Ħsad Tal-Perli Fil-Bahrain: Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Bahrain

Il-Ħsad tal-Perli fil-Bahrain huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Bahrain li tniżżel fit-30 ta' Ġunju 2012.

Jikkonsisti minn tliet żoni tar-riproduzzjoni tal-gajdri fl-ilmijiet tat-Tramuntana tal-Bahrain, segment tal-kosta u x-xatt tal-baħar tal-forti ta' Bu Mahir fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Gżira ta' Muharraq, u 17-il binja fis-sezzjoni storika ta' Muharraq ikkollegata minn mogħdija ta' 3.5 kilometri għall-viżitaturi.

Ħsad Tal-Perli Fil-Bahrain: Sfond, Attrazzjonijiet, Importanza storika
Dar Isa Bin Ali.

Għalkemm it-titlu uffiċjali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa "il-Ħsad tal-Perli fil-Bahrain, Xhieda tal-Ekonomija ta' Gżira", kif ikkonfermat mill-Awtorità tal-Bahrain għall-Kultura u l-Antikitajiet, il-mezzi tax-xandir internazzjonali ġieli jirreferu għas-sit bħala l-"Mogħdija tal-Ħsad tal-Perli".

Sfond

Is-sit jinsab fil-gżira ta' Muharraq, qrib il-belt kapitali tal-Bahrain, Manama. Għandu erja ta' 330,000 metru kwadru, li jinkludu żoni tar-riproduzzjoni tal-gajdri u binjiet marbuta mal-industrija tal-ħsad tal-perli tas-seklu 19.

Fl-2013, l-Awtorità tal-Bahrain għall-Kultura u l-Antikitajiet ħabirket biex tippreserva u terġa' tagħti ħajja lil din iż-żona storika, b'enfasi fuq l-importanza soċjali u ekonomika tagħha, speċjalment b'rabta mal-kummerċ storiku tal-perli. Apparti l-preservazzjoni u r-restawr tal-istrutturi storiċi, il-proġett ta' riġenerazzjoni urbana kellu l-għan li jiżgura li kwalunkwe kostruzzjoni ġdida fl-inħawi tkun sensittiva għall-konservazzjoni tal-wirt storiku u għall-ippjanar spazjali pubbliku kontemporanju.

Il-proġett ta' rivitalizzazzjoni kien jinkludi proġetti ta' konservazzjoni, binjiet ġodda, u pjanijiet għal spazji pubbliċi, flimkien ma' mandati soċjali u ekonomiċi. Bħala parti mill-proġett, l-Awtorità tal-Bahrain għall-Kultura u l-Antikitajiet tieħu ħsieb iż-żamma tal-ispazji pubbliċi, tat-toroq, tal-parkeġġi tal-karozzi, u tal-faċċati tal-belt, filwaqt li terġa' tintroduċi programmi kontemporanji.

Attrazzjonijiet

Min iżur dan is-sit jista' jsegwi mogħdija għall-viżitaturi estiża fuq 3.5 kilometri mix-xatt tal-baħar tal-forti ta' Bu Mahir sal-kumpless ta' Siyadi fil-qalba ta' Muharraq. Din il-mogħdija tinkludi diversi binjiet li kienu involuti fl-ekonomija tal-ħsad tal-perli, speċjalment fis-seklu 19. Il-mogħdija tinkludi wkoll ċentru modern għall-viżitaturi, 16-il pjazza pubblika, għadd ta' binjiet kulturali u erba' parkeġġi tal-karozzi.

Il-binjiet inklużi bħala komponenti tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma l-eks residenzi u majlises tal-merkanti, tal-kummerċjanti, u tal-bugħaddasa tal-perli, flimkien mal-istabbilimenti kummerċjali, l-imħażen u l-moskea tal-familja Siyadi.

Importanza storika

Ħsad Tal-Perli Fil-Bahrain: Sfond, Attrazzjonijiet, Importanza storika 
Veduta tas-Suq qabel ir-restawr f'Muharraq.

L-għadis għall-perli fil-Bahrain jissemma għall-ewwel darba fit-testi Assirjani fl-2000 Q.K., b'referenza għal "għajnejn il-ħut" minn Dilmun (kostitwenza tal-qedem li kienet tinkludi l-Bahrain attwali). Il-Bahrain (bl-isem Grieg ta' Tylos) issemma minn Plinju bħala post "famuż għall-għadd enormi ta' perli". L-epoka tad-deheb tal-ħsad tal-perli jingħad li kienet bejn is-snin 50 tas-seklu 19 u l-1930, meta l-perli kienu saħansitra iktar prezzjużi mid-djamanti u attiraw ġojjelliera bħal Jacques Cartier lejn il-pajjiż. Fil-perjodu bejn il-gwerer dinjin, il-kummerċ tal-perli kien iddominat mill-bejjiegħa bbażati f'Pariġi, fosthom Rosenthal, Pack, Mohammad Ali u Bienenfeld. Wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, is-suq għadda lejn Mumbai.

Sal-aħħar tal-1930 kien hemm madwar 30,000 bugħaddas tal-perli, u l-industrija tal-ħsad tal-perli kienet l-industrija prinċipali fil-Bahrain, qabel l-iskoperta taż-żejt fl-1932. Wara d-deklin tal-industrija tal-ħsad tal-perli, il-biċċa l-kbira tal-bugħaddasa qalbu għas-settur taż-żejt li kien għadu kemm ġie stabbilit. Attwalment, il-kummerċ tal-perli kkultivati fil-Bahrain huwa pprojbit. Illum il-ġurnata ma tantx baqa' wisq bugħaddasa tal-perli.

