Erwin Rudolf Josef Alexander Schrödinger (twieled fi-12 ta' Awwissu 1887 – miet fl-4 ta' Jannar 1961) kien fiżiku Awstrijak-Irlandiż li sar famuż għall-kontribuzzjoni tiegħu għall-mekkanika kwantistika, l-iktar għall-ekwazzjoni ta' Schrödinger, li għaliha ngħata l-Premju Nobel fl-1933.
Fl-1935, wara ħafna korrispondenza mal-ħabib personali Albert Einstein, ippropona l-esperiment bil-ħsieb tal-qattus ta' Schrödinger.
Erwin Schrödinger | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Erwin Rudolf Josef Alexander Schrödinger |
Twelid | Vjenna, 12 Awwissu 1887 |
Nazzjonalità | Awstrija Ġermanja Awstrija-Ungerija Ġermanja Nazista |
Residenza | Dublin Dublin Vjenna |
Mewt | Vjenna, 4 Jannar 1961 |
Post tad-dfin | Alpbach (en) |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (tuberkulożi) |
Familja | |
Missier | Rudolf Schrödinger |
Konjuga/i | Annemarie Schrödinger (en) |
Ulied | |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Oxford Università ta' Vjenna Akademisches Gymnasium (en) |
Direttur tat-teżi | Friedrich Hasenöhrl Franz-Serafin Exner |
Studenti dottorali | Franz Zeilinger |
Lingwi | Ġermaniż |
Għalliema | Friedrich Hasenöhrl |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | fiżiku fiżiku teoretiku akkademiku professur kittieb ta' saġġistika matematiku |
Parteċipant | |
Impjegaturi | Università ta' Vjenna Università ta' Wroclaw Università Humboldt ta’ Berlin Università ta' Oxford Università ta' Gent Università Friedrich-Wilhelms Università ta' Zurich Università ta' Graz Università ta' Stuttgart Università ta' Jena Dublin Institute for Advanced Studies (en) |
Xogħlijiet importanti | ekwazzjoni ta' Schrödinger Il-Qattus ta' Schrödinger |
Premjijiet | List
|
Nominat għal | uri
|
Sħubija | Soċjetà Rjali Academy of Sciences of the GDR (en) Akkademja Bavarjana tax-Xjenzi Akkademja tax-Xjenzi tal-URSS Akkademja Papali tax-Xjenzi Austrian Academy of Sciences (en) Akkademja Amerikana tal-Arti u tax-Xjenzi Akkademja Russa tax-Xjenzi Akkademja tax-Xjenzi Prussjana Accademia Nazionale delle Scienze detta dei XL |
Schrödinger twieled Erdberg, Vjenna. Missieru kien Rudolf Schrödinger (produttur ta' l-inċirata, botaniku) u ommu Georgine Emilia Brenda (bint Alexander Bauer, Professur tal-Kimika fit-Technische Hochschule Vienna). Rudolf Schrödinger kien kattoliku u l-mara tiegħu Luterana. Fl-1898 Schrödinger attenda l-Akademisches Gymnasium. Bejn l-1906 u l-1910 studja Vjenna taħt Franz Serafin Exner (1849 - 1926) u Friedrich Hasenöhrl (1874 - 1915). Għamel ukoll xogħol esperimentali ma' Friedrich Kohlrausch. Fl-1911, Schrödinger sar assistent ma' Exner.
Fl-1914 Erwin Schrödinger kiseb l-Habilitation (venia legendi). Bejn l-1914 u l-1918 ħa parti f'xogħol militari fl-artillerija Awstrijaka (Gorizia, Duino, Sistiana, Prosecco, Vjenna). Fis-6 ta' April, 1920, Schrödinger iżżewweġ 'l Annemarie Bertel. L-istess sena sar assistent ma' Max Wien f'Jena, u f'Settembru ta' l-1920 laħaq Ausserordentlicher Professor, f'Stuttgart. Fl-1921, sar Ordentlicher Professor f'Breslau (issa Wrocław, il-Polanja).
