa dak li għandhom xi jgħidu l-Maltin. Kull Ministru u kull Segretarju Parlamentari poġġa lilu nnifsu għad-dispożizzjoni ta’ dawk kollha li xtaqu jaqsmu magħhom il-ħsibijiet, l-ideat u l-proposti tagħhom. B'kollox għal dawn il-laqgħat attendew madwar 3,200 persuna minn Malta, Għawdex u anki barranin residenti Malta. Dawn il-laqgħat damu tletin siegħa mifruxin fuq erba' ġimgħat. Waqthom, kien hemm xejn inqas minn 600 intervent. Dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi ser jibqgħu jsiru kull sitt xhur, bis-sensiela ta' laqgħat li jmiss ippjanata li tibda f'Jannar 2014.
Il-Kabinett ma baqax biss jiltaqa' Kastilja iżda wkoll f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex matul il-legiżlatura biex jagħti ċ-ċans liċ-ċittadini u r-rapprezentanti taghhom fil-Kunsilli Lokali biex jsemmu lehinhom.
Fl-elezzjonijiet każwali tal-Elezzjonijiet Ewropej li saru f'April 2013, il-Partit Laburista tella' l-ewwel Membru tal-Parlament Ewropew mara fl-istorja politika Maltija, Marlene Mizzi, li kienet ċermen tas-Sea Malta, u ġabet kważi 24,000 vot.
Muscat żar l-Istati Uniti u l-Kanada, fejn filwaqt li fl-Istati Uniti ndirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u kellu għadd kbir ta’ laqgħat ma’ mexxejja diversi minn pajjiżi minn madwar id-dinja u anke laqgħat mal-kommunità Maltija, fil-Kanada ffokka l-attenzjoni tiegħu fuq il-laqgħat mal-komunitajiet Maltin.
Muscat għamel l-ewwel żjara li qatt għamel Priministru Malti f'Iżrael. Huwa tella' miegħu delegazzjoni kummerċjali fl-Iżrael u l-Palestina.
Kellu taħditiet mal-Gvern tal-Kuwajt dwar diversi opportunitajiet għaż-żewġ pajjiżi fejn ukoll il-kumpanija tal-investiment tal-Gvern tal-Kuwajt xtrat il-maġġoranza tal-ishma fil-Fimbank.
Wara taħditiet mal-Gvern Laburista Malti, l-Istati Uniti għażlu lil Malta biex f’pajjizna jkun ibbażat Istitut dwar il-Ġustizzja.
Fuq it-tħaffir għaż-żejt f’żoni kkontestati, il-Gvern laħaq ftehim ta’ strateġija, biex issir ħidma flimkien mal-Libja fuq esplorazzjoni taż-żejt fin-Nofsinhar u ftehim simili ġie reġistrat mal-Italja biex jittieħdu inizjattivi flimkien fit-Tramuntana.
Tibdil fis-sistema li biha jiġu determinati l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass biex ikun hemm aktar stabbilità fil-prezz fuq medda ta’ xhur, bl-iskop li l-konsumatur ikun jista’ jippjana aħjar.
€3 miljun fi proġetti fil-lokalità ta’ Birżebbuġa.
Iddeċieda li aktar minn 40,000 familja jirċievu ċ-Children’s Allowance u s-Supplementari qabel iż-żmien biex ikunu jistgħu jixtru l-bżonnijiet ta’ wliedhom qabel il-bidu ta’ sena skolastika ġdida.
Malta rreġistrat it-tieni l-ogħla rata ta’ żieda ta’ kummerċ fil-ħwienet fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar xhur.
Il-proġett ġdid tal-enerġija kif propost se jkun ifisser 50% inqas emissjonijiet u 90% inqas ta’ trab fl-arja.
It-telf fl-Air Malta niżel minn €6.1 miljun għal €3.3 miljun.
Bini ta' sptar għall-kura mentali viċin l-Isptar Mater Dei, biex il-pazjent iħossu aktar integrat fis-sistema tas-saħħa.
Wara li f'Marzu 2013, il-Gvern Laburista għadda mill-Parlament il-Budget li ma kienx għadda fil-Leġislatura ta' qabel meta waqa' l-Gvern Nazzjonalista, il-Gvern immexxi minn Muscat ressaq l-ewwel veru budget tiegħu fl-4 ta' Novembru 2013. Dan kien budget imfaħħar mill-korpi kostitwiti kollha, u f'ħafna elementi tiegħu anke mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Fost l-aktar miżuri li ssemmew f'dan il-budget kien hemm li :
fil-qasam tal-enerġija
fil-qasam tax-Xogħol
F’Għawdex
Fl-Edukazzjoni
Fit-trasport
Fis-saħħa
Fil-qasam tad-djar
Fil-qasam tal-anzjani u r-romol
Fit-tieni ta' amministrazzjoni Laburista, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’rata ta’ 3.2% f’termini reali, bi tkabbir ekonomiku fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. L-ammont totali tal-pagi tal-impjegati kiber b’5.6%. Fl-istess waqt, il-profitti tal-kumpaniji żdiedu b’1.7%.
F'sena, inħolqu ’l fuq minn 6,000 impjieg ġdid li jfisser aktar minn 17-il impjieg ġdid kuljum. Kien is-settur privat li xpruna l-ħolqien ta’ dawn l-impjiegi permezz tal-ingaġġ ta’ aktar minn 4,000 impjieg ġdid full-time. Setturi bħal manifattura, tar-retail u kostruzzjoni kellhom ukoll żieda fl-impjiegi. Ir-rata tal-qgħad niżlet għal 5.8 fil-mija li hi l-anqas rata li qatt rat Malta kif ukoll fost l-anqas rati fl-Unjoni Ewropea.
Iż-żieda fil-prezzijiet bdiet kull ma tmur tonqos speċjalmenti wara r-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma għall-familji. F’Settembru 2014, ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 0.6%.
Id-defiċit tal-Gvern naqas bi 2.7%.
Dan se jeħduh il-“full time” kollha li mhux qed igawdu mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, il-pensjonanti kollha u dawk kollha fuq il-benefiċċji soċjali u se tingħata wkoll “pro-rata” għall-ħaddiema “part-timers” u għall-istudenti. Tħabbar li se jkun il-Gvern li se jħallas dan il-“bonus” ta’ darba lill-ħaddiema fis-settur privat.
