Park Nazzjonali Ta' Garamba: Park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Il-Park Nazzjonali ta' Garamba (bil-Franċiż: Parc national de la Garamba) huwa park nazzjonali fil-Grigal tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo li jkopri erja ta' kważi 5,200 km2 (2,000 mil kwadru).

Huwa fost l-eqdem parks tal-Afrika u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980 bis-saħħa tal-protezzjoni tal-ħabitat kritiku tiegħu għar-rinoċeronti bojod tat-Tramuntana, għall-iljunfanti Afrikani, għall-ippopotami u għall-ġiraffi. Il-Park Nazzjonali ta' Garamba ilu jiġi ġestit mill-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani fi sħubija mal-Istitut tal-Kongo għall-Konservazzjoni tan-Natura mill-2005.

Park Nazzjonali Ta' Garamba: Ħarsa ġenerali, Storja, Sit ta Wirt Dinji
Veduta mill-ajru tal-Park Nazzjonali ta' Garamba.

Ħarsa ġenerali

Il-Park Nazzjonali ta' Garamba ġie stabbilit fl-1938 u jkopri erja ta' 4,900 km2 (1,900 mil kwadru) fil-Grigal tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Jikkonfina mar-Riżerva tal-Kaċċa ta' Gangala-na-Bodio fil-Punent, fin-Nofsinhar u fil-Lvant, u jikkonfina mas-Sudan t'Isfel fit-Tramuntana u fil-Grigal. Huwa parti miż-żona tas-savanna ta' bejn is-Sudan u l-Guinea. Huwa wieħed mill-eqdem parks u żoni protetti fl-Afrika. Jinsab fiż-żona ta' tranżizzjoni bejn żewġ ċentri ta' endemiżmu: is-savanna ta' bejn il-Guinea u l-Kongo u s-savanna ta' bejn il-Guinea u s-Sudan. Dawn iż-żewġ żoni bijoġeografiċi jsostnu varjetà ta' organiżmi selvaġġi, li esperjenzaw tnaqqis fil-popolazzjonijiet f'dawn l-aħħar deċennji minħabba l-insib. Ir-rangers tal-ICCN, megħjuna mis-suldati tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, jaħdmu biex jipproteġu l-Park Nazzjonali ta' Garamba min-nassaba u mill-gruppi ribelli.

Storja

Il-park nazzjonali ġie stabbilit fl-1938.

Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980, u ġie inkluż fil-lista tas-siti fil-periklu mill-1984 sal-1992. Bejn l-1991 u l-1993, 50,000 refuġjat Sudaniż insedjaw ruħhom kemm kemm 'il barra mill-Park Nazzjonali ta' Garamba wara li ġew spostati mill-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan, u dan wassal għal żieda fl-insib. Ġie rrapportat li kien hemm total ta' 121 kunflitt bejn in-nassaba u r-rangers tal-park bejn l-1993 u l-1995, u r-rangers irkupraw iktar minn 900 arma mill-1991 sal-1996. Il-Fondazzjoni Internazzjonali tar-Rinoċeronti pprovdiet il-finanzjament għall-vetturi tar-rondi fil-park fl-1994, u għas-salarji tar-rangers fl-1995. Fi Frar 1996, żewġ rinoċeronti — wieħed maskili, Bawesi, u Juliet, eżemplar femminili tqila — inqatlu. Il-Park Nazzjonali ta' Garamba reġa' tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu fl-1996 minħabba l-insib tar-rinoċeronti bojod tat-Tramuntana. Wara għadd ta' telfiet matul l-Ewwel Gwerra tal-Kongo u t-Tieni Gwerra Ċivili tas-Sudan, speċjalment l-Operazzjoni Thunderbolt (Sajjetta), l-insorġenti mill-Uganda tad-WNBF u tal-UNRF (II) sabu refuġju fil-Park Nazzjonali ta' Garamba fl-1997. Organizzazzjonijiet bħas-Soċjetà Żooloġika ta' Frankfurt, l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura, u l-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi ħadmu wkoll mal-awtoritajiet lokali sabiex il-park jiġi riabilitat.

