Castel Del Monte, Puglia: Kastell Medjevali f'Andria, Puglia, l-Italja

Castel del Monte (bit-Taljan litteralment tfisser Kastell tal-Għolja; bid-djalett ta' Bari: Castìdde du Monte) huwa ċittadella u kastell tas-seklu 13 li jinsab fuq għolja f'Andria fir-reġjun ta' Puglia fix-Xlokk tal-Italja.

Inbena fis-snin 40 tas-seklu 13 mir-re Federiku II, li kien wiret l-artijiet fejn jinsab mingħand ommu Costanza ta' Sqallija. Fis-seklu 18, l-irħam ta' ġewwa l-kastell u l-bqija tal-għamara tneħħew. Ma għandux ħandaq jew pont sad-daħla tiegħu li jogħla u jinżel; fil-fatt uħud isostnu li qatt ma kien maħsub bħala fortizza tad-difiża. Madankollu, minn xogħol arkeoloġiku li sar ġie suġġerit li oriġinarjament kellu ħajt diviżorju madwaru. Is-sit ġie deskritt mill-Enciclopedia Italiana bħala "l-iktar kastell tal-għaġeb li nbena minn Federiku II". Castel del Monte huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-monument jidher ukoll fuq in-naħa ta' wara tal-verżjoni Taljana taċ-ċenteżmu tal-ewro.

Castel Del Monte, Puglia: Pożizzjoni, Deskrizzjoni, Era moderna
Castel del Monte

Pożizzjoni

Castel Del Monte, Puglia: Pożizzjoni, Deskrizzjoni, Era moderna 
Il-pjanta ta' Castel del Monte

Castel del Monte jinsab fuq għolja żgħira qrib il-monasteru ta' Santa Marija tal-Għolja, f'altitudni ta' 540 metru. Meta l-kastell inbena, ir-reġjun kien magħruf għax kien għammiel, bi provvista kbira tal-ilma u tkattir tal-veġetazzjoni. Jinsab fil-komun ta' Andria fil-provinċja ta' Barletta-Andria-Trani, fis-sit ta' fortizza preċedenti li ma baqa' l-ebda fdal strutturali tiegħu.

Il-kostruzzjoni tal-kastell tissemma f'sors kontemporanju wieħed, dokument li jmur lura għall-1240, fejn jingħad li Federiku II ordna lill-gvernatur ta' Capitanata jlesti xi xogħlijiet fih. Il-kastell qatt ma tlesta u ma hemm l-ebda evidenza li użah bħala loġġa tal-kaċċa kif spiss jingħad. Iktar 'il quddiem ġie kkonvertit f'ħabs, intuża bħala rifuġju matul il-pesta, u finalment ġie mitluq. Oriġinarjament kellu ħitan u kolonni tal-irħam, iżda l-irħam tneħħa u nsteraq minn vandali jew reġa' ntuża fil-kostruzzjonijiet fil-qrib.

Deskrizzjoni

Castel Del Monte, Puglia: Pożizzjoni, Deskrizzjoni, Era moderna 
Castel del Monte mill-bitħa interna

Minħabba d-daqs relattivament żgħir tiegħu, fl-imgħoddi l-kastell kien jitqies li kien xejn iktar minn "loġġa tal-kaċċa", iżda l-istudjużi issa jemmnu li oriġinarjament kellu ħajt diviżorju qisu sur madwaru u kien iservi ta' ċittadella. Federiku kien responsabbli għall-kostruzzjoni ta' ħafna kastelli fir-reġjun ta' Puglia, iżda d-disinn ġeometriku ta' Castel del Monte kien uniku. Il-fortizza hija priżma ottagonali b'torri ottagonali f'kull rokna. It-torrijiet oriġinarjament kienu xi ħames metri ogħla minn issa, u x'aktarx li suppost kellhom jinkludu t-tielet sular. Iż-żewġ sulari eżistenti fihom tmien kmamar u bitħa interna bi tmien naħat fiċ-ċentru tal-kastell. Kull waħda mill-kmamar prinċipali għandha soqfa bil-volti. Tlieta mit-torrijiet fl-irkejjen fihom turġien. Il-kastell għandu żewġ daħliet, daħla diskreta tas-servizz u daħla prinċipali mżejna. Id-daħla prinċipali ta' Federiku kellha elementi mid-disinn klassiku, u jaf kienu influwenzati mill-interess ta' Federiku fl-arkitettura Griega-Rumana.