It-taxxa ta’ 29% għal dawk li jaqilgħu inqas minn €60,000 se titnaqqas għal 25%. Se jiżdied ukoll il-limitu tal-paga minima biex il-Gvern jieħu kont tal-COLA u dan se jkun qed japplika wkoll għall-pensjonijiet. Mis-sena d-dieħla, il-Gvern se jagħti l-ammont kollu tal-COLA lill-pensjonanti sabiex jirċievu l-kumpens tal-għoli tal-ħajja.
L-inbid huwa l-uniku alkoħol li mhux intaxxat u għalhekk qed joħloq diskrepanza fis-suq. Il-Gvern jemmen fil-prodott lokali u għalhekk se tibda kampanja ta’ promozzjoni favur l-użu tal-inbid Malti.
Il-liċenzji tal-karozzi li ġew reġistrati mill-bidu tal-2009 ‘l quddiem u b’emissjonijiet tal-karbonju baxx se jibqa’ l-istess. It-taxxa tar-reġistrazzjoni għall-ATV’s jew quad bikes se titnaqqas bi kważi 50%. Dwar il-muturi, dawk li għandhom ċilindraġġ żgħar u li jiġu klassifikati bħala “vintage” se jkunu eżentati mit-taxxa tar-reġistrazzjoni. Tħabbret ukoll reviżjoni tar-rati mħallsa mill-krejnijiet u apparat ieħor li jintuża fil-kostruzzjoni. “Tower Cranes” sa 10 metru kwadru se jibdew iħallsu r-rata ta’ €10 kuljum filwaqt li “tower cranes” ikbar se jibdew iħallsu €15 kuljum.
Id-dazju fuq il-“leaded petrol”, li jintuża mill-ajruport biss, se jiżdied b’2 ċenteżmi kull litru filwaqt li dak fuq “unleaded petrol” se jiżdied b’ċenteżmu kull litru. Id-dazju fuq il-“gas oil”, “diesel”, “biodiesel”, “heavy fuel oil” u l-pitrolju se jiżdied b’2 ċenteżmi kull litru. Għalkemm se jiżdied id-dazju, il-prezz tal-“petrol” u d-“diesel” xorta se jonqos. Permezz ta’ ftehim mal-Enemalta, il-prezz tal-“petrol unleaded” se jorħos b’2 ċenteżmi għal €1.42c kull litru u dak tad-“diesel” ukoll se jorħos b’ċenteżmu għal €1.35c kull litru. Dawn il-prezzijiet se jibqgħu stabbli sal-aħħar ta’ Marzu 2015.
Mill-1 ta’ Jannar 2015 se titneħħa t-taxxa ta’ 35% u minflok se tidħol fis-seħħ taxxa finali ta’ 8% fuq il-valur tal-propjetà trasferita. Dan ifisser li r-rata kurrenti ta’ 12% se tonqos għal 8%. Trasferimenti ta’ propjetà se jkunu suġġetti għal taxxa finali fuq il-valur mibjugħa mingħajr ma jitnaqqsu l-ispejjeż u din it-taxxa se titħallas mal-kuntratt tal-bejgħ. Il-konċessjoni għal min jixtri propjetà għall-ewwel darba ġew eżentati mill-boll fuq l-ewwel €150,000 tal-valur tal-propjetà. L-iskema introdotta fl-aħħar baġit ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2015.
Ir-reviżjoni fl-eko kontribuzzjoni se titneħħa minn fuq l-apparat elettroniku u li jaħdem bl-elettriku, minn mowbaljs sa’ televixins u “fridges”. L-eko kontribuzzjoni fuq l-apparat kollu elettroniku se tispiċċa mill-1 ta’ Settembru 2015.
Fl-4 ta' Marzu 2014 il-Prim Ministru Joseph Muscat innomina lin-Nutar Marie Louise Coleiro Preca bħala d-disa' President tar-Repubblika, u t-tieni mara f'din l-ogħla kariga tal-pajjiż, u l-iżgħar President fl-età ta' 55 sena. Hija ħadet il-ħatra nhar l-4 ta' April 2014 wara li tlett ijiem qabel għadda vot unanimu mill-Parlament.
Nhar l-24 ta' Mejju 2014, Muscat iffaċċja l-ewwel elezzjoni tiegħu bħala Prim Ministru, sena wara l-ħatra tiegħu. Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ewropej għat-tielet darba b'53.3% tal-voti, 33,675 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 40% tal-voti. Il-Partit Laburista ġab 1.5% inqas minn kemm kien ġab fl-2009, għalkemm irid jingħad li l-ammont ta' nies li ħargu jivvutaw fl-2014 kien 4% inqas mill-elezzjonijiet tal-2009.
Il-kandidat minn fost it-tnax li kienu qegħdin jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista bl-akbar għadd ta’ voti fl-ewwel għadd kien Alfred Sant, li kiseb 48,739 vot, 36% tal-voti li kiseb il-Partit Laburista.
Tnaqqis fl-Income Tax
Il-Gvern se jnaqqas l-income tax. Bħalma ġara fil-Baġit preċedenti, kull min jaqla’ dħul minn impjieg jew pensjoni li ma taqbiżx il-paga minima se jerġa’ma jħallasx taxxa.
Barra minn hekk, kull min ma gawdiex mit-tnaqqis fl-income tax ta’ sentejn ilu, se jgawdi minn tnaqqis ta’ bejn €90 u €120 f’taxxa fis-sena.
Kumpens Għoli tal-Ħajja
Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja s-sena d-dieħla ser ikun ta’ €1.75.
Miżuri tad-Dħul
Id-dazju tas-SISA fuq il-fjuwil se jogħla bi 3ċ fuq il-petrol u 3ċ fuq id-diesel. Minkejja li se jiżdied id-dazju, il-prezzijiet tal-fjuwil se jonqsu minn Jannar 2016 għaliex l-Enemed, ikkonkludiet ftehim li permezz tiegħu l-prezz tal-petrol se jorħos b’3ċ għal €1.32ċ kull litru u tad-diesel b’4ċ għal €1.22ċ kull litru.