L-isforzi tal-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani kontra l-insib jingħad li rnexxielhom inaqqsu l-imwiet tal-annimali. Skont il-BBC, il-ġestjoni tal-Park Nazzjonali ta' Garamba ġiet iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea u minn donaturi privati. Skont l-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani, kontributuri oħra kienu jinkludu l-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali, is-Servizz tal-Istati Uniti għall-Ħut u l-Organiżmi Selvaġġi, il-Fondazzjoni tal-Felini Selvaġġi, u l-Bank Dinji.

Mill-2005, iż-żona protetta titqies bħala Unità tal-Konservazzjoni tal-Iljuni flimkien ma' Domaine Chasse Bili Uere.

In-nassaba qatlu mill-inqas 21 ranger tal-park fl-aħħar għaxar snin, u t-tħassib rigward is-sigurtà wassal biex il-Park Nazzjonali ta' Garamba jdum biex jistabbilixxi ruħu bħala destinazzjoni turistika. L-Armata tar-Reżistenza tal-Mulej ta' Joseph Kony użat il-park bħala refuġju. Fl-2009, il-grupp tal-guerrilla attakka l-faċilità ta' Nagero tal-Park Nazzjonali ta' Garamba, u qatel mill-inqas tmien persuni, fosthom żewġ rangers tal-park, u darab tlettax-il persuna oħra. Ir-ribelli serqu wkoll l-ikel u l-fjuwil, u qerdu diversi binjiet tal-park. In-nassaba qatlu ħames rangers u tliet membri tal-Forzi Armati tal-Kongo fi tliet kunflitti fl-2015, u qatlu iktar nies f'Ottubru. F'April 2016, in-nassaba sparaw u qatlu tliet rangers tal-park, u darbu lil oħrajn (fosthom il-maniġer tal-Park Nazzjonali ta' Garamba ta' dak iż-żmien), u żewġ rangers tal-park inqatlu minn nassaba tal-iljunfanti f'April 2017. Skont il-ġurnalista fotografika Kate Brooks, li ġibdet xi filmati fil-Park Nazzjonali ta' Garamba għad-dokumentarju tagħha The Last Animals (L-Aħħar Annimali), tlettax-il ranger tal-park u persunal militari nqatlu huma u jiddefendu l-Park Nazzjonali ta' Garamba bejn Jannar 2015 u April 2017.

Fl-2017, in-National Geographic Documentary Films ħarġu The Protectors: Walk in the Rangers' Shoes, dokumentarju qasir tar-realtà virtwali tar-reġista Kathryn Bigelow dwar ir-rangers tal-park u l-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-organiżmi selvaġġi tal-Park Nazzjonali ta' Garamba. F'April 2017, il-Festival tal-Films ta' Tribeca ta l-premju magħruf bħala d-Disruptor Award f'ġieħ ir-rangers li nqatlu waqt li kienu qed jipproteġu l-park "għax-xogħol u għall-qlubija tagħhom fid-difiża tal-iljunfanti".

Sit ta' Wirt Dinji

Il-Park Nazzjonali ta' Garamba ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".

Flora u fawna

Il-bwar tal-ħaxix tas-savanna tal-park isostnu densità baxxa ta' akaċji. Uħud mill-ispeċijiet ta' ħaxix tal-Park Nazzjonali ta' Garamba jistgħu jikbru saħansitra sa għoli ta' 10 piedi (3.0 metri).

Il-Park Nazzjonali ta' Garamba jospita varjetà ta' speċijiet ta' mammiferi, inkluż diversi speċijiet ta' għażżiela, bufli, iljunfanti, jeni, ħnieżer selvaġġi ġganteski tal-foresti, ġiraffi, ippopotami u iljuni. Il-park fih l-unika popolazzjoni ta' ġiraffi li għad fadal fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-sottospeċi ta' Kordofan, u waħda mill-ikbar popolazzjoni ta' iljunfanti li għad fadal fil-pajjiż.

L-iljunfanti tal-Park Nazzjonali ta' Garamba jitqiesu bħala speċi ibrida tas-savanna Afrikana u sottospeċi tal-foresti Afrikani. L-insib ċekken il-popolazzjoni ta' iljunfanti fil-park f'dawn l-aħħar deċennji. Fl-2011 kien hemm madwar 2,800 iljunfant. Fl-2017, kien stmat li kien hemm inqas minn 2,000 iljunfant fil-Park Nazzjonali ta' Garamba, tnaqqis sinifikanti mill-madwar 20,000 iljunfant fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20. 22 iljunfant inqatlu fl-2012, u fl-2014 in-nassaba qatlu 68 iljunfant tal-park fi żmien xahrejn.

