Park Nazzjonali Ta' Taï: Park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Kosta tal-Avorju

Il-Park Nazzjonali ta' Taï (bil-Franċiż: Parc National de Taï) huwa park nazzjonali fil-Kosta tal-Avorju li fih waħda mill-aħħar żoni ta' foresti tropikali primarji fil-Punent tal-Afrika.

Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982 bis-saħħa tad-diversità tal-flora u tal-fawna tiegħu. Ħames speċijiet ta' mammiferi tal-Park Nazzjonali ta' Taï qegħdin fuq il-Lista Ħamra tal-Ispeċijiet Mhedda: l-ippopotami nani, ix-xadini colobus, il-leopardi, iċ-chimpanzees, u d-duiker ta' Jentink.

Park Nazzjonali Ta' Taï: Ġeografija, Klima, Sit ta Wirt Dinji
Il-Park Nazzjonali ta' Taï.

Il-Park Nazzjonali ta' Taï jinsab madwar 100 kilometru (62 mil) mill-kosta tal-baħar tal-Kosta tal-Avorju fil-fruntiera mal-Liberja bejn ix-xmajjar Cavalla u Sassandra. Ikopri erja ta' 3,300 kilometru kwadru (1,300 mil kwadru) b'żona ta' lqugħ ta' 200 kilometru kwadru (77 mil kwadru) sa għoli ta' 396 metru (1,299 pied).

Ir-Riżerva tal-Foresta ta' Taï nħolqot fl-1926 u ġiet promossa għal status ta' park nazzjonali fl-1972. Il-park ġie rikonoxxut bħala riżerva ta' bijosfera tal-UNESCO fl-1978 u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.

Il-Foresta ta' Taï hija żona naturali fejn hemm il-vajrus tal-Ebola. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa espremiet it-tħassib tagħha rigward il-prossimità ta' din iż-żona għall-Ajruport Internazzjonali ta' Félix-Houphouët-Boigny f'Abidjan.

Ġeografija

Il-park jikkonsisti minn 4,540 kilometru kwadru (1,750 mil kwadru) ta' foresti tropikali li qatt ma joħorfu, u jinsab fil-Lbiċ tal-Kosta tal-Avorju, fil-fruntiera mal-Liberja. L-altitudni tvarja minn 80 metru (260 pied) sa 396 metru (1,299 pied) fl-Għolja ta' Niénokoué. Il-park jinsab fuq promontorju Prekambrijan tal-granit magħmul minn migmatiti, bijotiti u gneiss li jxaqleb 'l isfel mit-Tramuntana iktar niexfa u sserrep sal-art iktar fonda u maqsuma fin-Nofsinhar fejn ix-xita tinżel iktar qliel. Dan il-promontorju f'għoli ta' bejn 150 u 200 metru (490 u 660 pied) huwa maqsum f'diversi inselbergs tal-granit iffurmati minn intrużjonijiet plutoniċi, inkluż l-Għolja ta' Niénokoué fil-Lbiċ. Żona kbira ta' xisti varjati tinsab mill-Grigal sal-Lbiċ tal-park, u minnha jgħaddu t-tributarji tax-xmajjar prinċipali paralleli: ix-xmajjar N'zo, Meno, Hana u Hana ż-Żgħira, li kollha jispiċċaw fil-Lbiċ tax-xmara Cavally. Fl-istaġun tax-xita dawn ix-xmajjar ikunu wesgħin, iżda fl-istaġun tan-nixfa dawn isiru nixxigħat baxxi. Il-konfini tat-Tramuntana biswit ir-Riżerva tal-Fawna ta' N'Zo huma ffurmati mill-ġibjun il-kbir wara d-Diga ta' Buyo tul ix-xmajjar N'zo u Sassandra. Hemm xi foresti bl-imraġ fil-Majjistral tal-park u tul ix-xmara N'zo. Il-ħamrija tal-park hija ferralitika, ġeneralment skulata u mhux wisq għammiela. Fil-widien tan-Nofsinhar hemm ħamrija idromorfika u iktar alluvjali u għammiela (DPN, 1998). Hemm ukoll kwantitajiet żgħar ta' deheb u ta' xi minerali oħra.