Se jkun hemm ukoll żieda ta’ dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk (sigaretti medja ta’ +30 ċenteżmu), iż-żjut lubrikanti (+0.02ċ) u s-siment (żieda ta’ €5 għal kull tunellata). L-Eko-kontribuzzjoni li kien hemm fuq il-basktijiet tal-plastik, kontenituri tal-birra, l-inbid, fermented beverages, intermediate products, xarbiet non-alkoħoliċi kif ukoll iċ-chewing gum qed titneħħa u għaldaqstant, biex jinżamm il-messaġġ favur l-ambjent filwaqt li s-sistema tkun aktar faċli li tiġi implimentata u tnaqqas l-abbużi, se tiġi sostitwita bid-dazju tas-sisa.
Taxxa tad-Dħul imnaqqsa għal 7.5% għall-atleti u plejers ta’ kull sport
Fil-baġit ta’ sentejn ilu ddaħħel rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ 7.5% għall–plejers tal-futbol. Is-sena l-oħra ġiet estiża għall-plejers tal-waterpolo wkoll. Minn din is-sena dan il-benfiċċju se jinfetaħ għall-plejers u atleti ta’ kull sport, li b’hekk ikunu jistgħu igawdu mir-rata favorevoli ta’ 7.5%. Dan il-benefiċċju qiegħed jiġi estiż ukoll għall-kowċis.
Rata ta’ VAT imnaqqsa (7%) fuq faċilitajiet sportivi
Se titnaqqas ir-rata ta’ VAT minn 18% għal 7% fuq kull faċilità sportiva, inklużi l-gyms, fitness centres, futbol nurseries u faċilitajiet sportivi.
Ħin Żejjed Maħdum mill-Pulizija ntaxxat b’rata ta’ 15%
B’ effett mill-1 ta’ Jannar 2016, il-ħlas li jingħata lill-pulizija għal xogħol extra duty li hu xogħol li jsir minn pulizija għal organizzazzjonijiet, individwi u kumpaniji se jibda jkun intaxxat separatament b’rata ta’ taxxa ta’ 15 fil-mija.
Estensjoni tal-Benefiċċju ‘In Work’
Koppja fejn persuna waħda biss tkun fl-impjieg bi dħul baxx u fejn hemm ulied dipendenti li għandhom inqas minn 23 sena se jingħataw il-benefiċċju ta ‘In-Work’. Dan se jkun qed jiġi estiż għal dawk il-familji b’persuna waħda li taħdem bi qligħ ta’ bejn €6,600 u €12,700. Il-beneficcju massimu se jkun ta’ €150 għal kull wild.
Madwar 3,700 familja u kważi 5,000 tifel u tifla, li ħafna minnhom jinsabu f’riskju ta’ faqar, se jibbenefikaw minn din il-miżura. L-inċentiv li t-tieni ġenitur jidħol jaħdem se jibqa’. Fil-fatt fejn iz-żewġ ġenituri ikunu f’impjieg, il-benefiċċju jogħla għall-massimu ta’ €1000 kull wild.
Żieda medja ta’ €5 fil-ġimgħa għal 20,000 pensjonant
Mal-20,000 pensjonant se jibdew igawdu sa 5 ewro żieda fil-ġimgħa, sakemm jibdew jitħallsu ż-żidiet dovuti kull sena sakemm kull pensjonant jibda jirċievi pensjoni minima nazzjonali ekwivalenti għal 60 fil-mija tad-dħul medju nazzjonali.
L-Għotja lil anzjani ta’ iktar 75 sena
L-anzjani li jkollhom minn 75 sena ‘l fuq se jibqgħu jirċievu l-għotja ta’ €300 fis-sena.
Fond pilota għal Live-In Carers
Se jitwaqqaf fond pilota ta’ miljun ewro li minnu, familji li għandhom anzjan/anzjana dipendenti u li hemm bżonn ta’ kura kostanti, se jkun qed jingħatalhom sussidju meta dawn jimpjegaw, fuq bażi ta’ full-time carer għal dan/din l-anzjan/a. Mill-fond allokat, huwa stmat li madwar 160 anzjan se jingħatalhom din it-tip ta’ għajnuna.
Huwa propost li dan is-sussidju jammonta għal €6,300 fis-sena għal kull anzjan/a bejn l-età ta’ 65-74, u sussidju ta’ €6,100 għal dawk ta’ età minn 75 sena ’l fuq, meta dawn jipprovdu dokumenti li qed jimpjegaw carer għal dan l-iskop. Meta kkumparat li dawn il-160 anzjan jidħlu f’xi istituzzjoni, dan jammonta għal spiża ta’ madwar €2.35 miljun. Għalhekk, b’dan il-fond ta’ miljun ewro, il-Gvern se jkun qiegħed jiffranka d-differenza ta’ madwar €1.35 miljun.
Estiż il-programm ta’ Childcare b’xejn
Din is-sena l-Gvern se jkomplu bil-programm ta’ Childcare b’xejn b’valur ta’€5,000 għal kull wild.
Childcare Centres Ġodda
Hu ppjanat li jinfetħu Child Care Centres ġodda għat-tfal f’Ħaż-Żebbuġ, San Ġiljan, u Wied il-Għajn.
Eżenzjoni għall-First Time Buyers
L-eżenzjoni mill-boll għal first time buyers ser tiġi estiża. Il-Gvern se jġedded dan il-programm sa tmiem is-sena d-dieħla sabiex iż-żgħażagħ jiffrankaw sa €5,000 fuq l-ewwel dar tagħhom. Dan se jkun b’seħħ b’lura għal konvenji li sena mill-1 ta’ Lulju li għadda meta għalaq il-programm l-ieħor. Dawk il-first time buyers li laħqu għamlu konvenju u kuntratt wara l-ewwel ta’ Lulju se jingħataw refund tal-boll li ħallsu.
