Għerien Ta' Ellora: Għerien-tempji antiki tal-Induiżmu, tal-Buddiżmu u tal-Ġainiżmu

L-Għerien ta' Ellora huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fid-distrett ta' Aurangabad ta' Maharashtra, l-Indja.

Is-sit huwa wieħed mill-ikbar kumplessi ta' għerien-tempji Induisti mnaqqxa fil-blat fid-dinja, b'opri tal-arti li jmorru lura għall-perjodu 600-1000 W.K. L-Għar nru 16 fih l-ikbar tħaffir monolitiku fil-blat fid-dinja, it-Tempju ta' Kailash, monument b'għamla ta' karru ddedikat lill-alla Shiva. It-Tempju ta' Kailash fih ukoll skulturi ta' diversi divinitajiet Induisti kif ukoll panewijiet ta' riljievi li juru fil-qosor żewġ ġrajjiet epiċi Induisti ewlenin.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija
It-Tempju ta' Kailasanatha fuq ġewwa fl-Għar nru 16.

B'kollox hemm iktar minn 100 għar fis-sit, kollha mħaffra fl-irdumijiet tal-bażalt fl-Għoljiet ta' Charanandri, u 34 minnhom huma miftuħin għall-pubbliku. Dawn jikkonsistu minn 17-il għar tal-Induiżmu (l-għerien nri 13-29), 12-il għar tal-Buddiżmu (l-għerien nri 1-12) u ħames għerien tal-Ġainiżmu (l-għerien nri 30-34). Kull grupp ta' għerien jirrappreżenta divinitajiet u mitoloġiji prevalenti fl-ewwel millenju W.K. Barra minn hekk hemm ukoll monasteri ta' kull wieħed mit-tliet reliġjonijiet. L-għerien inbnew qrib xulxin u juru l-armonija reliġjuża li kienet teżisti fl-Indja tal-qedem. Il-monumenti kollha ta' Ellora nbnew matul id-dinastija Rashtrakuta, li bniet parti mill-għerien Induisti u Buddisti, u matul id-dinastija Yadava, li bniet għadd ta' għerien Ġainisti. Il-finanzjament għall-kostruzzjoni tal-monumenti ġie pprovdut min-nies irjali, mill-merkanti u mill-għonja tar-reġjun.

Għalkemm l-għerien servew bħala tempji u punt ta' waqfien għall-pellegrini, il-pożizzjoni tas-sit tul rotta kummerċjali antika tan-Nofsinhar tal-Asja wasslet biex is-sit ikun ukoll ċentru kummerċjali importanti fir-reġjun Dekkan. Is-sit jinsab 29 kilometru (18-il mil) fil-Majjistral ta' Sambhaji Nagar, u madwar 300 kilometru (190 mil) fi Grieg il-Lvant ta' Mumbai. Illum il-ġurnata, l-Għerien ta' Ellora, flimkien mal-Għerien ta' Ajanta fil-qrib, huma attrazzjoni turistika ewlenija fir-reġjun ta' Marathwada f'Maharashtra u monument protett mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (bl-Ingliż: Archeological Survey of India - ASI).

Etimoloġija

Ellora, imsejħa wkoll Verul jew Elura, hija l-forma mqassra tal-isem antik Elloorpuram. Il-verżjoni antika tal-isem instabet f'referenzi antiki bħall-iskrizzjoni Baroda tat-812 W.K. li ssemmi "l-kobor ta' dan is-sit" u li "dan is-sit inbena fuq għolja minn Krishnaraja f'Elapura", b'referenza għat-Tempju ta' Kailasa. Fit-tradizzjoni Indjana, kull għar għandu isem u s-suffiss Guha (bis-Sanskritu), Lena jew Leni (bil-Marathi), li jfisser "għar".

Bosta drabi jingħad ukoll li isem l-Għerien ta' Ellora oriġina minn Ilvalapuram, imsejħa għall-asura Ilvala li rrenja f'dan ir-reġjun sa ma ġarrab telfa kontra l-Għaref Induista Agastya.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Mappa ġenerali tal-Għerien ta' Ellora (il-blat huwa indikat bl-aħdar skur)

Pożizzjoni

L-Għerien ta' Ellora jinsabu fl-istat ta' Maharashtra madwar 29 kilometru (18-il mil) fil-Majjistral tal-belt ta' Aurangabad, 300 kilometru (190 mil) fi Grieg il-Lvant ta' Mumbai, 235 kilometru (146 mil) minn Pune, madwar 100 kilometru (62 mil) fil-Punent tal-Għerien ta' Ajanta, u 2.3 kilometri (1.42 mil) mit-Tempju ta' Grishneshwar.

L-Għerien ta' Ellora jokkupaw reġjun relattivament ċatt tal-blat tal-Katina Muntanjuża tal-Punent (bl-Ingliż: Western Ghats), fejn l-attività vulkanika tal-qedem ħolqot formazzjonijiet b'diversi saffi tal-bażalt, magħrufa bħala n-Nases ta' Dekkan. L-attività vulkanika li ffurmat l-irdum li jħares lejn il-Punent li fih tħaffru l-Għerien ta' Ellora seħħet matul il-Kretaċju. Il-wiċċ vertikali li rriżulta minn din l-attività vulkanika ffaċilita l-aċċess għal bosta saffi ta' formazzjonijiet tal-blat, u b'hekk l-arkitetti tal-għerien setgħu jiksbu l-bażalt b'granuli ifjen għal skulturi iktar dettaljati.

Kronoloġija

Il-kostruzzjoni tal-Għerien ta' Ellora ilha tiġi studjata mill-era kolonjali Brittanika fl-Indja. Madankollu, it-trikkib fl-istili bejn l-għerien Buddisti, Induisti u Ġainisti għamilha diffiċli li jintlaħaq qbil dwar il-kronoloġija tal-kostruzzjoni tagħhom. In-nuqqas ta' qbil ġeneralment jikkonċerna: l-ewwel, liema mill-għerien Buddisti u Induisti tħaffru l-ewwel; u t-tieni, id-datazzjoni relattiva tal-għerien fi ħdan tradizzjoni partikolari. Il-konsensus wiesa' li feġġ huwa bbażat fuq it-tqabbil tal-istili ta' tinqix fl-Għerien ta' Ellora u f'għerien-tempji datati oħra fir-reġjun ta' Dekkan, tar-rekords testwali ta' diversi dinastiji, u tal-evidenza epigrafika li nstabet f'diversi siti arkeoloġiċi qrib l-Għerien ta' Ellora u f'inħawi oħra f'Maharashtra, f'Madhya Pradesh u f'Karnataka. Geri Hockfield Malandra u studjużi oħra ddikjaraw li l-Għerien ta' Ellora kellhom tliet perjodi importanti ta' kostruzzjoni: fażi Induista bikrija (għall-ħabta tal-550 sas-600 W.K.), fażi Buddista (għall-ħabta tas-600 sas-730 W.K.) u fażi Induista u Ġainista iktar 'il quddiem (għall-ħabta tas-730 sad-950 W.K.).