Klima

Hemm żewġ żoni klimatiċi distinti ta' tip subekwatorjali. Il-preċipitazzjoni annwali tvarja minn medja ta' 1,700 millimetru (67 pulzier) fit-Tramuntana għal 2,200 millimetru (87 pulzier) fil-Lbiċ, u tinżel minn Marzu/April sa Lulju, bi staġun iqsar tax-xita f'Settembru sa Ottubru. Ma hemm l-ebda staġun tan-nixfa fin-Nofsinhar iżda fit-Tramuntana ikun hemm nixfa minn Novembru sa Frar/Marzu, aċċentwata għal żmien qasir mir-riħ niexef tal-Grigal ta' Harmattan. Dawn bdew jaffettwaw ir-reġjun għall-ħabta tal-1970 biss wara li nofs il-foresti tal-pajjiż inqatgħu. Hemm fluttwazzjoni żgħira fit-temperatura bejn 24 u 27 °C (75 u 81 °F) minħabba influwenza oċeanika u l-preżenza tal-foresti, iżda t-temperaturi medja binhar jistgħu jvarjaw bejn 25 u 35 °C (77 u 95 °F). L-umdità relattiva hija għolja (85 %). L-irjieħ prevalenti jimxu mal-monsuni mil-Lbiċ. Fl-1986, il-Kosta tal-Avorju ġarrbet defiċit tax-xita ta' 30 %, x'aktarx minħabba t-telf tas-siġar fil-foresti: 90 % tal-pajjiż ġie deforestat fl-aħħar ħamsin sena u dan wassal fi tnaqqis tal-evapotraspirazzjoni.

Sit ta' Wirt Dinji

Il-Park Nazzjonali ta' Taï ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".

Flora

Il-park huwa wieħed mill-aħħar irqajja' li għad fadal tal-foresti tropikali primarji tal-Ginea ta' Fuq li fl-imgħoddi kienu estiżi fit-territorji moderni tat-Togo, tal-Ghana, tal-Kosta tal-Avorju, tal-Liberja u ta' Sierra Leone sal-Ginea-Bissau. Hija l-ikbar gżira ta' foresti li għad fadal fil-Punent tal-Afrika li għadha relattivament intatta. Il-foresta tropikali matura tagħha tinsab fi ħdan Ċentru tad-Diversità tal-Pjanti tad-WWF/tal-IUCN u ċentru ta' endemiżmu tal-Lvant tal-Liberja u tal-Punent tal-Kosta tal-Avorju, x'aktarx peress li fl-imgħoddi kienet refuġju tal-era glaċjali, u għandha iktar minn 50 speċi endemika għar-reġjun. Il-park fih xi 1,300 speċi ta' pjanti oħra, li minnhom 54 % jokkorru biss fiż-żona tal-Ginea. Il-veġetazzjoni hija b'mod predominanti parti minn foresta ombrofila densa mhux ħorfija tat-tip tal-Ginea ta' Fuq b'siġar emerġenti ta' 40-60 metru bi zkuk enormi u b'għeruq kbar u b'saħħithom.

Hemm żewġ tipi prinċipali ta' foresti li jvarjaw minn foresti mhux ħorfija tal-indewwa b'siġar leguminuż fit-terz tan-Nofsinhar tal-park għal foresti nofshom ħorfija fit-Tramuntana. Għadd kbir ta' epifiti u ljani jiffurmaw element importanti fil-livelli iktar baxxi, fosthom Platycerium, Nephrolepis biserrata, Drymaria u Asplenium africanum. Il-foresta mhux ħorfija tal-indewwa Sassandrijana f'artijiet xistużi fil-Lbiċ hija dominata minn speċijiet bħall-ebanu (Diospyros gabunensis), Diospyros chevalieri, Mapania baldwinii, Mapania linderi u Heritiera utilis (jew Tarrietia utilis), b'bosta speċijiet endemiċi, speċjalment fil-parti t'isfel tal-Wied ta' Cavally u fid-depressjonijiet ta' Meno u ta' Hana qrib l-Għolja ta' Niénokoué. L-aħħar fdalijiet tas-siġra endemika l-kbira Kantou guereensis jinsabu hawnhekk. Il-ħamrija inqas għammiela tat-Tramuntana u tax-Xlokk issostni speċijiet bħall-palm Eremospatha macrocarpa, l-ebanu tal-Punent tal-Afrika Diospyros mannii, Diospyros kamerunensis, Parinari chrysophylla, Chrysophyllum perpulchrum u Chidlowia sanguinea. Speċijiet bħal Gilbertiodendron splendidum, Symphonia globulifera u Raphia jokkorru fil-foresti tal-imraġ. L-inselbergs huma miksija skont is-substrat tagħhom, b'siġar ħorfija u bwar tal-ħaxix bħal tas-savanna bħall-iSpathodea campanulata. Xi pjanti li fl-imgħoddi kienu maħsuba li kienu estinti, bħall-Amorphophallus staudtii, ġew skoperti fl-inħawi. Ladarba l-isfruttament kummerċjali tal-injam ma baqax jeżisti fl-1972, il-foresta rkuprat sew, għalkemm irqajja' kbar huma ddominati minn speċijiet imħawla.

