L-Akkademja tal-Malti hija għaqda li taħdem favur it-tixrid tal-lingwa Maltija.
Din twaqqfet fl-14 ta' Novembru, 1920, bħala L-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti.
L-ewwel ħsieb tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti kien li jintagħżel alfabett li jkun imħaddem mill-kittieba kollha tal-Malti. L-alfabett ġie stabbilit b'mod finali fit-18 ta' Diċembru, 1921.
Inħasset ukoll il-ħtieġa li barra alfabett ikun hemm manwal tal-ortografija tal-Malti. Dan il-manwal deher fl-1924, u kien jismu Tagħrif fuq il-Kitba Maltija. Kien ktieb li fl-ewwel taqsima kellu regoli tal-ortografija u fit-tieni taqsima grammatika qasira li tiswa wkoll biex wieħed jifhem u jħaddem tajjeb ir-regoli tal-ortografija. It-Tagħrif inħadem minn Ninu Cremona. Kien stampat mill-Gvern fl-istamperija tiegħu, u kien meqjus bħala l-manwal uffiċjali tal-ortografija tal-Malti mill-membri tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u dawk li jaqblu magħhom.
Fl-1934, l-ortografija tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti saret l-ortografija uffiċjali tal-Gvern u, bil-mod il-mod, ħafna kittieba bdew jimxu fuqha.
Wara l-1934 l-ortografija mgħallma fl-iskejjel kienet dik tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, iżda billi t-Tagħrif qatt ma reġa' ġie stampat, il-manwali l-aktar komuni kienu ż-żewg grammatiki ta' Cremona, waħda qasira għall-klassijiet iż-żgħar, u l-oħra itwal għall-klassijiet il-kbar.
Fl-1984 inħasset il-ħtieġa li l-Akkademja tal-Malti tagħti xi regoli dwar kliem ta' nisel Rumanz jew Ingliż li dwaru kważi xejn ma kien hemm fit-Tagħrif. B'hekk ħarġet iż-Żieda mat-Tagħrif. Imbagħad fl-1992 l-Akkademja ħarġet l-Aġġornament tat-Tagħrif.
Kemm iż-Żieda kif ukoll l-Aġġornament kienu dokumenti qosra. It-tnejn kisbu l-approvazzjoni tal-gvern taż-żmien li fih ħarġu, iżda mhux dejjem waslu f'idejn dawk kollha li jiktbu bil-Malti.
Minħabba f'hekk, u billi t-Tagħrif qatt ma kien stampat mill-ġdid, l-Akkademja ħasbet li tiġbor ir-regoli kollha tal-kitba li jinsabu fit-tliet dokumenti li semmejna fi ktieb wieħed għall-kumdità ta' kulħadd. Għalhekk, fl-1998, ħarġet din il-ġabra f'forma ta' ktejjeb.
This article uses material from the Wikipedia Malti article Akkademja tal-Malti, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.