L-iżjed għerien bikrin x'aktarx li nbnew matul id-dinastiji Traikutaka u Vakataka, din tal-aħħar magħrufa l-iktar talli sponsorjat il-kostruzzjoni tal-Għerien ta' Ajanta. Madankollu, jitqies li x'aktarx uħud mill-iżjed għerien bikrin, bħall-Għar nru 29 (Induist), inbnew mid-dinastija Kalachuri ispirata minn Shiva, filwaqt li l-għerien Buddisti nbnew mid-dinastija Chalukya. L-għerien Induisti li nbnew iktar 'il quddiem u l-għerien Ġainisti bikrin inbnew mid-dinastija Rashtrakuta, filwaqt li l-aħħar għerien Ġainisti nbnew mid-dinastija Yadava, li kienet sponsorjat ukoll il-kostruzzjoni ta' għerien-tempji Ġainisti oħra.

Sit ta' Wirt Dinji

L-Għerien ta' Ellora ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".

Monumenti Induisti: Għerien nri 13-29

L-għerien Induisti nbnew f'żewġ fażijiet matul il-perjodu tad-dinastija

Parvati u Shiva Jiżfen (fuq il-lemin) f'Għar ta' Ellora.

Kalachuri, minn nofs is-seklu 6 sas-seklu 8. Tħaffru disa' għerien-tempji fil-bidu tas-seklu 6, u mbagħad tħaffru erba' għerien oħra (l-għerien nri 17-29). Ix-xogħol beda l-ewwel, skont ordni kronoloġika, fl-Għerien nri 28, 27 u 19, u mbagħad fl-Għerien nri 29 u 21, li tħaffru fl-istess żmien mal-Għerien nri 20 u 26. L-Għerien nri 17 u 28 kienu l-aħħar li nbdew.

L-Għerien nri 14, 15 u 16, li nbnew wara tħaffru matul id-dinastija Rashtrakuta, u wħud huma datati bejn is-sekli 8 u 10. Ix-xogħol inbeda l-ewwel fl-Għerien nri 14 u 15, u l-Għar nru 16, l-ikbar tħaffir monolitiku fid-dinja, inbena l-aħħar. Dawn l-għerien tlestew fis-seklu 8 bis-sostenn tar-Re Krishna I.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Veduta mill-Għar nru 29.

Tempji Induisti Bikrin: Dhumar Lena, Għar nru 29

Il-kostruzzjoni fl-għerien Induisti bikrin x'aktarx li bdiet qabel dik fl-għerien Buddisti jew Ġainisti. Dawn l-għerien bikrin ġeneralment kienu ddedikati lill-alla Shiva, għalkemm l-ikonografija tissuġġerixxi li l-artiġjani taw l-istess prominenza u qima lil allat maskili u femminili oħra tal-Induiżmu. Karatteristika komuni ta' dawn l-għerien-tempji kienet linga-yoni mħaffra fil-blat fil-qalba tas-santwarju u kull waħda kienet tkun imdawra bi spazju biex wieħed ikun jista' jdur magħha (parikrama).

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Il-Pilastru tal-Ġebel tal-Għar nru 16.

L-Għar nru 29, imsejjaħ ukoll Dhumar Lena, huwa wieħed mill-iżjed għerien bikrin ta' Ellora u fost l-ikbar ukoll. Il-kostruzzjoni Induista bikrija tal-għar-tempju kienet iċċentrata madwar il-"Vale Ganga", kaskata naturali li ġiet integrata fil-monument. Il-kaskata hija viżibbli minn gallarija mħaffra fil-blat fin-Nofsinhar, b'mod partikolari fl-istaġun tal-monsuni, u ġiet deskritta bħala "li taqa' fuq waħda mill-ħuġbejn ta' Shiva". It-tinqix f'dan l-għar huwa iktar mid-daqs ta' bniedem, iżda skont l-awtur Dhavalikar, id-dirgħajn ta' Shiva huma "iktar korpulenti, ikbar u iktar sproporzjonati" meta mqabbla mat-tinqix f'għerien oħra ta' Ellora.

Tempju ta' Rameshwar: Għar nru 21

L-Għar nru 21, imsejjaħ ukoll Rameshwar Lena, huwa għar bikri ieħor li l-kostruzzjoni tiegħu ġiet akkreditata lid-dinastija Kalachuri. L-għar tlesta qabel ma bdiet tirrenja d-dinastija Rashtrakuta, li mbagħad kompliet tkabbar l-Għerien ta' Ellora.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
L-alla Ganga fid-daħla tal-Għar nru 21.

Għalkemm il-karatteristiċi tal-għar huma simili għal dawk f'għerien oħra ta' Ellora, dan l-għar fih ukoll għadd ta' opri uniċi, bħat-tinqix dwar il-ġrajja tal-alla femminili Parvati li ppruvat tirbaħ qalb Shiva. It-tinqix ta' Parvati u Shiva jiddevertu, tat-żwieġ ta' Parvati u Shiva, ta' Shiva jiżfen u ta' Kartikeya (Skanda) jinstab f'għerien oħra wkoll. Fl-Għar nru 21 hemm ukoll tinqix kbir tas-Sapta Matrika, is-seba' allat ommijiet tat-tradizzjoni Shakti tal-Induiżmu, u fuq kull naħa tagħhom tinqix ta' Ganesha u Shiva. Fuq ġewwa tat-tempju hemm it-tinqix ta' allat femminili oħra li huma importanti għat-tradizzjoni Shakti, pereżempju d-Durga. Fuq kull naħa tad-daħla tal-Għar nru 21 hemm skulturi kbar tal-allat femminili Ganga u Yamuna li jirrappreżentaw iż-żewġ xmajjar ewlenin tal-Himalayas u l-importanza tagħhom għall-kultura Indjana.

L-għar għandu konfigurazzjoni simetrika skont il-prinċipju tal-mandapa kwadra u fih tiżjin ġeometriku ripetut mal-għar kollu. Il-linga ta' Shiva fis-sanctum sanctorum tat-tempju hija ekwidistanti mill-istatwi tal-allat femminili ewlenin Ganga u Yamuna, u t-tlieta li huma jiffurmaw triangolu ekwilaterali. Skont Carmel Berkson, din il-konfigurazzjoni x'aktarx li tissimbolizza r-relazzjoni Brahman-Pakriti, l-interdipendenza tal-enerġiji maskili u femminili, li hija ċentrali għat-teoloġija Induista.