Id-daqsijiet tal-popolazzjoni tal-ġiraffi varjaw, iżda wrew tnaqqis ġenerali fis-snin 90 tas-seklu 20 u fl-ewwel deċennji tas-seklu 21. Skont Mongabay, l-ogħla popolazzjoni kienet ta' 300 ġiraffa fl-1976, u fl-2008 ġew irrapportati iktar minn 100. Il-gazzetta The Times sostniet li kien hemm 356 ġiraffa fl-1993, u 86 ġiraffa biss sal-2007. The Christian Science Monitor sostniet li kien hemm 86 ġiraffa fl-2003 u 38 ġiraffa biss fl-2016. Fl-2022 kien hem 71 ġiraffa. Fl-2024, l-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani rrapportat li kien hemm iktar minn 80 ġiraffa ta' Kordofan. L-insib huwa l-ikbar theddida għall-popolazzjoni tal-ġiraffi tal-Park Nazzjonali ta' Garamba.

Fl-imgħoddi l-park kellu l-aħħar popolazzjoni ta' rinoċeronti bojod tat-Tramuntana li kienu jgħixu fis-selvaġġ. F'nofs is-snin 80 tas-seklu 20 ġew irrapportati ħmistax biss fil-park, u dan wassal biex il-Park Nazzjonali ta' Garamba jitniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu mill-UNESCO. Fl-2003-2004, ġie rrapportat li kien hemm bejn 20 u 25 rinoċeront abjad fil-park. Fl-2023, sforzi ta' introduzzjoni mill-ġdid tal-annimal wasslu biex 16-il rinoċeront abjad jiġu ttrasferiti minn riżerva privata tal-Amerka t'Isfel għall-park.

Fil-park ġew irreġistrati 138 speċi ta' mammiferi u 286 speċi ta' għasafar, inkluż is-Sagittarius serpentarius.

L-interazzjonijiet bejn il-bnedmin u l-annimali selvaġġi fil-park u fil-madwar tiegħu rriżultaw f'kunflitt bejniethom. In-nassaba lokali u tas-Sudan t'Isfel jikkaċċjaw l-iljunfanti, spiss għall-avorju tagħhom. L-organiżmi selvaġġi tal-Park Nazzjonali ta' Garamba ġew affettwati wkoll minn gruppi bħall-Huda u l-Wodaabe (jew "Mbororo") li riedu jirgħu l-annimali ddomestikati tagħhom.

Referenzi

Tags:

Park Nazzjonali Ta' Garamba Ħarsa ġeneraliPark Nazzjonali Ta' Garamba StorjaPark Nazzjonali Ta' Garamba Sit ta Wirt DinjiPark Nazzjonali Ta' Garamba Flora u fawnaPark Nazzjonali Ta' Garamba ReferenziPark Nazzjonali Ta' GarambaAfrikaIljunfantLingwa FranċiżaRepubblika Demokratika tal-KongoSit ta' Wirt DinjiUNESCO

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

KjotoOwen HargreavesLista ta' Siti ta' Wirt Dinji fit-Tramuntana tal-Asja u fl-Asja ĊentraliMahatma GandhiLingwi SlaviSherbrookeSan Pawl il-BaħarJum il-Ħelsien (Malta)Storja tal-lingwa MaltijaRadju fir-Renju UnitSteve Borg (mużiċist)EkwadorRuġġieru I ta' SqallijaUTC+1Dun Mikiel XerriŻebbuġSan Lawrenz (Għawdex)OċeanjaAlberobelloReliġjon f'MaltaSannatEġittuSnajja MaltinGalwayMarco UreñaLibanuJuan Antonio VillacañasWikiDe factoThylamyiniPapa Ġwanni Pawlu IILingwa IrlandiżaBotswana2007DizzjunarjuUEFA Europa LeagueKappellaĦaġar QimMediaWikiTempji Megalitiċi ta' Malta u GħawdexBaskitbol2015GħarbNadurKarmelitaniLogħob folkloristiku MaltiÇatalhöyükL-Innu MaltiXjenzi soċjaliJannarKimikaMetro ta' AteniAprilBirguBorobudurSandra MondainiSettembru🡆 More