Il-pjanti tal-foresti għadhom jaqdu rwol kbir fil-ħajja tan-nies fir-reġjun tal-Park Nazzjonali ta' Taï. Il-frott tat-Thaumatococcus daniellii magħruf bħala katamfe jew katempfe, yoruba jew kannamiela ratba jintuża fil-mediċina tradizzjonali u fih sustanza bil-proteini ħamest elef darba iktar ħelwa mill-kannamiela. Il-qoxra taz-zokk tat-Terminalia superba, jew is-"siġra tal-malarja", tintuża mill-Kroumen etniċi għat-trattament tal-malarja. Dan ifisser li l-park għandu potenzjal ġenetiku li għadu ma ġiex esplorat mix-xjenza naturali u l-mediċina.

Fawna

Il-fawna hija pjuttost tipika tal-foresti tal-Punent tal-Afrika iżda hija varjata ħafna, b'kważi 1,000 speċi ta' vertebrati. Il-park fih 140 speċi ta' mammiferi u 47 speċi minn 54 speċi ta' mammiferi kbar li huwa magħruf li jgħixu fil-foresta tropikali tal-Ginea, inkluż tnax-il speċi endemika u ħames speċijiet mhedda. L-iżolament tar-reġjun bejn żewġ xmajjar ewlenin kompla żied il-karattru partikolari tiegħu.

Mammiferi

Park Nazzjonali Ta' Taï: Ġeografija, Klima, Sit ta Wirt Dinji 
Iċ-chimpanzees fil-Park Nazzjonali ta' Taï.

Fost il-mammiferi hemm 11-il speċi ta' primati: ix-xadina l-ħamra tal-Punent, ix-xadina ta' Diana, ix-xadina ta' Campbell, ix-xadina l-kbira u ż-żgħira tat-tikek mal-imnieħer, ix-xadina colobus sewda u bajda, ix-xadina colobus ursina, ix-xadina ħadra, il-mangabey iswed, il-galago nanu u l-potto ta' Bosman. Fis-snin 80 tas-seklu 20 kien hemm iktar minn 2,000 chimpanzee tal-Afrika tal-Punent (Pan troglodytes verus). Fl-1995, Marchesi et al. stmaw li l-għadd totali ta' chimpanzees fil-Park Nazzjonali ta' Taï kien jammonta għal 4,507 individwu, x'aktarx b'292 individwu f'N'Zo u r-riżervi fil-qrib (madankollu ma hemmx dubju li dan l-għadd naqas f'dawn l-aħħar 15-il sena). Dawn iċ-chimpanzees huma magħrufa għaliex jużaw l-għodod (DPN, 1998).

Fil-park ukoll jgħixu żewġ tipi ta' friefet il-lejl, il-friefet il-lejl tal-frott ta' Buettikofer u l-friefet il-lejl ta' Aellen, kif ukoll l-iskojjattlu jtir ta' Pel, il-pangolin ġgantesk, il-pangolin tas-siġar u l-pangolin ta' denbu twil, il-mangus Liberjan, il-qattus dehbi Afrikan, il-leopard, il-ħanżir selvaġġ aħmar tax-xmara, il-ħanżir selvaġġ tal-foresti, ix-chevrotain tal-ilma, il-bongo, u l-buflu Afrikan tal-foresti. L-iljunfanti Afrikani tal-foresti (Loxodonta cyclotis) ġew osservati wkoll fi ħdan il-park, għalkemm fl-2001 kienu jammontaw għal 100 individwu biss fin-Nofsinhar tal-park meta mqabbel ma' xi 1,800 individwu fl-1979.