Tempju ta' Kailāśa: Għar nru 16

Xellug: It-Tempju ta' Kailash. Lemin: Tpinġija ta' James Fergusson tas-seklu 19.

L-Għar nru 16, magħruf bħala t-Tempju ta' Kailasa, huwa għar-tempju partikolarment notevoli fl-Indja minħabba d-daqs u l-arkitettura tiegħu, kif ukoll minħabba li tħaffer minn blata sħiħa waħda.

It-Tempju ta' Kailasha, ispirat mill-Muntanja Kailasha, huwa ddedikat lil Shiva. Ġie mmuddellat skont linji simili bħal tempji Induisti oħra b'daħla, sala ta' assemblea, tempju prinċipali b'diversi sulari mdawwar b'bosta santwarji, b'konfigurazzjoni skont il-prinċipju tal-mandala kwadra, spazju integrat biex wieħed ikun jista' jdur mal-linga, garbha-grihya jew sanctum sanctorum bil-linga-yoni, u spira b'għamla simili għall-Muntanja Kailash – kollox imnaqqax fi blata sħiħa waħda. Santwarji oħra mnaqqxa fl-istess blata huma ddedikati lil Ganga, Yamuna, Saraswati, l-għaxar avatar ta' Vishnu, l-allat maskili u femminili Vediċi inkluż Indra, Agni, Vayu, Surya u Usha, kif ukoll divinitajiet mhux Vediċi bħal Ganesha, Ardhanarishvara (nofs Shiva, nofs Parvati), Harihara (nofs Shiva, nofs Vishnu), Annapurna, Durga u oħrajn. Il-pjan terran tat-tempju fih bosta opri ta' Shiva, Vaishnava u Shakti; sett notevoli ta' tinqix jinkludi t-tnax-il episodju mit-tfulija ta' Krishna, element importanti tal-Vaixnaviżmu.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Pittura tal-Għar nru 15 fil-bidu tas-seklu 19.

L-istruttura hija tempju mhux mirfud, b'diversi sulari, u tkopri erja d-doppju tad-daqs tal-Partenon f'Ateni. Huwa stmat li l-artisti neħħew tliet miljun pied kubu ta' blat, b'piż ta' madwar 200,000 tunnellata, biex jitħaffer it-tempju.

Il-kostruzzjoni tat-tempju ġiet attribwita lir-Re tad-dinastija Rashtrakuta Krishna I (li rrenja mis-756 sas-773 W.K.), iżda ġew innutati wkoll elementi tal-arkitettura Pallava. Il-bitħa għandha bażi ta' 82 metru b'46 metru, u hija għolja 30 metru (280 pied × 160 pied × 106 pied). Id-daħla fiha gopuram baxxa. Is-santwarju ċentrali bil-linga għandu mandapa b'saqaf ċatt mirfud b'16-il pilastru, u shikhara Dravidjana. F'zuntier quddiem it-tempju hemm xbieha tal-muntanja Nandi (barri sagru) ta' Shiva. Tnejn mill-ħitan fit-tempju prinċipali fihom ringieli ta' tinqix mill-ġrajja tal-Mahabharata fuq in-naħa tat-Tramuntana, u mill-ġrajja tar-Ramayana fuq in-naħa tan-Nofsinhar.

It-Tempju ta' Kailasha jitqies bħala eżempju notevoli ta' kostruzzjoni tat-tempji mill-istorja Indjana tal-ewwel millenju, u Carmel Berkson isejjaħlu "wieħed mill-għeġubijiet tad-dinja" fost il-monumenti mħaffrin fil-blat.

Tempju ta' Dashavatara: Għar nru 15

It-Tempju ta' Kailasa, imnaqqax kollu b'mod notevoli minn blat sħiħa waħda nbena mir-Re tad-dinastija Rashtrakuta Krishna I (li rrenja mis-756 sas-773 W.K.).
Il-panew tar-Ramayana.

It-Tempju ta' Dashavatara jew l-Għar nru 15, huwa struttura sinifikanti oħra li tlestiet xi żmien wara l-Għar nru 14 (Ravan ki Khai, Induist). L-Għar nru 15 fih ċelel u konfigurazzjoni simili għal dawk fl-Għerien Buddisti nri 11 u 12, li jissuġġerixxu li dan l-għar kien maħsub bħala għar Buddist; madankollu, il-preżenza ta' karatteristiċi mhux Buddisti, bħal Nrtya Mandapa (paviljun Indjan taż-żfin klassiku) fid-daħla tiegħu, indikat mod ieħor. Skont James Harle, fl-Għar Buddist nru 11 instabu xbihat Induisti, filwaqt li bosta divinitajiet Induisti ġew inkorporati fl-għerien Buddisti tar-reġjun. Dan it-trikkib f'disinni differenti bejn l-għerien Buddisti u Induisti jaf sar peress li l-arkitetti u l-ħaddiema li ħadmu f'dawn is-siti kienu l-istess nies, jew inkella għar li kien ikun ippjanat bħala wieħed Buddist imbagħad kien jiġi adattat f'monument Induist.

Skont Geri Malandra, l-għerien Buddisti kollha ta' Ellora kienu intrużjoni f'post li diġà kien sit stabbilit tal-pellegrinaġġi Induisti tat-Tirtha Brahmana, u mhux bil-kontra. Barra minn hekk, peress li kemm l-għerien Buddisti kif ukoll dawk Induisti kienu fil-biċċa l-kbira anonimi, bl-ebda iskrizzjoni dwar id-donaturi li bnewhom, l-intenzjoni u n-natura oriġinali tagħhom huma spekulattivi.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
L-alla Vishnu fit-Tempju ta' Dashavatara.

It-tempju Induist fl-Għar 15 għandu bitħa fil-beraħ b'mandapa monolitika mhux mirfuda fin-nofs u tempju ta' żewġ sulari mħaffer fuq wara fil-blat. Panewijiet bi skulturi kbar bejn il-kolonni fil-ħitan fis-sular ta' fuq juru firxa wiesgħa ta' temi, inkluż l-għaxar avatars ta' Vishnu. Iskrizzjoni ta' Dantidurga, kruċjali għad-datazzjoni tat-tempju, tinsab fuq il-ħajt ta' wara tal-mandapa ta' quddiem. Skont Coomaraswamy, l-ifjen riljiev ta' dan l-għar huwa dak tal-mewt ta' Hiranyakashipu, fejn Vishnu b'għamla ta' raġel-iljun (Narasimha), joħroġ minn pilastru biex ipoġġi id fatali fuq spalltu. Din hija skultura tad-dinastija Rastrakoot. Riljievi oħra fl-Għar nru 15 jinkludu l-Gangadhara, iż-żwieġ ta' Shiva u Parvati, it-Tripurantika tat-tradizzjoni Shakti, Markendeya, Garuda, aspetti tal-ħajja, Nandi f'mandapa, Shiva jiżfen, Andhakasura, Govardhanadhari, Gajendravarada u oħrajn. Il-panewijiet huma rranġati f'dijadi, li skont Carmel Berkson isaħħu lil xulxin b'wirja ta' "enerġija kooperattiva iżda wkoll antagonistika" b'reċiproċità ta' trasferiment ta' poteri.