Penali fuq Proprjeta’ Kummerċjali Abbandunata
Il-Gvern jixtieq jgħolli l-livell tal-ambjent li ngħixu fih u l-proprejatà abbandunata hija fattur li tkerrah il-bliet tagħna. Għal dan il-għan il-Gvern qal li se jikkonsulta l-pubbliku u s-settur tal-proprejeta biex jiġi mfassal pjan biex għall-ewwel darba jiġi stabbilit obbligu fil-liġi li proprjetà tinżamm fi stat tajjeb. L-ewwel fil-mira tal-Gvern se jkun bini kummerċjali bħal showrooms li tħallew mitluqa u miftuħa, u f’ċertu każijiet b’mod perikolużfejn faċilment jista’ jweġġa’ xi ħadd
Rifużjoni ta’ VAT imħallsa fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi
Is-sena li jmiss se jitħallsu lura l-ammont kollu ta’ taxxa lil dawk li rreġistraw vettura matul l-2005. Għalhekk matul is-sena d-dieħla se tinħareġ skema oħra għal min irreġistra vettura bejn l-1 ta’ Jannar u l- 31 ta’ Diċembru 2005 u kien eliġibbli fl-iskema li kienet inħarġet matul l-2014. Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena d-dieħla se jkunu tħallsu lura b’ kollox madwar €9.7 miljun f’taxxa li kienet inġabret żejda.
Kontribuzzjoni Ambjentali ta’ 50ċ minn kull turist
Il-Gvern ħa d-deċiżjoni li mill-1 t’April 2016, se tiddaħħal kontribuzzjoni ambjentali li se titħallas mit-turisti kollha, mill-eta’ ta’ 18 il-sena ‘l fuq, li jżuru pajjiżna. Din se titħallas bir-rata ta’ 50 ċentezmu għal kull lejl li t-turist iqatta’ Malta, iżda sa massimu ta’ €5 għal kull żjara. Għal dan il-għan ser isiru d-diskussjonijiet kollha mal-partijiet involuti dwar it-twettiq ta’ din il-miżura.
Id-dħul minn din il-miżura, li mistenni jkun ta’ madwar €5 miljuni, ser jitħaddem mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp Ta’ Żoni Turistiċi bil-għan li jsir upgrading, titjib u manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi ewlenin fil-pajjiż.
Żieda ta’ 3 ċenteżmi fid-dazju tal-petrol u d-diesel u 30 ċenteżmu fuq is-sigaretti
Miżuri oħra fiskali jinkludu d-dazju tas-sisa fuq il-fjuwil li se jogħla bi 3 ċenteżmi fuq il-petrol u 3 ċenteżmi fuq id-dijżil. Minkejja ż-żieda iżda, il-Ministru Scicluna qal li minn Jannar tas-sena d-dieħla l-prezzijiet tal-fjuwis se jonqsu – 3 ċenteżmu fuq il-petrol għal ewro u 32 ċenteżmu kull litru u 4 ċenteżmi fuq id-dijżil għal ewro u 22 ċenteżmu kull litru.
Se tiżdied is-sisa fuq it-tabakk bi 30 ċenteżmu; kif ukoll fuq iż-żjut lubrikanti b’żewġ ċentżmi, u s-siment b’5 ewro. Se titneħħa l-ekokontribuzzjoni fost orhajn fuq il-basktijiet tal-plastik u kontenituri tal-plastik u minflok ser tidhol fuqhom is-sisa biex jinqata l-abbuz u fl-istess waqt ser ikun hemm ukoll taxxa tas-sisa fuq ic-chewing gum.
Ingaġġ ta’ spetturi tax-xogħol biex jiġġieldu l-prekarjat
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jingaġġa seba’ spetturi tax-xogħol u staff ieħor biex ikunu mħarsa wkoll ir-regolamenti tal-Gvern kontra x-xogħol prekarju.
Id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali se jkun ukoll qed jippubblika u jqassam Charter bil-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol f’kull dar f’Malta u Għawdex sabiex il-partijiet kollha involuti, inklużi ħaddiema f’setturi vulnerabbli, ikunu mgħarrfa bil-kundizzjonijiet bażiċi li huma jistennew li jkollhom fil-postijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom.
Budget li jrid iwassal biex fi żmien tliet snin it-tfal kollha f’familja fejn minn tal-inqas taħdem persuna waħda jkunu ħarġu mill-faqar. L-uniku gvern fl-istorja li naqqas kull sena t-taxxa tad-dħul u li żied il-pensjonijiet fi kwart ta’ seklu għat-tieni darba konsekuttiva.
L-ikbar tliet miżuri ta’ dan il-baġit huma;
Kull min hu fuq il-paga minima se jieħu żieda
Se jiżdied id-dħul tal-pensjonanti
Se tiżdied l-għajnuna lil eluf ta’ familji li jgħixu f’post mikri
Miżuri li jinċentivaw lin-nies biex jaħdmu
Fl-aħħar żewġ baġits daħlet l-iskema tal-in work benefit fejn fl-ewwel sena kienet għal familji bi dħul baxxa u żewġ ġenituri li jaħdmu u din is-sena kienet estiża għal familji bi dħul baxx fejn jaħdem ġenituri wieħed. Din is-sena l-gvern se jgħolli c-ceiling.
Għal koppji li jaħdmu t-tnejn is-ceiling se jogħla minn €20,400 għal €24,000 fis-sena. Għas-single parents li jaħdmu s-ceiling se jogħla minn €15,000 għal €16,500 fis-sena. Filwaqt li koppji fejn wieħed biss jaħdem is-ceiling se jogħla minn €13,000 għal €16,500 fis-sena.
Għal koppji li se jaħdmu tnejn il-benefiċċju se jiżdied minn €1,000 għal €1,200 fis-sena. Għas-single parents li jaħdmu ir-rati se jgħolew b’€50 fis-sena għal €1,250 fis-sena. Filwaqt li għal koppji fejn wieħed biss jaħdem ir-rati se jgħolew minn €150 sa massimu ta’ €350 fis-sena skont id-dħul.
Se ssir riforma fl-għajnuna supplimentari li titħallas lill-ħaddiema miżżewġin u m’għadndhomx tfal u ma jiħdux childrens allowance. Is-ceiling se jiżdied minn €11,089 għal €13,000.
Iżda, mhux biss. Persuni single li jaħdmu u d-dħul tagħhom ma jaqbiżx id-9,012 se jibbenefikaw minn żieda ta’ €126.36.
Minn din ir-riforma se jgawdu mal-ħdax-il elf koppja u ħames t’elef persuna single. Total ta’ sebgħa u għoxrin elf persuna.