Il-pjanta ottagonali mhijiex tas-soltu fid-disinn tal-kastelli. L-istoriċi ddibattew l-iskop tal-binja u fl-imgħoddi ġie ssuġġerit li kienet maħsuba bħala loġġa tal-kaċċa. Teorija oħra ssostni li l-ottagonu huwa simbolu intermedju bejn kwadru (li jirrappreżenta d-Dinja) u ċirku (li jirrappreżenta s-sema). Federiku II seta' kien ġie ispirat li jibni l-kastell b'din l-għamla mill-Koppla tal-Blata f'Ġerusalemm, li kien ra matul is-Sitt Kruċjata, or mill-Kappella Palatina tal-Katidral ta' Aachen.

Wara li ntuża okkażjonalment bħala loġġa tal-kaċċa taħt Manfredo ta' Sqallija, il-kastell sar ħabs statali taħt Karlu I ta' Anjou: it-tfal ta' Manfredo, Enriku, Azzo u Enzo, inżammew hawnhekk bħala priġunieri wara l-1266, flimkien ma' sostenituri oħra tal-Hohenstaufen.

Il-ħajt prinċipali huwa għoli 25 metru u t-tmien bastjuni huma għoljin 26 metru kull wieħed. In-naħat tal-ottagonu prinċipali huma twal 16.5-il metru u t-torrijiet ottagonali huma twal 3.1 metri. Il-kastell għandu dijametru ta' 56 metru u d-daħla prinċipali tiegħu tħares lejn il-Lvant.

Era moderna

Castel Del Monte, Puglia: Pożizzjoni, Deskrizzjoni, Era moderna 
It-tieqa tal-kamra tat-tron

Fis-seklu 18, l-irħam tal-kastell u tiżjin ieħor insteraq. Membri tal-familja tal-Borboni ħadu l-kolonni u gwarniċi tat-twieqi tal-irħam u reġgħu użawhom fil-palazz tagħhom f'Caserta. Li fadal issa huma frammenti ta' kavallier u riljiev Ruman li ntuża mill-ġdid, filwaqt li fil-Gallerija Provinċjali ta' Bari hemm framment ta' ras u bust ta' persuna bla ras u bil-mant, li xi kultant jiġi interpretat bħala Federiku II. Wara li ġie abbandunat għal żmien konsiderevoli, il-kastell inxtara fl-1876 għas-somma ta' 25,000 lira Taljana mill-Istat Taljan, li beda l-proċess tar-restawr fl-1928.

Matul l-okkupazzjoni Alleata tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-15-il Forza Armata tal-Ajru tal-Istati Uniti kellha kwartieri ġenerali u stazzjon sigriet ta' għajnuna fin-navigazzjoni msejjaħ "Big Fence" f'Castel del Monte.

Fis-snin 50 tas-seklu 20, fil-ħamrija madwar il-kastell ġie skopert kompost aħmar jgħajjat prodott minn razza tal-batterju Streptomyces peucetius. Ix-xjenzati semmew il-mediċina magħmula b'dan il-batterju bħala dawnorubiċina, u żvilupp ulterjuri identifika kompost relatat imsejjaħ doksorubiċina li jintuża bħala aġent kemoterapewtiku fit-trattament tal-kanċer.

It-trama ċentrali tar-rumanz ta' Umberto Eco, L-Isem tal-Warda, hija msejsa madwar fortizza antika magħrufa bħala l-Aedificium. Din kważi ċertament kienet ispirata minn Castel del Monte. Il-kastell intuża wkoll fil-film Tale of Tales.

Fl-1996, Castel del Monte sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, li ddeskrivietu bħala "kapulavur uniku tal-arkitettura militari Medjevali".

Castel del Monte jidher fuq in-naħa ta' wara tal-verżjoni Taljana taċ-ċenteżmu tal-ewro.