Għerien Indù oħra

Għerien Induisti notevoli oħra huma r-Ravan ki Khai jew l-Għar nru 14 u n-Nilkantha jew l-Għar nru 22. It-tnejn li huma fihom bosta skulturi. L-Għar nru 25, b'mod partikolari, fih tinqix ta' Surya mas-saqaf.

Monumenti Buddisti: Għerien nri 1-12

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
L-Għerien nri 11 (hawn fuq) u 12 huma monasteri bi tliet sulari mħaffrin ġol-blat, b'ikonografija Vajrayana fuq ġewwa.

Dawn l-għerien jinsabu fuq in-naħa tan-Nofsinhar u nbnew bejn is-630 u s-700 W.K., jew bejn is-600 u s-730 W.K. Inizjalment kien maħsub li l-għerien Buddisti kienu l-iżjed strutturi bikrin li nħolqu bejn is-sekli 5 u 8, bl-għerien nri 1-5 fl-ewwel fażi (400-600) u nri 6-12 f'fażi iktar 'il quddiem (650-750), iżda studjużi moderni issa jqisu li l-kostruzzjoni tal-għerien Induisti saret qabel dik tal-għerien Buddisti, għalkemm m'hemmx qbil dwar dan fis-sorsi kollha. L-iżjed għar Buddist bikri huwa l-Għar nru 6, imbagħad l-għerien nri 5, 2, 3, 5 (fuq il-lemin), l-għerien nri 4, 7, 8, 10 u 9, u fl-aħħar nett l-għerien nri 11 u 12, magħrufa wkoll bħala Do Thal u Tin Thal rispettivament.

Ħdax mit-tnax-il għar Buddist jikkonsistu minn viharas jew monasteri bi swali għat-talb. Dawn kienu binjiet kbar, b'diversi sulari, imħaffrin fil-wiċċ tal-muntanja, b'kwartieri għall-għajxien, kwartieri għall-irqad, kċejjen, u kmamar oħra. L-għerien bil-monasteri għandhom santwarji b'tinqix ta' Gautama Buddha, bodhisattvas u qaddisin. F'uħud minn dawn l-għerien, l-iskulturi għamlu ħilithom biex lill-ġebla jagħtuha dehra bħall-injam.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Pjanta tal-Għar nru 5 jew l-Għar ta' Mahawara.

L-Għerien nri 5, 10, 11 u 12 huma għerien Buddisti b'importanza arkitettonika. L-Għar nru 5 huwa uniku fost l-Għerien ta' Ellora peress li ġie ddisinjat bħala sala b'par bankijiet paralleli tar-refettorju fiċ-ċentru u statwa ta' Buddha fuq wara. Dan l-għar u l-Għar nru 11 tal-Għerien ta' Kanheri huma l-unika żewġ għerien Buddisti fl-Indja li huma rranġati b'dan il-mod. L-Għerien nri 1 sa 9 huma kollha monasteri filwaqt li l-Għar nru 10, l-Għar ta' Vīśvakarmā, huwa sala Buddista maġġuri għat-talb. L-Għerien nri 11 u 12 huma għerien-monasteri tal-Buddiżmu Mahayana bi tliet sulari, b'idoli, b'mandali mnaqqxa fil-ħitan, b'bosta allat femminili, u ikonografija relatata mal-bodhisattva tal-Buddiżmu Vajrayana. Dawn huma evidenza ċara li tissuġġerixxi li l-ideali Vajrayana u Tantriċi tal-Buddiżmu kienu stabbiliti sew fin-Nofsinhar tal-Asja fis-seklu 8 W.K.

Għar ta' Vishvakarma

Fost l-għerien Buddisti, l-Għar nru 10 huwa tassew notevoli. Huwa chaitya jew sala tal-qima msejħa l-Għar ta' Vishvakarma, u nbena għall-ħabta tas-650 W.K. Dan l-għar huwa magħruf ukoll bħala l-"Għar tal-Mastrudaxxa", peress li l-ġebla tiegħu ngħatat dehra qisha ta' xorok tal-injam. Lil hinn mid-daħla tiegħu fuq sulari differenti, wieħed jasal f'sala ta' stupa qisha katidral, magħrufa wkoll bħala chaitya-griha (post għat-talb). Fil-qalba ta' dan l-għar hemm statwa ta' 15-il pied ta' Buddha bilqiegħda b'poża tal-ipprietkar.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Bosta allat femminili tantriċi Buddisti ġew imnaqqxa fl-Għar nru 12.

L-Għar nru 10 jikkombina vihara ma' sala tal-qima qisha kappella bi tmien ċelel sussidjarji, erba' fil-ħajt ta' wara u erba' fuq il-lemin, kif ukoll portiku fuq quddiem. Din is-sala hija l-unika chaitya griha ddedikata fost l-għerien Buddisti u nbniet b'linji simili għall-Għerien nri 19 u 26 tal-Għerien ta' Ajanta. L-Għar nru 10 fih ukoll gavaksha jew chandrashala, tieqa b'għamla ta' ħnejja u konnessjoni laterali li tagħti għall-Għar nru 9 ta' Ellora.

Is-sala prinċipali tal-Għar ta' Visvakarma għandha pjanta b'apsida u hija maqsuma f'navata ċentrali u korsiji laterali permezz ta' 28 kolonna ottagonali b'kapitelli sempliċi bil-brakits. Fin-naħa apsidali tas-sala chaitya hemm stupa u fuq il-wiċċ tagħha hemm Buddha bilqiegħda kolossali bil-poża ta' vyakhyana mudra (poża tat-tagħlim). Fuq wara tal-istupa hemm siġra kbira Bodhi mnaqqxa. Is-sala għandha saqaf bil-volti b'triforji mnaqqxa fil-blat qishom xorok tal-injam. Il-freġji fuq il-pilastri fihom irġejjen Naga, u r-riljiev artistiku estensiv fih diversi karattri fosthom intrattenituri, żeffiena u mużiċisti.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Parti mill-Għar Buddist nru 10 jew l-Għar tal-Mastrudaxxa.