Permezz ta’ dawn ir-riformi u meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-COLA kull min qiegħed bil-Minimum wage se jiżdied b’minn tal-inqas erbgħa ewro fil-ġimgħa, jew mitejn u tmin ewro fis-sena. Żieda li se jerfagħħha kollha l-gvern.
Inizjattivi biex ikattru l-investiment
Dawn kienu tnejn mill-miżuri mħabbra waqt il-qari tal-baġit għall-2017, li jinkludi numru ta’ inizjattivi maħsuba biex ikattru l-investiment.
Il-Gvern se jinvesti €30 miljun f’Bank ta’ Żvilupp li se jkollu kapital awtorizza ta’ €200 miljun.
Mill-fond strateġiku ta’ investiment, grazzi għall-miljuni ta’ ewro li daħlu mill-programm ta’ ċittadianza b’investiment, se jkunu investiti miljuni ta’ ewro f’diversi oqsma.
Se ssir reviżjoni li biha persuni bi dħul minn dividends jiffrankaw bejniethom maż-żewġ miljun ewro.
Wara li sar memorandum of understanding bejn il-Gvern u l-kumpanija Huawei, se jsir ċentru konġunt ta’ innovazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Huawei għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-informatika.
Drittijiet tal-Ħaddiema
Wara diskussjonijiet bejn l-imsieħba soċjali fi ħdan il-Bord għar-Relazzjonijiet Industrijali, matul is-sena li ġejja se jidħlu fis-seħħ emendi importanti fil-liġi tax-xogħol.
Is-sena 2017 se tkun sena li fiha d-Dipartiment tax-Xogħol, minbarra li jkompli jaħdem bis-sħiħ kontra l-prekarjat, jibda jagħmel użu minn sistema elettronika aġġornata li qed tiġi żviluppata li permezz tagħha jkunu jistgħu jsiru spezzjonijiet f’postijiet tax-xogħol f’anqas ħin u b’aktar effiċjenza.
Fil-kuntest tal-proposta li għandu jingħata ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, fl-2017 se jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders kollha involuti, inklużi dawk involuti f’aġenziji ta’ xogħol temporanju, biex jinġabar tagħrif sħih dwar l-implikazzjonijiet kollha ta’ pass bħal dan li permezz tiegħu l- paga u l-kundizzjoniet tax-xoghol ta’ ħaddiema ta’ kuntrattur (sub- contractor) ikunu fuq l-istess livell bħal dawk tal-ħaddiema li jkunu tal-post fejn huma jkunu qed jaħdmu.
Leave tal-mard (sick leave)
Il-Gvern se jniedi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-proposta li ġenitur ikun jista’ jibbenefika minn leave tal-mard meta jimirdu t- tfal.
Għajnuna finanzjarja f’każ ta’ inċident fatali jew gravi fuq il-post tax-xogħol.
Matul is-sena id-dieħla l-impjegati kollha fis-servizz pubbliku se jkunu qed jingħataw aktar dettalji fuq din il-miżura.
Il-bidliet fil-qasam tas-saħħa
Fil-qasam tas-saħħa se jibqgħu l-prijoritajiet li jonqos iż-żmien ta’ stennija għall-operazzjonijiet u fl-emerġenza fost oħrajn.
Is-sena d-dieħla se tkompli tkun estiża l-kura primarja u jingħata bidu għal hub reġjonali fis-sit fejn kien hemm il-ground Pace Grasso. Se jibda wkoll il-proġett li se jwassal għal ċentru ta’ saħħa ġdid f’Ħal Kirkop.
Is-sena d-dieħla se tibda ħidma li għandha twassal biex fis-snin li ġejjin ikollna sptar speċjalizzat fil-kura għall-ommijiet u t-tfal.
Il-proġett pilota li li jwassal għal mediċini fid-djar tal-pazjenti l-fuq minn sebgħin sena jew li għandhom problemi ta’ mobbiltà se jilħaq aktar lokalitajiet.
Bil-għan li jindirizza l-problema tad-dijabete, se jiddaħlu mediċini ġodda fil-formolarju tal-gvern u nintroduċu insulini ġodda. Se jingħataw b’xejn ukoll glucose sticks għal min ibati mid-dijabete tat-tip wieħed u tip tnejn. Il-pazjenti bid-dijabete se jkollhom benefiċċji ġodda.
Pazjenti dijabetiċi bil-kartuna s-safra se jibdew jibbenefikaw minn kura dentali bla ħlas; sussidju fuq in-nuċċalijiet; aċċess għal antibijotiċi b’ xejn, kif ukoll kontra l-kura taz-zokkor.
Fil-formolarju tal-Gvern se jidħlu wkoll mediċini ġodda kontra l-kanċer. Il-Gvern se jikkonsulta mal-imsieħba soċjali dwar l-introduzzjoni ta’ leave mediku speċjali bi ħlas b’żieda mal-leave ta’ mard statutorju lil ħaddiem li jkunu qed jieħdu xi forma ta’ kura kontra din il-marda.
Se jkun hemm iktar persuni li jibbenefikaw mill-karta r-roża u għalhekk iktar mediċini b’xejn. Filwaqt li l-gvern se jniedi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-proposta li ġenitur ikun jista’ jibbenefika minn leave tal-mard meta jimirdu t-tfal.
Mill-ewwel ta Jannar se jsir kontra l-liġi tipjip f’karozzi fil-preżenza tat-tfal.
Edukazzjoni
Għat-tielet sena konsekuttiva, se jinbnew tliet skejjel ġodda. Din id-darba f’San Pawl il-Baħar, Marsascala, u r-Rabat Għawdex. Se jinbena ċentru ġdid għall-ħarsien tat-tfal fl-iskola Primarja ta’ San Ġiljan. Dan flimkien ma’ xogħol fi skejjel oħra.
Għal sena oħra se jerġgħu jiżdiedu l-istipendji pro rata, biż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Dawk li jattendu l-Alternative Learning Programme f’Raħal Ġdid se jieħdu stipendju.
Studenti b’diżabbiltà u studenti li jgħixu fid-djar tal-Knisja u konservatorji se tingħatalhom b’mod awtomatiku l-għotja supplimentari mal-istipendju.