Il-Park Nazzjonali ta' Taï National jospita wkoll diversità eċċezzjonali ta' duikers tal-foresti, inkluż id-duiker ta' Jentink, id-duiker tal-istrixxi, id-duiker ta' Maxwell, id-duiker ta' Ogilby, id-duiker iswed, id-duiker tal-bajja, id-duiker ta' dahru safra u l-għażżiel irjali. Fost ir-rodituri tal-foresti hemm il-far ta' sidru ħamranija, il-far tal-imraġ ta' Edward u l-ġurdien tal-boskijiet. Fil-park ukoll ġie rreġistrat il-far ta' Defua, li huwa karatteristiku fil-foresti sekondarji.

L-ippopotamu nanu (Hexaprotodon liberiensis) kien jammonta għal madwar 500 individwu fil-park fl-1996, u b'hekk din hija waħda mill-ftit popolazzjonijiet vijabbli li għad fadal.

Għasafar

Park Nazzjonali Ta' Taï: Ġeografija, Klima, Sit ta Wirt Dinji 
Centropus senegalensis fil-park nazzjonali.

Il-park jinsab fi ħdan waħda miż-Żoni tal-Għasafar Endemiċi tad-dinja. Mill-inqas 250 speċi ta' għasafar ġew irreġistrati fil-park; bi 28 speċi endemika fiż-żona tal-Ginea. Hemm 143 speċi tipika tal-foresta primarja, inkluż l-ajkla Afrikana tal-kuruna, l-ispanjulett sekond, il-farawna ta' sidirha abjad, il-kokka wikkiela tal-ħut, il-buċerotidi ta' wiċċhom kannella, il-buċerotidi tal-elmu isfar, iċ-ċawla tal-għalla tal-Punent, il-bilblu tal-ġwienaħ ħomor, l-għasfur bix-xareb ta' denbu aħdar, il-bilblu ħadrani, il-bagħal qastni ta' rasu sewda, iż-żanżarell ta' Nimba, il-prinja ta' Sierra Leone, l-għasfur ta' Lagden, l-isturnell ileqq ta' denbu tar-ram, l-għasfur tal-blat ta' għonqu abjad, u l-malimbe ta' Gola.

Rettili u anfibji

Park Nazzjonali Ta' Taï: Ġeografija, Klima, Sit ta Wirt Dinji 
Nephila.

Żewġ kukkudrilli, il-kukkudrill ta' rasu rqiqa u l-kukkudrill nanu, u diversi fkieren, bħall-fekruna tal-art ta' Home, huma fost il-madwar 40 speċi ta' rettili li jgħixu fil-park. Mill-inqas 56 speċi ta' anfibji jgħixu fil-park; dawn jinkludu r-rospu Amietophrynus taiensis u ż-żrinġ tal-qasab li nstabu fl-1997 (Hyperolius nienokouensis), li t-tnejn li huma magħrufa biss fil-Kosta tal-Avorju.

Invertebrati

L-artropodi jirrappreżentaw l-ikbar sehem ta' bijomassa fil-foresti tropikali. Fost l-ispeċijiet ta' invertebrati hemm mollusk rari tal-ilma ħelu, Neritina tiassalensis, u bosta eluf ta' speċijiet ta' insetti, fosthom 57 tip ta' mażżarell, 95 tip ta' nemel, 44 tip ta' termiti u 78 tip ta' ħanfusa (DPN, 1998).

Popolazzjoni umana lokali

It-tribujiet oriġinali tar-reġjun tal-foresta kien l-popli Guéré u Oubi, li għal raġunijiet marbuta mat-totems, ma kinux jieklu ċ-chimpanzees u b'hekk il-popolazzjonijiet taċ-chimpanzees ġew ippreservati. L-influwenza tal-Franċiżi kienet tmur lura għal nofs is-seklu 19 biss. Jidher ċar li ma tantx kien hemm insedjamenti fl-inħawi qabel l-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20, meta l-kostruzzjoni tal-ġibjun fil-wied ta' N'Zo, u iktar 'il quddiem in-nixfa fis-Saħel, wasslu biex in-nies imorru iktar lejn in-Nofsinhar. Popolazzjoni fl-inħawi ta' madwar 3,200 ruħ fl-1971 kienet kibret għal 57,000 ruħ għoxrin sena wara. Qrib il-park issa hemm 72 villaġġ u mijiet ta' okkupanti illegali jgħixu fil-park.