In-naħa ta' quddiem tas-sala għat-talb hija spazju fil-beraħ imħaffer mill-blat li wieħed jasal għalih permezz ta' għadd ta' tarġiet. Id-daħla tal-għar għandha faċċata mnaqqxa u mżejna b'bosta motivi Indjani, inkluż apsari u patrijiet jimmeditaw. Fuq iż-żewġ naħat tas-sular ta' fuq hemm portiċi bil-pilastri bi kmamar żgħar fil-ħitan ta' wara tagħhom. Il-veranda bil-pilastri taċ-chaitya għandha santwarju żgħir fuq kull naħa u ċella individwali fit-tarf nett tal-ħajt ta' wara. Il-kolonni tal-kuritur għandhom xaftijiet kwadri enormi u kapitelli ghata-pallava (b'għamla ta' vażuni u bil-weraq). Id-diversi sulari tal-Għar nru 10 fihom idoli ta' divinitajiet maskili u femminili, bħal Maitreya, Tara, Avalokitesvara (Vajradhamma), Manjusri, Bhrkuti u Mahamayuri, imnaqqxa bl-istil tad-dinastija Pala li jinstab l-iktar fir-reġjuni tal-Lvant tal-Indja. Xi influwenzi tan-Nofsinhar tal-Indja joħorġu fid-dieher ukoll f'diversi opri tal-arti f'dan l-għar.

Monumenti Ġain: Għerien nri 30-34

Mahavira.
Bahubali.

Fin-naħa tat-Tramuntana tal-Għerien ta' Ellora hemm ħames għerien Ġainisti tas-setta Digambara, li tħaffru fis-seklu 9 u fil-bidu tas-seklu 10 W.K. Dawn l-għerien huma iżgħar mill-għerien Buddisti u Induisti għalkemm xorta waħda fihom tinqix b'dettall kbir. Dawn l-għerien, u l-għerien Induisti li nbnew l-aħħar, inbnew għall-ħabta tal-istess żmien u fihom ideat arkitettoniċi u devozzjonali simili bħal veranda bil-pilastri, mandapa simetrika u puja (sala tal-qima). Madankollu, għad-differenza tat-tempji Induisti, l-enfasi ssir fuq ix-xbihat ta' erba' u għoxrin Jina (konkwistaturi spiritwali li kisbu l-ħelsien miċ-ċiklu bla tmiem ta' twelid mill-ġdid). Minbarra dawn il-Jinas, fost l-opri tal-arti fit-tempji Ġainisti hemm it-tinqix ta' allat maskili u femminili, magħrufa bħala yaksa (alla maskili) u yaksi (alla femminili), u devoti umani prevalenti fil-mitoloġija tal-Ġainiżmu tal-ewwel millenju W.K.

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Shikhar ta' Indra Sabha.

Skont Jose Pereira, il-ħames għerien effettivament kienu 23 struttura distinta li tħaffru matul perjodi differenti. 13 minnhom jinsabu f'Indra Sabha, sitta fil-Jagannatha Sabha u l-bqija fiċ-Chhota Kailash. Pareira uża bosta sorsi biex jikkonkludi li l-għerien Ġainisti ta' Ellora x'aktarx bdew jinbnew fl-aħħar tas-seklu 8, u l-attività tal-kostruzzjoni u tat-tħaffir baqgħet għaddejja wara s-seklu 10 sas-seklu 13, qabel ma waqfet ħesrem mal-invażjoni tar-reġjun mis-Sultanat ta' Delhi. Evidenza ta' dan tinstab fl-iskrizzjonijiet iddedikati li ġew datati li jmorru lura għall-1235 W.K., fejn id-donatur jiddikjara li "kkonverta lil Charanadri f'tirtha mqaddsa" biex dawk li jemmnu fil-Ġainiżmu jkollhom it-tinqix ta' diversi Jina.

Fost is-santwarji Ġainisti, huma partikolarment importanti ċ-Chhota Kailash (l-Għar nru 30, b'erba' skavi), l-Indra Sabha (l-Għar nru 32, bi 13-il skavi) u l-Jagannath Sabha (l-Għar nru 33, b'erba' skavi). L-Għar nru 31 fiha sala mhux kompluta b'erba' pilastri u santwarju. L-Għar nru 34 huwa għar żgħir, li wieħed jista' jaċċessah minn fetħa fin-naħa tax-xellug tal-Għar nru 33.

L-għerien Ġainisti fihom uħud mix-xbihat l-iktar bikrin tas-Samavasarana fost it-tinqix devozzjonali tagħhom. Is-Samavasarana hija ta' importanza partikolari għall-Ġainiżmu peress li hija s-sala fejn it-Tirthankara jipprietka wara li jikseb il-Kevala Jnana (l-onnixxenza liberatorja). Karatteristika interessanti oħra li tinstab f'dawn l-għerien hija li l-figuri sagri tal-Ġainiżmu jinġabru f'pari, speċifikament Parsvanatha u Bahubali, li jidhru 19-il darba. Opri tal-arti oħra ta' importanza jinkludu dawk tad-divinitajiet Sarasvati, Sri, Saudharmendra, Sarvanubhuti, Gomukha, Ambika, Cakresvari, Padmavati, Ksetrapala u Hanuman.

Chhota Kailasha: Għar nru 30

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Chhota Kailasha.

Chhota Kailasha jew it-Tempju Żgħir ta' Kailasha, ingħata dan l-isem minħabba t-tinqix simili li għandu bħal dawk tat-Tempju ta' Kailasha. Dan it-tempju x'aktarx li nbena fil-bidu tas-seklu 9, fl-istess żmien bħall-kostruzzjoni tas-sular t'isfel tal-Indra Sabha, xi deċennji wara t-tlestija tat-Tempju ta' Kailasha. Fih żewġ riljievi enormi ta' Indra jiżfen, wieħed bi tmien dirgħajn u ieħor bi tnax, it-tnejn li huma mżejna b'ornamenti u kuruna; id-dirgħajn ta' Indra jidhru b'diversi pożi jew mudra li jfakkru l-opri tal-arti ta' Shiva jiżfen li nstabu fl-għerien Induisti fil-qrib. Madankollu, l-ikonografija għandha diversi differenzi li jindikaw li dan l-għar fih Indra mhux Shiva jiżfen. Il-panewijiet ta' Indra fid-daħla fihom ukoll divinitajiet oħra, ħlejqiet tas-smewwiet, mużiċisti u żeffiena.

L-istoriku tal-arti Lisa Owen qajmet dubji dwar jekk il-mużika u ż-żfin kinux parti mill-Ġainiżmu tas-seklu 9, minħabba li t-teoloġija tal-Ġainiżmu tiffoka fuq l-axxetiċiżmu meditattiv. Rajan, pereżempju, ippropona li l-Għar nru 30 jaf oriġinarjament kien monument tal-Induiżmu li mbagħad ġie kkonvertit f'tempju tal-Ġainiżmu. Madankollu, Owen tissuġġerixxi li l-opri tal-arti ċelebrattivi f'dan it-tempju jistgħu jinftiehmu aħjar bħala parti mid-duttrina tas-Samavasarana fil-Ġainiżmu.