Fl-1922, mar l-Università ta' Zurich. F'Jannar ta' l-1926, Schrödinger ippublika fl-Annalen der Physik l-artiklu "Quantisierung als Eigenwertproblem" [tr. Kwantizzazzjoni bħala problema bl-awtovaluri] fuq il-mekkanika tal-mewġ u dik li nsibuha llum bħala l-ekwazzjoni ta' Schrödinger. F'dan l-artiklu ta "derivazzjoni" ta' l-ekwazzjoni tal-mewġ għal sistemi bla dependenza temporali u wera li tagħti l-awtovaluri ta' l-eneġija korretti għal atomi bħal ta' l-idroġenu. Dan l-artiklu hu meqjus universalment bħala wieħed mis-suċċessi l-iżjed importanti tas-seklu għoxrin u ħoloq rivoluzzjoni fil-mekkanika kwantistika, u fil-fatti fl-oqsma sħaħ tal-fiżika u l-kimika. F'artiklu ieħor erba' gimgħat biss wara solva l-problemi ta' l-ossillatur armoniku, r-rotur riġidu u l-molekula diatomika u ta derivazzjoni ġdida ta' l-ekwazzjoni ta' Schrödinger. Fit-tielet artiklu wera l-ekwivalenza bejn l-approċċ tiegħu u ta' Heisenberg u ttratta l-effett Stark. Fir-raba' artiklu ta' din is-sensiela straordinarja, wera kif għandna nittrattaw problemi fejn is-sistema jinbidel mal-ħin, bħal fil-problemi ta' scattering jew diffużjoni. Dawn l-artikli kienu s-suċċess ċentrali tal-karriera tiegħu u l-komunità tal-fiżiċi mill-ewwel għarfu li kienu ta' sinjifikanza kbira.
Fl-1927, mar jaħdem ma' Max Planck fl-Università Friedrich Wilhelm f'Berlin. Imma fl-1933, Schrödinger iddeċieda li jħalli l-Ġermanja għax ma settgħax jissaporti l-antisemitiżmu tan-Nazi. Mar l-Ingilterra u sar Fellow ta' Magdalen College fl-Università ta' Oxford. Ftit wara, flimkien ma' Paul Dirac ingħata l-Premju Nobel. F'Oxford Schrödinger kellu ħafna probemi mħabba l-istil tal-ħajja personali (kien jgħix ma' żewġ nisa) u ried jitlaq. Fl-1934, Schrödinger ta konferenza fl-Università ta' Princeton u offrewlu pożizzjoni permanenti hemm, imma ma aċċettax. Hawnhekk ukoll ried jgħix mal-mara u l-maħbuba tiegħu u din kienet problema. Kien hemm possibbiltà ta' pożizzjoni fl-Università ta' Edimburgu imma l-viża ttardjat u spiċċa biex jieħu pożizzjoni fl-Università ta' Graz fl-Awstrija fl-1936.
Fl-1938, wara li Hitler okkupa l-Awstrija, Schrödinger kellu ħafna problemi għax kienu jafu bit-tluq tiegħu mill-Ġermanja fl-1933 u bl-oppożizzjoni għan-Naziżmu. Ħareġ stqarrija fejn skuża ruħu għall-oppożizzjoni tiegħu (aktar tard ddispjaċieh li kien għamel hekk, u appoloġizza personalment ma' Albert Einstein). Imma xorta ma ssodisfax l-amministrazzjoni l-ġdida u tkeċċa mill-impieg tiegħu fl-università għax ma kienx ta' min joqgħod fuqu politikament. Għalhekk tawh ħafna fastidju u kien ordnat li ma jitlaqx il-pajjiż, imma hu u l-mara ħarbu għall-Italja. Minn hemm ħa pożizzjonijiet temporanji Oxford u Gand.
Fl-1940 kien mistieden iwwaqqaf l-Istitut għall-iStudji Avvanzati f'Dublin, l-Irlanda. Sar Direttur ta' l-iSkola tal-Fiżika Teorika u baqa' hemm għal 17-il sena li matulhom ħa ċ-ċittadinanza Irlandiża. Kiteb 50 artiklu ieħor fuq bosta temi, fosthom l-investigazzjoni ta' t-teorija tal-kampi unifikata.
Fl-1944, ħareġ il-ktieb What is Life? ("Xinhi l-Ħajja?"), fejn insibu diskussjoni fuq in-Negentropija u l-kunċett ta' molekula komplessa b'kodiċi ġenetika għall-organiżmi ħajjin. Skont il-memoir ta' James D. Watson, DNA, The Secret of Life, ("DNA, Is-Sigriet tal-Ħajja") il-ktieb ta' Schrödinger ispirah biex jibda r-riċerka tal-ġeni, li wasslitu għall-iskoperta tal-elika doppja tad-DNA (aċtu deossiribronuklejiku). B'mod simili, Francis Crick, fil-ktieb awtobijografiku tiegħu What Mad Pursuit (“X'Riċerka tal-Ġenn”) , jiddeskrivi kif kien influwenzat mill-ispekulazzjoni ta' Schrödinger fuq kif jista' jkun li l-informazzjoni ġenetika tista' tinħażen fil-molekuli. Schrödinger baqa' Dublin sa meta rtira fl-1955. Matul dan iż-żmien bħas-soltu baqa' jinvolvi ruħu fl-iskandli u kellu żewġt-itfal minn żewġ nisa Irlandiżi differenti. Matul ħajtu kellu interess fil-filosofija Vedana ta' l-Induiżmu, li influwenzat l-ipoteżi fl-aħħar ta' What is Life? fuq il-possibbiltà li l-konxju ta' l-individwu hu biss manifestazzjoni ta' konxju unitarju li jippervadi l-univers.
