Koutammakou, l-Art tal-Batammariba (bil-Franċiż: Koutammakou, le pays des Batammariba) huwa pajsaġġ kulturali li fl-2004 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-fruntiera bejn it-Tramuntana tat-Togo u l-Benin.
L-inħawi jinkludu wkoll torrijiet-djar tradizzjonali tat-tajn li għadhom l-iżjed stil preferut ta' għajxien. Id-djar tradizzjonali tat-tajn huma magħrufa bħala simbolu nazzjonali tat-Togo. Ħafna mid-djar tat-tajn għandhom żewġ sulari u wħud minnhom għandhom bejt ċatt.
Fl-2008, sabiex jikkompleta t-tħejjija tas-sit biex jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, id-Dipartiment tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO, immexxi minn Rieks Smeets, stabilixxa s-"Salvagwardja tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Batammariba" mill-Konvenzjoni tal-2003. L-għan kien li tiġi promossa s-sostenibbiltà fit-trażmissjoni interġenerazzjonali u l-preservazzjoni tal-ħiliet u tal-għarfien fl-oqsma essenzjali kollha tal-kultura tagħhom, fosthom: il-manifattura ta' oġġetti ċerimonjali u ta' kuljum, l-użu ta' pjanti utli għall-fejqan, il-kostruzzjoni tat-takyentas, iż-żfin, il-mużika, l-arċerija, it-tradizzjonijiet bil-fomm, il-promozzjoni ta' turiżmu li jirrispetta t-tradizzjonijiet lokali, l-immappjar taż-żoni sagri, l-akkumulazzjoni tad-data dwar il-wirt kulturali intanġibbli u l-ħolqien tal-aċċess għalih, ir-reġistrazzjonijiet, il-filmati u r-ritratti, eċċ. Inġenerali, it-tagħlim tad-ditammari, il-lingwa tal-Batammariba fl-iskejjel primarji u fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ fil-wirt kulturali intanġibbli (id-distribuzzjoni tal-kotba akkademiċi).
Dan il-programm ġie kkoordinat mill-Ministeru għall-Kultura u mill-Ministeru għall-Edukazzjoni Primarja tat-Togo, immexxija mill-Ministru Angèle Dola Akofa Aguigah. Dominique Sewane, bir-riċerka, bl-istudju u bil-pubblikazzjonijiet tagħha dwar il-ħajja ċerimonjali tal-poplu Batammariba, kellha rwol importanti fid-deżinjazzjoni tas-sit min-naħa tal-UNESCO.
Mid-19 sal-24 ta' Ottubru 2018, l-UNESCO organizzat missjoni ta' emerġenza biex tivvaluta l-ħsara li allegatament ġiet ikkawżata mix-xita li niżlet f'Awwissu 2018 f'Koutammakou fuq il-ħabitat u l-wirt intanġibbli tas-sit. Ir-rapport tħejja minn tliet esperti internazzjonali: Ishanlosen Odiaua, Dominique Sewane u Franck Ogou.
Il-popli Tammari, li abitaw f'Koutammakou, għexu f'dan is-sit għal mijiet ta' snin. Huma wettqu migrazzjoni lejn iż-żona għall-ħabta tas-seklu 17 jew 18.
Koutammakou tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004, u ż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet estiża fl-2023.
Id-djar tradizzjonali ta' Koutammakou huma magħrufa bħala Siken u huma s-simbolu nazzjonali uffiċjali tat-Togo. Huma jirriflettu t-twemmin animistiku uniku u t-tradizzjonijiet uniċi tal-komunità.
Koutammakou, l-Art tal-Batammariba, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".
This article uses material from the Wikipedia Malti article Koutammakou, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.