It-trikkib bejn il-mitoloġiji tal-Ġainiżmu u tal-Induiżmu ħolqu konfużjoni sħiħa, peress li t-Tielet Ktieb tal-Mahabharata tal-Induiżmu jiddeskrivi r-residenza ta' Indra bħala waħda mimlija b'varjetà ta' eroj, ħaddiema tal-qorti u artiġjani, fi ħdan ambjent qisu ta' ġenna. Dawn l-immaġnijiet jiġu ripetuti fl-Għar nru 30 kollu, b'mod simili għall-għerien Induisti, u b'hekk isawru l-kuntest tat-tempju. Madankollu, is-simboliżmu eqreb taċ-ċentru tat-tempju huwa iktar allinjat mal-ideat ewlenin tal-Ġainiżmu; bi prevalenza ikbar ta' xbihat jimmeditaw u Jinas – il-post fejn in-nies devoti tal-Ġainiżmu jipprattikaw ir-ritwal tal-abhisheka (qima) tagħhom.

Għar nru 31

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Mahavira, Matanga u Siddhaiki.

L-Għar nru 31, li jikkonsistit minn erba' pilastri, santwarju żgħir u għadd ta' tinqixiet, ma tlestiex. It-tinqix ta' Parshvanatha, bl-għassa tal-yaksha Dharanendra bis-seba' kappi tiegħu, u ta' Gommateshvara saru fil-ħitan tax-xellug u tal-lemin tas-sala, rispettivament, filwaqt li fi ħdan is-santwarju hemm idolu ta' Vardhamana Mahavir Swami. L-idolu jinsab bilqiegħda f'pożizzjoni padmasan fuq tron bl-iljuni u tidher chakra fil-panew tan-nofs tat-tron. Il-figura tal-yaksha Matanga fuq iljunfant tinsab fuq in-naħa tax-xellug tas-santwarju filwaqt li dik tal-yakshi Siddhaiki, bilqiegħda f'pożizzjoni savya-lalitasana fuq iljun b'wild fuq ħoġorha tinsab fuq il-lemin.

Indra Sabha: Għar nru 32

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Indra Sabha huwa l-ikbar għar Ġainista ta' Ellora u jmur lura għas-seklu 9 meta kienet tirrenja d-dinastija Rashtrakuta. Daħla sempliċi tagħti għal spazju fil-beraħ b'santwarju monolitiku b'saqaf piramidali. Figuri mnaqqxa tat-Tirthankhara tal-Ġainiżmu jżejnu l-ħitan tal-għar.

Indra Sabha (l-Għar nru 32), li tħaffer fis-seklu 9, huwa għar b'żewġ sulari u b'santwarju monolitiku fl-ispazju ċentrali tiegħu. Xi storiċi tas-seklu 19 ħawdu l-yaksas tal-Ġainiżmu ma' xbihat oħra ta' Indra li nstabu fl-opri tal-arti Buddisti u Induisti, u b'hekk wasslu biex it-tempju jissejjaħ b'mod żbaljat bħala "Indra Sabha". Indra huwa divinità importanti fit-tliet reliġjonijiet maġġuri tar-reġjun, iżda huwa ta' importanza partikolari fil-Ġainiżmu mhux biss għaliex huwa wieħed mill-64 alla li jirrenjaw fis-smewwiet, iżda hu speċifikament huwa r-re tal-ewwel ġenna tal-Ġainiżmu u l-arkitett ewlieni tas-sala tal-assemblea ċelestjali skont l-Adipurana, test sagru tal-Ġainiżmu.

It-tempju tal-Ġainiżmu ta' Indra Sabha huwa sinifikanti storikament għaliex fih evidenza, bħala saffi ta' depożiti u rekords testwali, tal-qima attiva ġo fih mill-komunità Ġainista. B'mod partikolari, huwa magħruf li kienu jsiru ritwali fis-sular ta' fuq, fejn l-opri tal-arti jaf kellhom rwol ċentrali.

Bħal fil-każ ta' bosta Għerien ta' Ellora, hemm ħafna tinqix li jżejjen it-tempju, pereżempju t-tinqix ta' fjura tal-lotus fuq is-saqaf. Fis-sular ta' fuq tas-santwarju, imħaffer fuq in-naħa ta' wara, hemm xbieha ta' Ambika, il-yakshini ta' Neminath, bilqiegħda fuq l-iljun tagħha taħt siġra tal-mango tree mimlija frott. Iċ-ċentru tas-santwarju fih is-Sarvatobhadra, fejn erba' Tirthankaras tal-Ġainiżmu – Rshibha (l-ewwel), Neminatha (it-22), Parsvanatha (it-23) u Mahavira (l-24) huma allinjati mal-pożizzjonijiet kardinali u jiffurmaw post ta' qima għad-devoti.

Jagannatha Sabha: Għar nru 33

Jagannatha Sabha (l-Għar nru 33) huwa t-tieni l-ikbar għar tal-Ġainiżmu f'Ellora u jmur lura għas-seklu 9 skont l-iskrizzjonijiet imnaqqxa fuq il-pilastri. Dan l-għar fih żewġ sulari bi tnax-il pilastru enormi u rjus tal-iljunfanti orjentati lejn zuntier, kollha kemm huma mnaqqxa f'blata sħiħa waħda. Is-sala fiha żewġ pilastri kwadri tqal quddiem, erba' fiż-żona tan-nofs, sala prinċipali kwadra bil-pilastri wkoll u b'xaftijiet imrikkbin ħdejn xulxin, kollha mnaqqxa b'mod mirqum bil-kapitelli, bil-brakits u bid-disinn imrikkeb. L-idoli maġġuri fuq ġewwa huma dawk ta' Parshvanatha u ta' Mahavira, l-aħħar żewġ Tirthankaras fil-Ġainiżmu.

Għar nru 34

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
L-alla femminili Sidaika.

Skont l-istoriku José Pereira, ċerti iskrizzjonijiet fl-Għar nru 34 jew J26 għadhom ma ġewx deċifrati iżda x'aktarx li saru bejn it-800 u t-850 W.K. Huwa maħsub li iskrizzjonijiet oħra, bħal dik ta' Sri Nagavarma, imorru lura għas-seklu 9 jew 10.