Il-kastell, b'mod żbaljat, spiss ġie kkollegat mal-Kavallieri Templari u ġie meqjus bħala kostruzzjoni "misterjuża" anke minn storiċi notevoli. L-istoriku Taljan Raffaele Licinio sikwit ikkundanna dawk il-fehmiet u l-interpretazzjonijiet esoteriċi, u saħaq li Castel del Monte kien wieħed mill-kastelli ta' sistema ta' fortifikazzjonijiet żviluppati minn Federiku II, u bl-ebda mod mhu kkollegat mat-Templari.

Castel del Monte D.O.K.

Castel Del Monte, Puglia: Pożizzjoni, Deskrizzjoni, Era moderna 
Kapitell b'maskarun fit-tromba tat-taraġ

Madwar il-kastell, Andria hija reġjun tal-inbid Taljan ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Kontrollata (D.O.K.) ta' Castel del Monte li tipproduċi nbejjed ħomor, bojod u rożè.

Il-biċċa l-kbira tal-inbejjed jiġu prodotti minn taħlitiet ta' għenbiet iżda jistgħu jiġu prodotti wkoll inbejjed ta' varjetà partikolari diment li mill-inqas 90 % tal-inbid jiġi prodott mill-istess għenba.

L-inbejjed ħomor is-soltu jkunu taħlita ta' 65-100 % Uva di Troia, u sa 35 % Sangiovese, Montepulciano, Pinot noir u Aglianico. L-inbejjed rożè jinkludu 65-100 % Uva di Troia u/jew Bombino nero ma' varjetajiet oħra ta' għenbiet ħomor għall-bqija. L-inbejjed bojod huma magħmula l-iktar minn Pampanuto (65-100 %) ma' varjetajiet oħra lokali ta' għenbiet ta' inbid abjad għall-bqija.

L-għenbiet tal-inbejjed ħomor u rożè huma limitati għal rendiment fil-ħsad ta' 14-il tunnellata għal kull ettaru u jridu jipproduċu nbid b'minimu ta' livell tal-alkoħol ta' 12 % (11 % fil-każ tar-rożè). L-għenbiet tal-inbid abjad huma limitati għal rendiment fil-ħsad ta' 15-il tunnellata għal kull ettaru u jridu jipproduċu nbid b'minimu ta' livell tal-alkoħol ta' 11 %.

Sabiex l-inbid jiġi ttikkettat bħala Riserva, l-inbid irid jitħalla jimmatura għal mill-inqas sentejn u sena minnhom fi btieti tal-ballut/tal-injam u jrid ikollu minimu ta' livell tal-alkoħol ta' 12.5 %.

Sit ta' Wirt Dinji

Castel Del Monte, Puglia: Pożizzjoni, Deskrizzjoni, Era moderna 
Is-saqaf ta' wieħed mit-torrijiet minn ġewwa

Castel del Monte ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".

Referenzi

Tags:

Castel Del Monte, Puglia PożizzjoniCastel Del Monte, Puglia DeskrizzjoniCastel Del Monte, Puglia Era modernaCastel Del Monte, Puglia Castel del Monte D.O.K.Castel Del Monte, Puglia Sit ta Wirt DinjiCastel Del Monte, Puglia ReferenziCastel Del Monte, PugliaBariEwroItaljaLingwa TaljanaMonumentSit ta' Wirt DinjiSqallijaUNESCO

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

Korea t'IsfelRużar BriffaJemenFrarFenekŻewsRomantiċiżmuĠappunKċina MaltijaMalarjaMarokkTurkmenistanEwropa tal-LvantĦanżirAntartikaQattusVeneżwelaNovembruArtiMaldiviOlimpjaMariupolTallinnL-ewwel gwerra dinjijaPangolinAngkor WatBarack ObamaĠużè AquilinaJean Parisot de la ValetteSoċjoloġijaAwstrijaKristjaneżmu fil-MedjuevuBelarussjaPorfirio Barba-JacobMaurits Cornelis EscherAnnimalBitPartit Laburista (Malta)Lingwa GħarbijaJosè HerreraAston Villa FC2016FilosofijaSalamancaBudapestTrojjaĠesùCuraçaoLista ta' kodiċi telefoniċiGinea BissawMostaPlejjuSan BastjanBolzanoLingwa pollakkaPresident ta' MaltaJane AustenOtto von BismarckTestment il-ĠdidRigaMetodu xjentifikuEstonjaTuta tal-għollieqJannarStorja ta' MaltaVjetnamLiverpool FCBrażilMarsa FC🡆 More