Fl-1956, mar lura Vjenna (katedra ad personam). F'taħdita importanti fil-Konferenza Mondjali ta' l-Enerġija, irrifjuta li jitkellem fuq l-enerġija nukleari għax ma tantx kien jemmen fiha u minflok ta taħdita filosofika. Matul dan il-perijodu inqata' mid-definizzjoni konvenzjonali tal-mekkanika kwantistika tad-dwalità mewġa-partiċella u appoġġa l-idea ta' mewġa biss u qajjem polemika kbira.
Schrödinger fl-1933 iddeċieda li ma setax jgħix f'pajjiż fejn il-persekuzzjoni tal-Lhud kienet politika uffiċjali. Alexander Frederick Lindemann, il-kap tal-fiżika fl-Università ta' Oxford, żar il-Ġermanja fir-rebbiegħa ta' l-1933 biex jipprova jsieb impieg l-Ingilterra għal xjenzati żagħżagħ Lhud mill-Ġermanja. Kellem 'l Schrödinger fuq xi postijiet għal wieħed mill-assistenti tiegħu u skanta meta sab li Schrödinger stess kien interessat li jitlaq mill-Ġermanja. Schrödinger talab li l-kollega tiegħu, Arthur March, jimpjegawh bħala assistent tiegħu.
Din it-talba għal March kienet ġejja mir-relazzjonijiet komplikati li Schrödinger kellu man-nisa. Ir-relazzjonijiet tiegħu ma' martu qatt ma kienu tajbin wisq u kellu ħafna maħbubin li l-mara kienet taf bihom. Anny ukoll kellha maħbub għal ħafna snin, il-ħabib ta' Schrödinger Hermann Weyl. Schrödinger ried 'il March bħala assistent għax dak iż-żmien kien qiegħed jinnamra ma' Hilde, il-mara ta' March.
Ħafna mix-xjenzjati li kienu telqu mill-Ġermanja qattghu is-sajf ta' l-1933 fl-Alto Adige/Südtirol. Hawn Hilde saret tqila minn Schrödinger. Fl-4 ta' Novembru ta' l-1933 Schrödinger, martu u Hilde March waslu Oxford. Schrödinger kien inħatar fellow ta' Magdalen College. Ftit wara li waslu Oxford, Schrödinger sema' li għax-xogħol tiegħu fuq il-mekkanika tal-mewġ, kien ħa jingħata l-premju Nobel.
Fir-rebbiegħa ta' l-1934 Schrödinger stiednuh biex jagħti konferenza fl-Università ta' Princeton University u waqt iż-żjara offrewlu pożizzjoni permanenti hemmhekk. Meta mar lura Oxford beda jinnegozja ma' Princeton fuq is-salarju u l-pensjoni imma fl-aħħar ma aċċettax. Jaħsbu li x-xewqa tiegħu li jgħix Princeton ma' Amy u Hilde, it-tnejn irrabbu t-tarbija flimkien ma tantx intgħoġbot. Il-fatt li Schrödinger kellu żewġ nisa bil-beraħ, anki jekk waħda kienet miżżewġa 'l raġel ieħor, ma ntgħoġobx Oxford lanqas. Ma dan kollu it-tifla tiegħu Ruth Georgie Erica twieldet hemm fit-30 ta' Mejju ta' l-1934.
Fl-4 ta' Jannar ta' l-1961, Schrödinger miet Vjenna bit-tuberkulożi fl-età ta' 73 sena u ndifen Alpbach, fl-Awstrija.
L-Unjoni Astronomika Internazzjonali semmiet il-kratere enormi fin-naħa ta' lil hemm tal-Qamar għal Schrödinger. L-Istitut Internazzjonali għal Fiżika Matematika Erwin Schrödinger twaqqaf Vjenna fl-1993. Hemm imsemmija għalih ukoll l-asterojde 13092 Schrödinger.
Wiki Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Erwin Schrödinger |
This article uses material from the Wikipedia Malti article Erwin Schrödinger, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.