Għas-sena d-dieħla wkoll se jkunu allokati €400,000 għal ħaddiema minn skejjel statali u minn skejjel oħra li jitolbu leave mħallas biex ikollhom ċans jistudjaw.
Se jkunu investiti madwar seba’ miljun ewro fl-Università fi proġett kapitali li jinkludi l-estensjoni ta’ laboratorji, faċilitajiet, residenza u parkeġġ f’Tal-Qroqq.
Investimenti oħra se jsiru fl-MCAST.
Ġustizzja
Fl-2017 se jkunu qed jitwettqu dawn il-miżuri prinċipali fil-qasam tal-ġustizzja
Fl-2017 se jiżdiedu tlett awli ġodda fil-bini tal-Qorti biex l-ammont ta’ awli jitla’ għal 27 u nagħmlu faċilitajiet infrastrutturali oħra bħal-librerija u training room ġdida.
Se jsir studju dwar jekk wasalx il-mument li f’pajjiżna jkollna mill-ġdid sezzjoni tal-Kummerċ fi ħdan il-Qorti Ċivili.
Se tkompli tissaħħaħ l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali u titwettaq il-wegħda li jiġi assenjat imħallef biex iservi fil-Qorti ta’ Għawdex.
Se jkomplu jiżdiedu r-riżorsi u jitjiebu iktar il-faċilitajiet eżistenti fil-Qorti tal-Familja.
Fl-2017 se jkun estiż il-proġett pilota tas-sistema ġdida tal- informatika fil-kamp kriminali.
F'Diċembru 2014, Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Kurt Farrugia żaru l-Ażerbajġan għal laqgħat mal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev. Id-delegazzjoni ma kinitx akkumpanjata minn ġurnalisti jew rappreżentanti taċ-ċivil. Iż-żjara l-Ażerbajġan ġiet żvelata biss mill-gazzetta "The Sunday Times of Malta" dakinhar stess. Il-ftehim għax-xiri taż-żejt li irriżulta minn din iż-żjara ġie ffirmat mingħajr rappreżentanza mill-Kumitat għax-xiri taż-żejt.
F'April tal-2015, Muscat reġa’ jżur l-Ażerbajġan. Għall-darb’oħra, iż-żjara l-Ażerbajġan ma ġietx akkumpanjata la mill-media u lanqas minn rappreżentanza miċ-ċivil.
Muscat iħabbar reshuffle fil-Kabinet fit-28 t'April 2016 wara li isem Konrad Mizzi deher fl-hekk imsejħa Panama Papers. Muscat neħħa lil Mizzi minn Ministru tas-Saħħa u l-Enerġija, filwaqt li żammu bħala Ministru bla portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-Prim Ministru nnifsu ħa r-responsabbiltà tas-settur tal-enerġija filwaqt li Chris Fearne laħaq Ministru tas-Saħħa. Fl-istess jum tħabbar li Konrad Mizzi kien se jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
Nhar l-20 ta' April, Daphne Caruana Galizia, fil-blogg tagħha allegat li l-kumpanija Egrant hija ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, u li minn din il-kumpanija għaddew mal-$1 miljun mingħand bint il-mexxej tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev. Fil-blogg ta' Caruana Galizia, u anke fil-media tal-Partit Nazzjonalista ingħad li hemm dokumenti li jippruvaw li l-kumpanija Egrant hi ta' Michelle Muscat. L-istorja qajmet furur u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil talab għar-riżenja ta' Muscat. Il-PN beda kampanja biex Joseph u Michelle Muscat ikunu arrestati, b'banners ma' diversi każini li juru lil Muscat fil-ħabs.
F'konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja, il-Prim Ministru ċaħad kategorikament, "u naħlef f'ismi, f'isem marti u l-familja tiegħi li kelli qatt kelli jew għandi xi tip ta' kont jew kumpanija mhux dikjarati f'Malta jew barra." Żied jgħid li la hu u lanqas martu qatt iffirmaw dokumenti biex jitrasferixxu ishma ta' xi kumpanija fuqu fil-futur. Muscat kompla jgħid li hu u martu, qabel ma daħal għall-ħajja politika iddeċidew li jiftħu mill-inqas libelli u jagħtu kas mill-inqas lil Daphne Caruana Galizia. Minkejja dan, Joseph Muscat qal li f'dan il-mument ma jistax ma jiħux azzjoni, "speċjalment meta dan huwa sostnut bl-aktar mod inetiku mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-media tal-Partit Nazzjonalista."
Muscat qal li hu u martu se jkunu qed jiftħu proċeduri legali kontra Daphne Caruana Galizia u l-mezzi tax-xandir tal-PN, "talli qegħdin jirrepetu din il-gidba faħxija." Muscat appella wkoll li jekk hemm xi ħadd għandu l-iċken prova, din tinħareġ b'mod immedjat, u jsiru l-verifiki kollha neċessarji tal-awtentiċità, "għaliex jekk hawn min wasal biex jagħmel din l-ikbar gidba faħxija, xejn ma neskludi li hawn min hu lesti li jagħmel il-falsifikazzjonijiet."
Muscat qal li hu m'għandu xejn x'jaħbi u li, "nittama li qabel rikeb fuq dan il-karru moqżież, Simon Busuttil għamel il-verifiki tiegħu," waqt li sostna li se jżomm responsabbli lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru talab li ssir Inkjesta Maġisterjali.
Nhar it-22 ta' Lulju 2018, wara kważi sena u nofs, l-Inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant ikkonkludiet li l-ishma f’din il-kumpanija ma kinux tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ta’ martu Michelle, jew ta’ xi membru tal-familja tagħhom. Il-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta ġew ippubblikati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-inkjesta stabbiliet li l-Prim Ministru u martu ma kinux involuti f’korruzzjoni jew f’ħasil ta’ flus u xejnet l-allegazzjoni li kien hemm miljun dollaru li ġew trasferiti mill-kont bankarju tal-familja Aliyev fl-Ażerbajġan għall-kont ta’ Egrant. L-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja sabet li ġew falsifikati dokumenti u firem, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda ewlenin li ma qablux, u li l-allegazzjoni li c-Chairman tal-Bank Pilatus ħa evidenza f’bagalji ma ġietx sostnuta b’filmati miġbuda minn kameras tas-sigurtà.