Mit-tliet gruppi prinċipali ta' bdiewa, il-popli Bakoué u Kroumen rurali kklerjaw irqajja' tal-foresti b'mod selettiv, mingħajr ma qatgħu s-siġar mediċinali; min-naħa l-oħra l-poplu Baoulé, flimkien mal-okkupanti ġodda li jinkludu r-refuġjati spostati minħabba d-diga fix-xmara N'Zo, mis-Saħel u mill-kunflitti kemm fil-Liberja kif ukoll fil-Kosta tal-Avorju li issa jiffurmaw 90 % tal-popolazzjoni, ifframmentaw u qerdu għalkollox il-biċċa l-kbira tal-foresti fiż-żona ta' lqugħ. Minflokhom, tkabbru għelejjel tal-ikel u għall-bejgħ bin-newba sabiex titnaqqas il-mortalità mill-malarja. In-naħa tal-Lvant tal-park batiet l-iktar minħabba din il-prassi. Dawn in-nies la jappoġġaw il-park u lanqas mhuma infurmati dwaru mill-awtoritajiet (DPN, 2002).

Riċerka u faċilitajiet xjentifiċi

Park Nazzjonali Ta' Taï: Ġeografija, Klima, Sit ta Wirt Dinji 
Iċ-ċpar tal-park nazzjonali.

Il-park kien is-sit ta' proġett tal-Bniedem u tal-Bijosfera tal-UNESCO dwar l-effetti tal-interferenza umana fi ħdan ekosistema naturali tal-foresti. Dan kien proġett enormi tar-riċerka li twettaq taħt il-patroċinju tal-Istitut għall-Ekoloġija Tropikali u taċ-Ċentru għar-Riċerka Ekoloġika fl-Università ta' Abobo-Adjamé fir-raħal fil-qrib ta' Taï. Kien hemm kooperazzjoni xjentifika internazzjonali fejn timijiet tal-Kosta tal-Avorju, ta' Franza, tal-Italja, tal-Ġermanja u tal-Iżvizzera ħadmu flimkien fuq diversi programmi tar-riċerka. Dan il-livell ta' riċerka għadu għaddej. Il-proġetti tas-sit u tar-riċerka għandhom potenzjal kbir għat-taħriġ u għall-istudju xjentifiku. L-Uffiċċju Franċiż tar-Riċerka Xjentifika u Teknika Ekstra-Ewropew (ORSTOM) ħadem hawnhekk għal għadd ta' snin. Fl-1984, tim Olandiż wettaq stħarriġ fl-inħawi, permezz ta' inġenju tal-ajru ultraħafif għall-fotografija f'altitudni baxxa, biex jidentifikaw is-siġar li qed imutu u li jistgħu jintużaw għall-injam. Saret ukoll riċerka mill-Kosta tal-Avorju rigward it-termiti tal-foresti, fil-qafas tal-Kampanja tal-Pjanti tal-IUCN/WWF fl-1984-1985; u mill-Istitut tal-Forestrija tal-gvern rigward l-għelejjel tal-pjantaġġuni. Bejn l-1989 u l-1991 BirdLife International wettqet l-Istħarriġ tal-Avifawna ta' Taï, spjegat fil-qosor f'Gartshore et al. (1995). Il-Fondazzjoni Olandiża ta' Tropenbos ippubblikat studju dettaljat u referenzjat għalkollox tal-park fl-1994. Mill-1979 sal-1985, ir-riċerkaturi Żvizzeri studjaw iċ-chimpanzees, u komplew sal-1994 rigward it-tixrid tal-virus tal-ebola fuq il-bnedmin u l-antikorpi għaliha li jinstabu f'annimali oħra.