Dan l-għar fih statwa mnaqqxa kbira ta' Parshvanatha Jina bilqiegħda flimkien ma' erba qaddejja camara, tnejn minnhom bil-frosta, li jidhru qishom ħerġin minn wara t-tron tal-Jina. Bħal f'bosta skavi Ġainisti oħra, par kbir ta' yaksa-yaksi jinstab ukoll f'dan l-għar qrib il-Jina. Fuq in-naħa ta' wara tal-għar hemm figura bid-daqna bi skutella f'idejha b'offerti tondi bħala sagrifiċċju, b'għamliet li jfakkru fil-pindas (blalen tar-ross) jew fil-laddus (blalen tal-ħelu). Dan jissuġġerixxi li x-xbieha tista' tkun marbuta mal-qima devozzjonali tal-Ġainiżmu, x'aktarx xi ċerimonja ta' shraddha. Flimkien max-xbieha ta' Parshvanatha fl-għar hemm oħra ta' Gommateshvara bilwieqfa, akkumpanjati b'tinqix ieħor ta' mużiċisti jdoqqu varjetà ta' strumenti bħal kurunetti, tnabar, bronji, trumbetti u plattini. Karatteristika partikolarment notevoli tal-għar hija tinqixa ġganteska ta' lotus miftuħa fuq is-saqaf tagħha fuq ġewwa u fuq barra. Din tinstab f'post Ġainista ieħor biss u fl-Għar Induista nru 25 mill-Għerien ta' Ellora kollha. Il-kollokazzjoni tal-lotus fuq l-għar minflok xi skultura tissimbolizza li t-tempju huwa post divin.

Xbieha ta' Parshvanath imnaqqxa fil-blat

Fuq l-għolja fil-Grigal tal-kumpless prinċipali ta' għerien hemm tempju Ġainista li fih xbieha mnaqqxa fil-blat ta' 16-il pied (4.9 metri) ta' Parshvanath mill-perjodu tad-dinastija Rashtrakuta b'iskrizzjoni datata l-1234 W.K. Maġenb ix-xbieha ppreservata sew hemm tinqix ta' Dharaıendra u ta' Padmavati. L-iskrizzjoni ssemmi li s-sit jissejjaħ l-Għolja ta' Charana u huwa post sagru. Għadu jintuża attivament bħala sit tal-qima u b'hekk mhuwiex protett mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja. Biex wieħed jasal għat-tempju jrid jitla' sitt mitt tarġa. Is-sit huwa ġestit minn Gurukul Ġainista li jgħix fil-villaġġ fil-qrib.

Viżitaturi, profanazzjoni u ħsara

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
L-alla femminili Ambika bilqiegħda fuq iljun fl-Għar nru 34.

Matul is-sekli ta' wara t-tlestija tal-għerien kien hemm diversi rekords bil-miktub li jindikaw li dawn l-għerien kienu jżuruhom regolarment, b'mod partikolari għaliex kienet tinsab qrib rotta kummerċjali; pereżempju, huwa magħruf li l-Għerien ta' Ellora kienu frekwentati minn patrijiet Buddisti fis-sekli 9 u 10. Bi żball issir referenza għall-għerien minn resident tas-seklu 10 minn Bagdad Al-Mas‘udi bħala "Aladra", is-sit ta' tempju kbir, post ta' pellegrinaġġ Indjan b'eluf ta' ċelel fejn id-devoti setgħu jgħixu; fl-1352 W.K., ir-rekords ta' Ala-ud-Din Bahman Shah isemmu li kkampja fis-sit. Rekords oħra nkitbu minn Firishta, Thevenot (1633-1667), Niccolao Manucci (1653–1708), Charles Warre Malet (1794) u Seely (1824). Xi rakkonti jirrikonoxxu l-importanza tal-Għerien ta' Ellora iżda jagħmlu stqarrijiet mhux preċiżi rigward il-kostruzzjoni tagħhom; pereżempju, deskrizzjoni tal-għerien mill-vjaġġatur minn Venezja Niccolao Manucci, li kien kiteb l-istorja tal-Mugal li kienet intlaqgħet tajjeb fi Franza, kiteb li l-Għerien ta' Ellora "...kienu nbnew miċ-Ċiniżi tal-qedem" abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tax-xogħol tas-sengħa u abbażi ta' dak li kienu qalulu. L-Għerien ta' Ellora kienu sit magħruf sew fi żmien il-Mugal: l-imperatur Aurangzeb kien jieqaf jiekol hemmhekk mal-familja tiegħu, bħalma kienu jagħmlu Mugal nobbli oħra. Mustaid Khan, wieħed mill-membri tal-qorti ta' Aurangzeb, stqarr li n-nies kienu jżuru l-inħawi fl-istaġuni kollha iżda speċjalment matul l-istaġun tal-monsuni. Huwa semma wkoll "bosta tipi ta' xbihat b'għamliet qishom ħajji" mnaqqxa fuq is-soqfa u mal-ħitan, iżda nnota li l-monumenti nfushom kienu jinsabu fi stat ta' "telqa minkejja l-pedamenti b'saħħithom tagħhom".

Il-Lalitacaritra, test Marathi li jmur lura għall-aħħar tas-seklu 13 W.K., huwa l-ewwel rapport li jiddikjara li l-użu attiv tal-Għerien ta' Ellora ntemm fis-seklu 13. Ir-rekords tal-qorti Iżlamika kienu jindikaw li Deogiri, il-belt kapitali tad-dinastija Yadava madwar 10 kilometri mill-Għerien ta' Ellora, sfat taħt attakk sostnut matul dan il-perjodu u sussegwentement spiċċat f'idejn is-Sultanat ta' Delhi fl-1294 W.K. Skont José Pereira, hemm evidenza li x-xogħol tal-kostruzzjoni fl-għerien Ġainisti f'Ellora kien iffjorixxa taħt Singhana, li rrenja fid-dinastija Yadava bejn l-1200 u l-1247 W.K., u dawn l-għerien kienu jintużaw mill-viżitaturi u mill-fidili Ġainisti sas-seklu 13. Madankollu, l-attività reliġjuża Ġainista waqfet wara li r-reġjun spiċċa taħt it-tmexxija Iżlam fl-aħħar tas-seklu 13.

Ħsara tipika fiċ-ċentru tal-idoli qrib il-wiċċ, l-imnieħer, l-isdra u d-dirgħajn jew ir-riġlejn. Fuq ix-xellug: profanazzjoni tal-istatwi f'għar tal-Induiżmu. Fuq il-lemin: għar tal-Buddiżmu.

Il-monumenti Buddisti, Induisti u Ġainisti f'Ellora fihom ħsara sostanzjali, b'mod partikolari mal-idoli, filwaqt li t-tinqix mirqum mal-pilastri u tal-oġġetti naturali mal-ħitan għadu intatt. Il-profanazzjoni tal-idoli tmur lura għas-sekli 15 sa 17 meta dan ir-reġjun tal-peniżola ta' Dekkan kien soġġett għal ikonoklażma mill-armati Musulmani. Skont Geri Malandra, din id-devastazzjoni mill-Musulmani rriżultat mill-offiża perċepita mix-"xbihat antropomorfiċi grafiċi tas-santwarji Induisti u Buddisti". L-istoriċi Musulmani tal-perjodu tas-Sultanat Iżlamiku jsemmu l-Għerien ta' Ellora fid-deskrizzjonijiet tagħhom tal-ħsara mifruxa u tal-qerda fanatika ta' idoli u ta' opri tal-arti tar-reġjun, fejn kien magħruf li wħud mill-Musulmani ta' dan il-perjodu kienu mħassba rigward il-ħsara tal-wanton u "kkundannawha bħala tkasbir tas-sbuħija", skont Carl Ernst.