Muharraq kienet il-belt kapitali u ċ-ċentru politiku tal-Bahrain fl-imgħoddi iżda l-binjiet storiċi ġarrbu ħsarat estensivi. Barra minn hekk, apparti d-deklin tal-kummerċ tal-perli, fl-inħawi kien hemm is-sogru li jintilfu xi snajja' tradizzjonali oħra wkoll.

Impatt

Wara l-proġett ta' rivitalizzazzjoni, il-binjiet storiċi reġgħu bdew jintużaw, u bdew jattiraw lin-nies minn inħawi oħra tal-Bahrain. L-UNESCO nnutat li l-proġett kien ħareġ fid-dieher il-kollaborazzjoni bejn il-gvern, is-soċjetà ċivili u s-settur privat fil-Bahrain favur il-preservazzjoni tal-wirt tal-pajjiż.

Lil hinn mill-importanza arkitettonika u storika ta' Muharraq, il-proġett ta' rivitalizzazzjoni stimola t-tkabbir u l-opportunitajiet ta' impjieg. Is-snajja' antiki u tradizzjonali tal-Bahrain ingħataw spinta ġdida, inkluż ix-xogħol bir-rakkmu tat-tip kurar, li kien kważi miet għalkollox. Ġenerazzjoni ġdida issa qed titgħallem dawn is-snajja' sabiex tiġġenera introjtu.

Sit ta' Wirt Dinji

Ħsad Tal-Perli Fil-Bahrain: Sfond, Attrazzjonijiet, Importanza storika 
Il-Moskea u Bait Siyadi f'Muharraq.

Il-Ħsad tal-Perli fil-Bahrain, Xhieda tal-Ekonomija ta' Gżira ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-30 ta' Ġunju 2012.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".

L-UNESCO ddikjarat li:

Is-sit huwa l-aħħar eżempju komplut tat-tradizzjoni kulturali tal-ħsad tal-perli u tal-ġid li kien jiġġenera fi żmien meta dak it-tip ta' kummerċ kien dominanti fl-ekonomija tal-Golf (mis-seklu 2 W.K. sas-snin 30 tas-seklu 20, meta l-Ġappun żviluppa l-perli kkultivati). Jirrappreżenta wkoll eżempju straordinarju tal-użu tradizzjonali tar-riżorsi tal-baħar u tal-interazzjoni umana mal-ambjent, li sawru kemm l-ekonomija kif ukoll l-identità kulturali tas-soċjetà tal-gżira tal-Bahrain. — Il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO. 

Il-proġett ta' rivitalizzazzjoni ta' Muharraq huwa wieħed mis-sitt rebbieħa tal-Premju Aga Khan għall-Arkitettura tal-2019. Ġie rrikonoxxut għar-rwol tiegħu biex tiġi rrakkontata l-istorja tal-industrija tal-ħsad tal-perli tal-Peniżola tal-Arabja matul is-sekli, speċjalment fil-qofol tagħha fis-seklu 19. Skont Farrokh Derakhshani, id-Direttur tal-Premju Aga Khan għall-Arkitettura, "il-proġett ta' rivitalizzazzjoni ta' Muharraq huwa sforz viżjonarju sabiex l-ispirtu ta' din il-belt storika jinżamm ħaj. Il-proġett juri approċċ sensittiv għall-konservazzjoni tal-wirt u għall-ippjanar tal-ispazju pubbliku kontemporanju". Il-Premju Aga Khan għall-Arkitettura rrikonoxxa li dan il-proġett wera approċċ ibbażat fuq il-komunità favur ir-riġenerazzjoni urbana, jiġifieri kien proġett li wassal il-kontribut tal-arkitettura kontemporanja favur il-konservazzjoni tal-binjiet tradizzjonali.

Referenzi

Tags:

Ħsad Tal-Perli Fil-Bahrain SfondĦsad Tal-Perli Fil-Bahrain AttrazzjonijietĦsad Tal-Perli Fil-Bahrain Importanza storikaĦsad Tal-Perli Fil-Bahrain ImpattĦsad Tal-Perli Fil-Bahrain Sit ta Wirt DinjiĦsad Tal-Perli Fil-Bahrain ReferenziĦsad Tal-Perli Fil-BahrainBaħrejnSit ta' Wirt DinjiUNESCO

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

Ira LoscoVanwatuIljunRadju fir-Renju UnitCaravaggioŻambjaLogħob OlimpikuNikita KrushchevOtto von BismarckOċeanjaĠuvniĠappunNiġerjaZagoriCandy Crush SagaTrama (narrattiva)William ShakespearevjetnamLewnInterlinguaPremier LeagueSan Franġisk t'AssisiFortifikazzjonijiet ta' Żmien il-Kavallieri f'MaltaTazza tad-Dinja tal-Futbol 1930Lingwa uffiċjaliFariżejAfganistanGħasfurAbout-urlItaljaMikelanġluAdrian GrimaTuvaluRomantiċiżmuKimikaIntelliġenza artifiċjaliPeléSenglea Athletic FCUnitajiet ta' kejl MaltinTorri tad-DwejraSważilandQatarFeniċiSpanjaLista ta' pajjiżi skont l-erjaSan FranciscoIrħula ta' MaltaCarmel AttardSiti tad-Dolmens ta' Gochang, Hwasun u GanghwaGżejjer SolomonSeychellesIraqEutheriaTongaSoċjetà tad-Duttrina NisranijaIl-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista (Caravaggio)PastizzBotswanaPapa Ġwanni Pawlu IIBurgenlandSit elettronikuPalazz tal-Gran MastruJan Vermeer🡆 More