Mattia Preti (Taverna, 24 ta' Frar 1613 – Valletta, 3 ta' Jannar 1699) kien pittur Taljan tal-istil Barokk li ħadem l-Italja u Malta.
Mattia Preti | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Taverna (en) , 24 Frar 1613 |
Nazzjonalità | Italja |
Mewt | Valletta, 3 Jannar 1699 |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Taljan |
Studenti | |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | pittur artist grafiku ospitaljier |
Xogħlijiet importanti | Q3224346 Aeneas, Anchises and Ascanius Fleeing Troy (en) Return of the Prodigal Son (en) |
Influwenzat minn | Michelangelo Merisi da Caravaggio |
Sħubija | Ordni tal-Kavallieri Ospitalieri ta' San Ġwann |
Moviment | Barokk |
Preti, li twieled fil-belt żgħira ta' Taverna f'Calabria, kultant jissejjaħ Il Cavalier Calabrese (il-Kavalier Kalabriż) billi meta kien Ruma nħatar Kavallier mill-Papa Urbanu VIII. Jaħsbu li l-ewwel taħriġ tiegħu kien mal-"Caravaggist" Giovanni Battista Caracciolo u dan jista' jispjega l-interess li kellu matul ħajtu kollha fl-istil ta' Caravaggio.
X'aktarx qabel 1630, Preti mar Ruma fejn diġà kien hemm ħuh Gregorio li kien pittur ukoll. Hemmhekk trawwem fit-tekniki ta' Caravaggio u tal-iskola tiegħu u studja wkoll ix-xogħol ta' Guercino, Rubens, Reni u Giovanni Lanfranco. Ruma, pinġa sensiela ta' affreski f'Sant'Andrea della Valle u oħra f'San Carlo ai Catinari. Bejn l-1644 u l-1646, seta' qatta' xi żmien Venezja, imma baqa' bbażat Ruma sal-1653 u mar lura hemm fl-1660-61. Pinġa affreski għall-knisja ta' San Biago f'Modena (madwar l-1651–2) u ħa sehem fid-dekorazzjoni bl-affreski ta' Palazzo Pamphilj f'Valmontone (dokumentat 1660-61), fejn ħadem flimkien ma' Pier Francesco Mola, Gaspar Dughet, Francesco Cozza, Giovanni Battista Tassi (il Cortonese), u Guglielmo Cortese.
Matul il-parti l-kbira ta' snin bejn l-1653 u l-1660, ħadem Napli, fejn kien influwenzat mill-pittur il-kbir l-ieħor Naplitan tal-perjodu, Luca Giordano. Wieħed mill-kapulavuri ta' Preti kienet sensiela ta' affreski kbar bħala ringrazzjament għall-ħelsien mill-pesta li pinġa fuq is-seba' bibien tal-belt. Dawn juru l-Madonna jew qaddisin jeħilsu n-nies mill-pesta. Biż-żmien dawn inqerdu kollha ħlief dak fuq il-Bieb ta' San Ġennaru li juri 'l San Ġennaru, Santa Rożalja u San Franġisk Saveriju. Hemm ukoll żewġ abbozzi fil-mużew ta' Capodimonte, Napli. Wieħed mill-abbozzi juri l-Madonna bil-Bambin tħares fuq in-nies imutu bil-pesta u d-dfin tagħhom, qisu "Ġudizzju Universali" presedut minn mara. Is-salarju ta' Preti għal dan ix-xogħol kien ta' 1500 dukat. Preti ħa ordni wkoll biex jieħu ħsieb il-bini, l-iskultura u induratura tan-navi u l-kappelluni tal-knisja ta' San Pietro a Maiella.
Preti żar Malta fl-1659 wara li kien inħatar Kavallier tal-Grazzja tal-Ordni ta' San Ġwann u għadda l-parti l-kbira tal-bqija ta' ħajtu hemm. Fil-belt Valletta żejjen is-saqaf tal-Knisja Konventwali tal-Kavallieri b'sensiela ta' pitturi kbar li juru l-ħajja u l-martirju ta' San Ġwann Battista (1661–1666). F'Malta nsibu ħafna pitturi ta' Preti f'kollezzjonijiet privati u fil-knejjes parokkjali u kappelli. Il-fama tiegħu kibret u kellu ordnijiet mill-Ewropa kollha. Skont l-istoriku tal-arti Antonio Sergi, Mattia Preti Malta pinġa madwar 400 pittura.
Preti kellu x-xorti li għex ħajja twila u pproduċa għadd kbir ta' xogħlijiet. Il-pitturi tiegħu, rappeżentanti tal-istil eżuberanti tal-Barokk tard, insibuhom f'ħafna mużewijiet ewlenin. Fost il-kollezzjonijiet importanti hemm dawk ta' Napli, tal-belt Valletta u ta' Taverna, belt twelidu.
Wiki Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Mattia Preti |
This article uses material from the Wikipedia Malti article Mattia Preti, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.