L-inkjesta maġisterjali ntalbet tara wkoll jekk il-Prim Ministru jew membri tal-familja tiegħu jew John Dalli, Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhomx kontijiet bankarji fil-bank Pilatus u jekk xi ħadd minnhom kienx involut f’xi transazzjonijiet suspettużi jew f’atti ta’ korruzzjoni jew ħasil ta’ flus ma’ persuni mill-Azerbaijan bil-Bank Pilatus. Dwar dan, il-Maġistrat Bugeja kkonkluda li ma nstabx li xi ħadd minn dawn il-persuni setgħu kienu involuti f’korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew transazzjonijiet finanzjarji suspettati minn kontijiet ta’ Ażeri esposti politikament permezz ta’ kontijiet fil-Bank Pilatus. Din il-konklużjoni twieġeb għall-allegazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia li aktar minn miljun dollaru ġew trasferiti f’salt minn kumpanija fl-Azerbaijan għall-kumpanija Egrant.
Nhar l-1 ta' Mejju 2017, 11-il jum biss wara l-allegazzjoni serja ta' Daphne Caruana Galizia u l-instabbiltà li nħolqot fil-pajjiż bl-akkużi ta' korruzzjoni fil-konfront tal-Prim Minustru u ta' martu, Muscat ħabbar waqt mass meeting tal-Partit Laburista fl-okkażjoni ta' Jum il-Ħaddiem, li wara, dakinhar stess kien se jmur għand il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca fil-Palazz ta' Sant'Anton biex jissuġġerilha li l-Parlament jiġi xolt u tissejjaħ elezzjoni ġenerali bil-Parlament ixolji dakinhar stess, waqt li l-elezzjoni ġenerali ssir is-Sibt 3 ta’ Ġunju 2017.
Għall-Elezzjonijiet Ġenerali, 333,380 kienu eliġibbli li jivvutaw, wara waħda mill-iqsar kampanji elettorali fl-istorja ta' Malta, uffiċjalment ħames ġimgħat. Il-Partit Laburista kiseb 170,976 vot; 35,280 aktar mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 135,696 vot; u bħala persentaġġi l-PL ġab 55% u l-PN 43.7%, kważi ripetizzjoni tal-istess riżultat tal-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 (Malta).Fil-fatt din kienet l-ikbar rebħa elettorali f'Malta minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija sal-lum.
Fid-9 ta' Ottubru 2017, tressaq il-Budget għall-2018, budget li ma kien fih ebda żieda fit-taxxa, filwaqt li kien fih pakkett ta’ miżuri u benefiċċji b’valur ta’ €35 miljun li ser jolqtu prattikament lill-ħaddiema u l-pensjonanti kollha. Il-mira tal-Budget hija li l-Gvern anke s-sena d-dieħla jkollu surplus ta’ madwar €100 miljun b’riżultat taż-żieda fl-attivita ekonomika li tiġġenera aktar dħul għall-Gvern.
Benefiċċji għall-Ħaddiema
Bit-tema, Malta lesta għall-futur, il-Budget fost oħrajn jinkludu benefiċju għal madwar 200,000 ħaddiem li s-sena d-dieħla se jirċievu rebate tat-taxxa li jvarja bejn €40 u €68 li se jitħallas anke lil persuni li ma humiex taxxabbli. Ser tiżdied ġurnata mal-leave tal-ħaddiema.
Mal-200,000 ħaddiem, is-sena id-dieħla ser jirċievu rebate tat-taxxa li jvarja bejn €40 u €68 li ser jitħallas anke lill-persuni li ma humiex taxxabbli. Ser tiżdied ġurnata mal-leave tal-ħaddiema biex tibda titwettaq il-weghda tal-kumpens għall-festi pubbliċi li jaqgħu fit-tmiem il-ġimgħa. Il-ħaddiema fil-community workers’ scheme ser jingħataw żieda ta’ €200 fix-xahar.
Il-Gvern ser jalloka €10 miljun biex isewwi l-inġustizzji ma’ bosta kategoriji ta’ ħaddiema.
Benefiċċji lill-Pensjonanti
Minbarra l-kumpens tal-għoli tal-ħajja li se jkun ta’ €1.75 fil-ġimgħa, il-pensjonanti kollha anke dawk li jirċievu pensjoni mhux kontributorja, ser jingħataw żieda oħra ta’ €2 fil-ġimgħa, waqt li mhux ser iħallsu taxxa fuq l-ewwel €13,200.
Għall-pensjonanti wkoll, il-Gvern ser jerga’ joħroġ bond iehor 62+ b’rata ta’ imgħax vantaġġjuża. Ġenituri li jadottaw ser jingħataw għotja ta’ €10,000 waqt li l-benefiċċju tal-foster carers ser jiżdied minn €70 għal €100 fil-ġimgħa.
Edukazzjoni
Fil-qasam tal-edukazzjoni fuq medda ta’ sentejn, ser jispiċċa l-ħlas għall-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC, miżura li tista’ €2 miljun. Mill-2018, ser ikun provdut trasport b’xejn ghat-tfal fl-iskejjel privati u tal-Knisja. Ser tkun estiża l-iskema tat-trasport pubbliku b’xejn li din is-sena kienet għall-persuni li għalqu 18-il sena li minnha ser igawdu ż-żgħażagħ fl-età bejn is-16 u l-20 sena. Tħabbret ukoll eżenzjoni mit-taxxa ta’ sena jew sentejn għal min jikseb Masters jew Phd wara kors full-time b’ċerti kundizzjonijiet.
Suq tal-Propjetà
Il-Budget fih sensiela ta’ miżuri għas-suq tal-propjetà. Fost oħrajn ser tkun estiza l-iskema tal-first-time buyers u issa persuni li jbiegħu l-propjetà tagħhom u jixtru propjetà oħra minflokha ser jibbenefikaw sa €3,000 ħelsien mit-taxxa tal-boll. Fis-suq tal-kera fost oħrajn ser tiddaħħal ir-reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kirjiet biex is-sidien u l-kerrejja igawdu mill-protezzjoni tal-liġi u ser issir reviżjoni tal-liġi tal-kera. Il-Gvern ser iwessa’ l-kriterji għas-sussidju tal-kera li għandu jgħin l-iżjed lill-pensjonanti.