Hemm impjant ekoloġiku (L'Institut d'Ecologie Tropicale) fil-baċir ta' Audrenisrou fil-qalba tal-park u bażi ta' tim Ġermaniż fil-kamp ta' Fedfo fiż-żona ta' lqugħ. Hemm ukoll impjant tar-Riżerva ta' Bijosfera 18-il kilometru fix-Xlokk tal-villaġġ ta' Taï, li jikkonsisti minn diversi djar prefabrikati, kċina komunali, żewġ laboratorji mgħammra sew, u ġeneratur elettriku. Huwa kkontrollat u ffinanzjat nazzjonalment u ġestit minn 2-3 persuni mill-Kosta tal-Avorju.

Bejn l-1993 u l-2002, il-Proġett Autonome pour la Conservation du Parc National de Taï (PACPNT), iffinanzjat minn GTZ, KfW u WWF, flimkien mad-Dipartiment tal-Parks (Direction des Parcs Nationaux et Réserves (DPN)), ħadem biex jittejbu l-ġestjoni u s-sorveljanza tal-park, immonitorjaw u wettqu inventarju tal-kondizzjoni tal-flora u tal-fawna, nedew proġetti pilota ta' konservazzjoni man-nies lokali, u wettqu studji komparattivi ta' seba' speċijiet ta' xadini. Il-fażi I saret fl-1997 u l-fażi II saret fl-2002. Dan il-proġett ipproduċa iktar minn 50 dokument li koprew suġġetti bħall-użu tal-għodod u l-virus tal-ebola fiċ-chimpanzees u l-fawna bħala sors potenzjali tal-ikel u tal-mediċini. Fl-2002, il-ġestjoni teknika u xjentifika tal-park ġiet assenjata lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Parks u tar-Riżervi tal-Kosta tal-Avorju li tkopri l-politika tal-ġestjoni, l-għassa, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni għall-parks kollha. Ġie stabbilit Kunsill Xjentifiku tal-NGOs internazzjonali u lokali involuti. Ġew stabbilit wkoll it-tieni impjant tar-riċerka u mogħdija msaqqfa fin-naħa tal-Lvant tal-park. Madankollu, workshop nazzjonali dwar iż-żona tal-foresti li sar fl-2002-2003 iffoka fuq in-nuqqas ta' riċerka xjentifika, monitoraġġ, evalwazzjoni, koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet barranin u aċċess għar-riċerka; kif ukoll fuq il-persistenza tal-livelli baxxi ta' parteċipazzjoni popolari u żvilupp sostenibbli tal-artijiet forestali protetti. Għaldaqstant għadu meħtieġ inventarju aħjar tar-riżorsi forestali.

Referenzi

Tags:

Park Nazzjonali Ta' Taï ĠeografijaPark Nazzjonali Ta' Taï KlimaPark Nazzjonali Ta' Taï Sit ta Wirt DinjiPark Nazzjonali Ta' Taï FloraPark Nazzjonali Ta' Taï FawnaPark Nazzjonali Ta' Taï Popolazzjoni umana lokaliPark Nazzjonali Ta' Taï Riċerka u faċilitajiet xjentifiċiPark Nazzjonali Ta' Taï ReferenziPark Nazzjonali Ta' TaïAfrikaAnnimalAħmarBijodiversitàKosta tal-AvorjuLingwa FranċiżaMammiferuSit ta' Wirt DinjiSpeċiUNESCO

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

WikipedijaArabja SawdijaBirkirkaraLingwaLingwa ĠermaniżaBorobudurLingwa SpanjolaPawlu MikiPariġiIr-Rabat (Malta)Santa MarijaAbjadLingwa tas-Sinjali MaltijaEkonomistaNepalMarie AntoinetteSandra MondainiEileen MontesinLibanuNies prominenti MaltinSpace Shuttle ChallengerIpoġew ta' Ħal SaflieniOtto von BismarckMalala YousafzaiXewkijaFK NevėžisKarmenu VassalloDun Karm PsailaĦaż-ŻabbarFurjanaAwstrijaĠgantijaLista ta' pajjiżi skont l-erjaŻebbuġ (Għawdex)Sit ta' Wirt DinjiPopolazzjoniKavallier ta’ San ĠakbuBeninWiki CommonsRuġġieru I ta' SqallijaŻvezjaRivoluzzjoni IndustrijaliStorjaIt-Tieni Gwerra DinjijaL-ImsidaMoskaNiġerjaGħajnsielemJimmy WalesIżlamAlberobelloReliġjon f'MaltaRaħal ĠdidLingwa UrduWikispeċiDe facto🡆 More