Iskrizzjonijiet ta' Ellora

Għerien Ta' Ellora: Etimoloġija, Pożizzjoni, Kronoloġija 
Tinqix mirqum mal-pilastri ta' Jagannatha Sabha.

Diversi iskrizzjonijiet fl-Għerien ta' Ellora jmorru lura għas-seklu 6 'il quddiem. L-iżjed waħda magħrufa hija iskrizzjoni ta' Rashtrakuta Dantidurga (għall-ħabta tas-753-757 W.K.) fuq il-ħajt ta' wara tal-mandapa ta' quddiem tal-Għar nru 15 li tiddikjara li kien offra t-talb tiegħu f'dak it-tempju. Jagannatha Sabha, l-Għar Ġainista nru 33, fih tliet iskrizzjonijiet bl-ismijiet ta' patrijiet u ta' donaturi, filwaqt li tempju ta' Parshvanath fuq l-għolja fih iskrizzjoni tal-1247 W.K. b'isem donatur minn Vardhanapura.

It-Tempju l-Kbir ta' Kailasa (l-Għar nru 16) huwa attribwit lil Krishna I (għall-ħabta tas-757–783 W.K.), is-suċċessur u z-ziju ta' Dantidurga. Iskrizzjoni fuq platt tar-ram li nstab f'Baroda, Gujarat, tiddikjara li kien hemm struttura kbira mibnija fuq għolja minn Krishnaraja f'Elapura (Ellora):

...wassal għall-kostruzzjoni ta' tempju fuq l-għolja f'Elapura, b'struttura tal-għaġeb, u malli anke l-aqwa immortali f'karrijiet ċelestjali jarawh, jibqgħu mistagħġba u jgħidu: "Dan it-tempju ta' Shiva huwa awtoeżistenti; l-ebda oġġett ieħor magħmul bl-arti ma fih daqstant sbuħija (...). L-arkitett u l-bennej tiegħu (...) baqa' mistagħġeb ukoll f'daqqa waħda u qal "O, kif irnexxieli nibnih!" — iskrizzjoni fuq platt tar-ram ta' Karkaraja II, 812 W.K.

Tinqix impitter u pitturi

Brahma fit-Tempju ta' Kailasha ta' Ellora, b'tiżjin impitter.
Xi tkaħħil u tpittir li għadu jeżisti fl-Għar nru 16.
Tpittir f'uħud mill-Għerien ta' Ellora.
L-Għar nru 32.

It-tinqix fl-Għerien ta' Ellora fl-imgħoddi kienu mpittrin bil-kuluri. Il-blat kien jiġi miksi bi tkaħħil tal-ġebla tal-ġir li mbagħad kien jitpitter bil-kulur. Ftit mit-tkaħħil u mit-tpittir ikkulurit għadu jeżisti f'uħud mill-għerien.

Kultura popolari

Ir-reġista tal-films u l-awtur Bengali famuż Satyajit Ray kiteb ir-rumanz kriminali u thriller Kailashey Kelenkari fl-1974, fejn jispikka l-ispettur fittizju Feluda. Fir-rumanz, Feluda jivvjaġġa lejn l-Għerien ta' Ellora u jiżvela grupp tal-kuntrabbandu u l-kummerċ illegali ta' artefatti storiċi mit-tempji Indjani, u jissemma wkoll l-ikbar għar ta' Ellora, it-Tempju ta' Kailasa. Iben Satyajit, Sandip Ray, adatta r-rumanz f'film bl-istess isem fl-2007.

Arti u letteratura

Il-Ktieb tat-Tpinġija ta' Fisher tal-1832 fih platt ta' "Grupp skeletali fir-Ramedwur, l-Għerien ta' Ellora", li suppost jirrappreżenta ż-żwieġ ta' Shiva u Parvati, ta' George Cattermole, inċiż minn W. Kelsall, akkumpanjat b'illustrazzjoni poetika ta' Letitia Elizabeth Landon b'parafrażi minn traduzzjoni mix-Shiva-Pooraun. Dan ġie mill-Għar nru 21.

Referenzi

Tags:

Għerien Ta' Ellora EtimoloġijaGħerien Ta' Ellora PożizzjoniGħerien Ta' Ellora KronoloġijaGħerien Ta' Ellora Sit ta Wirt DinjiGħerien Ta' Ellora Monumenti Induisti: Għerien nri 13-29Għerien Ta' Ellora Monumenti Buddisti: Għerien nri 1-12Għerien Ta' Ellora Għar ta VishvakarmaGħerien Ta' Ellora Monumenti Ġain: Għerien nri 30-34Għerien Ta' Ellora Viżitaturi, profanazzjoni u ħsaraGħerien Ta' Ellora Iskrizzjonijiet ta ElloraGħerien Ta' Ellora Tinqix impitter u pitturiGħerien Ta' Ellora Kultura popolariGħerien Ta' Ellora Arti u letteraturaGħerien Ta' Ellora ReferenziGħerien Ta' ElloraId-DinjaIndjaMonumentSit ta' Wirt DinjiSkulturaUNESCOWKĦinduiżmu

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

SingaporSistema SolariL-Ewwel Gwerra DinjijaPawlu XuerebRenju UnitFranzaNovialJemenMacroscelideaMużew tal-IżraelĠappunDgħajsa tal-latiniISO 3166-1Densità tal-popolazzjoniLinji ta' NazcaMadre Tereża ta' KalkuttaIndoneżjaStati UnitiIntelliġenza artifiċjaliIr-Rabat (Malta)San Ġiljan (lokalità)ĠeografijaTurkijaJum il-Ħelsien (Malta)Partit Nazzjonalista (Malta)ItaljaĦamrunSan PietruburguErbivoruPalazz tal-Gran MastruSan ĠużeppKolossewYouTubeH. G. WellsKattolika MaronitaLionel MessiDun Karm PsailaKwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2010 (UEFA) - Grupp 5Ipoġew ta' Ħal SaflieniJQueryGħonnellaLingwa SpanjolaArabja SawdijaMåneskinMedjuevuL-element semitiku fil-MaltiAlberobelloÉvoraTransnistrijaFilflaRishi SunakĊessKiribatiĦobż MaltiRiħ solariVilla ta' AdrijanuAlternattiva DemokratikaValletta FCĦal GħargħurRelazzjoni sesswaliVjetnamIżlamKantantTemi Zammit🡆 More