Miżura oħra hija għotja mill-Gvern ta’ €25,000 għat-tiswija ta’ djar abbundannati li s-sidien tagħhom ikunu lesti jirranġawhom u jgħadduhom lill-Awtorità tad-Djar għal 10 snin għall-akkomodazzjoni soċjali. L-anzjani li joqogħdu f’appartamenti tal-Gvern u jirritornaw iċ-ċwievet meta jidħlu fid-djar tal-anzjani ser jibbenfikaw billi jonqos minn 80 għal 60% l-ammont li jitnaqsilhom mill-pensjoni.
Trasport
Ser titneħħa t-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq vetturi hybrid u tal-elettriku.
Akkomodazzjoni soċjali
Trasport u Infrastruttura
Għawdex
Edukazzjoni u Sport
Bit-tema, Malta inkomplu nikbru flimkien, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta l-Baġit b’nefqa ta’ 5,000 miljun ewro. Il-baġit ma kienx fih taxxi ġodda u fost il-miżuri li tħabbru kien hemm żewġ bonuses għal ħaddiema flimkien mal-kumpens għall-għoli tal-ħajja. Ser tonqos ukoll ir-rata tat-taxxa fuq is-sahra u tħabbar bonus għal kull tarbija li titwieled jew tiġi adottata. Fil-baġit fost oħrajn tħabbret ukoll żieda fil-pensjonijiet.
Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun ta’ €3.49 ċenteżmu fil-ġimgħa. Minbarra din iż-żieda, il-Gvern ser jagħti wkoll bonus ta’ darba ta’ €15-il ewro lil familji ta’ persuna waħda u €35 lil familji ta’ aktar minn persuna waħda biex tagħmel tajjeb għal żidiet fil-prezz tal-ħalib li s’issa ma nqabditx bis-sistema tal-COLA. Il-Ministru Scicluna ħabbar ukoll li t-tax refund lil mitejn elf ħaddiem li għandhom dħul inqas minn sittin elf ewro fis-sena ser jerġa’ jingħata u ser ivarja bejn €40 u €68, bl-ogħla rata titħallas lil dawk li għandhom dħul baxx.
Ħaddiema u pensjonanti
Akkomodazzjoni
Ambjent u Infrastruttura
Trasport
Edukazzjoni u skejjel
Saħħa u persuni b'diżabilità
Għawdex
Sigurtà
Nhar it-Tnejn 16 ta’ Ottubru 2017, fit-3.00 p.m., il-karozza li kienet fiha Daphne Caruana Galizia splodiet u l-ġurnalista mietet fuq il-post. Fi stqarrija f’Kastilja madwar siegħa u nofs wara d-delitt, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dak li seħħ hu inaċċettabbli fuq kull livell. Ikkundanna bla riżervi dan “l-attakk barbaru fuq il-persuna u l-liberta’ tal-espressjoni f’pajjiżna.”
Muscat qal li filwaqt l Caruana Galizia kienet kritika ħarxa tiegħu, kemm politikament kif ukoll personalment, “madanakollu ma nista’ nuża qatt dan il-fatt biex jiġġustifika bl-ebda mod possibbli dan l-att barbaru li jmur kontra kull dinjita’ u kull ċiviltà.” Qal li ta struzzjonijiet lill-pulizija kif ukoll lis-servizzi kollha tas-sigurta’ fil-pajjiż biex jieħdu kull miżura biex il-ħati jew ħatja jitressqu quddiem il-ġustizzja. Ta struzzjonijiet biex tiġi mitluba assistenza minn korpi tas-sigurta’ minn pajjiżi oħra fl-investigazzjonijiet.
Muscat qal li hu l-Prim Ministru ta’ kulħadd u s-saħħa tad-demokrazija tagħna toħroġ f’mumenti bħal dan, fejn irridu nkunu lesti niddefendu l-prinċipji tagħna u d-drittijiet ta’ kull wieħed u waħda minna. Hu appella għall-għaqda nazzjonali u mhux se jistrieħ sakemm issir ġustizzja għaliex il-pajjiż jistħoqqlu ġustizzja.
“Kulħadd għandu dritt jikteb u jgħid li jrid f’pajjiżna u min iħossu nġurjat, għandu d-dritt tal-protezzjoni tal-Qrati u ebda rimedju ieħor. Mhux se nistrieħ qabel nara li ssir ġustizzja f’dan il-każ. Għaliex pajjiżna jistħoqqlu ġustizzja,” temm il-Prim Ministru.
7 ġimgħat biss wara l-assassinju ta' Caruana Galizia, nhar it-Tnejn 4 ta’ Diċembru 2017, operazzjoni kbira fl-inħawi tal-Menqa fil-Marsa twassal biex jiġu arrestati l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat. Din l-operazzjoni kienet fost l-akbar li qatt saret f’Malta u li rat is-sehem tal-Pulizija u l-Forzi Armati. Ftit wara, Muscat indirizza konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja li fiha ta dettalji dwar l-operazzjoni. Fid-19 ta' Diċembru bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Prim Ministru ta' Malta u Mexxej tal-Partit Laburista, fl-1 ta' Diċembru tal-2019. Wara l-elezzjoni interna fil-Partit li seħħet nhar il-11 ta' Jannar, 2020, l-avukat Robert Abela intagħżel bħala l-Mexxej il-ġdid, Muscat irriżenja minn Prim Ministru.
Joseph Muscat huwa miżżewweġ lil Michelle imwielda Tanti (kienet Assistenta Personali ta' Alfred Sant), u għandu żewġ bniet tewmin: Etoile Ella u Soleil Sophie.
Predeċessur Lawrence Gonzi | Prim Ministru ta' Malta 2013–2020 | Suċċessur |
Predeċessur Alfred Sant | Kap tal-Oppożizzjoni 2008-2013 | Suċċessur |
Predeċessur Alfred Sant | Mexxej tal-Partit Laburista 2008-2020 | Suċċessur |
This article uses material from the Wikipedia Malti article Joseph Muscat, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.