Fil-linwistika, kelma ta’ lingwa mitkellma tista’ tiġi definita bħala l-iżgħar sekwenza ta’ fonemi li wieħed jista’ jlissen b’mod iżolat b’tifsira oġġettiva jew prattika.
F’ħafna lingwi, il-kelmiet jikkorrispondu wkoll għal sekwenzi ta’ grafemi ("ittri") fis-sistemi standard tal-kitba tagħhom li jkunu delimitati minn spazji usa’ mill-ispazju normali ta’ bejn l-ittri fi ħdan l-istess kelma, jew b’konvenzjonijiet grafiċi oħra. Il-kunċett ta’ "kelma" s-soltu jiġi distint minn dak ta’ morfema, li hija l-iżgħar unità ta’ kelma b’tifsira, anke jekk waħedha ma tgħoddx bħala kelma.
F’bosta lingwi, in-nozzjoni ta’ x’inhi "kelma" tista’ tiġi mgħallma fi ħdan it-tagħlim tas-sistema tal-kitba. Dan japplika għall-Malti, u għall-biċċa l-kbira tal-lingwi li jinkitbu b’alfabeti li oriġinaw mill-alfabeti Latini jew Griegi tal-qedem.
Għad ma hemmx konsensus fost il-lingwisti dwar x’inhi d-definizzjoni proprja ta’ "kelma" f’lingwa mitkellma li tkun indipendenti mis-sistema tal-kitba tagħha, u lanqas dwar id-distinzjoni preċiża bejnha u “morfema”. Din il-kwistjoni għadha tiġi dibattuta b’mod partikolari għaċ-Ċiniż u għal lingwi oħra tal-Lvant tal-Asja u Afro-Asjatiċi.
Fl-ortografija Maltija, is-sekwenzi ta’ ittri "blat", "alla", "beka", "ma’", u "tista’" jitqiesu bħala kelmiet b’morfema waħda, filwaqt li "blatiet", "allat", "bekkej", u "tistax" huma kelmiet magħmula minn żewġ morfemi jew iktar ("blat"+"iet", "alla"+"t", "bek"+"kej", u "tista"+"x"). Fil-Malti u f’ħafna lingwi oħra, il-morfemi li jsawru kelma ġeneralment jinkludu mill-inqas għerq wieħed u possibbilment xi affissi ("-iet", "-x", eċċ.). Il-kelmiet li jkollhom iktar minn għerq wieħed jissejħu kelmiet komposti.
Il-kelmiet jiġu kkombinati biex jiffurmaw elementi oħra tal-lingwa, fosthom frażijiet ("blata ħamra", "raġel jimbuttak"), propożizzjonijiet ("Jien kilt frotta"), u sentenzi ("Jien kilt frotta, imma ma xbajtx").
Ġew proposti bosta kriterji għall-identifikazzjoni tal-kelmiet. Madankollu, instab li l-ebda definizzjoni ma tapplika għal-lingwi kollha. Id-dizzjunarji jikkategorizzaw il-lessiku ta’ lingwa (jiġifieri, il-vokabularju tagħha) f’lemmi. Dawn jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ x’inhi kelma fl-opinjoni tal-kittieba ta’ dik il-lingwa partikolari. L-iktar mezzi xierqa biex jitkejjel it-tul ta’ kelma huwa billi jiġu magħduda s-sillabi jew il-morfemi tagħha. Meta kelma jkollha diversi definizzjonijiet jew iktar minn sens wieħed, tista’ twassal għal konfużjoni f’dibattitu jew f’diskussjoni.
Leonard Bloomfield introduċa l-kunċett ta’ “Forom Ħielsa Minimi (bl-Ingliż: "Minimal Free Forms") fl-1928. Il-kelmiet jitqiesu bħala l-iżgħar unità tat-taħdit li tagħmel sens u li jistgħu jitqiesu bħala kelmiet waħedhom. Dan jikkorrelata l-fonemi (l-unitajiet tal-ħsejjes) mal-lessemi (l-unitajiet tat-tifsira). Madankollu, xi kelmiet bil-miktub mhumiex forom ħielsa minimi peress li ma jagħmlux sens waħedhom (pereżemju, ma’ u ta’).
Xi studjużi tas-semantika ressqu teorija tal-hekk imsejħa kelmiet primittivi semantiċi, jiġifieri kelmiet mingħajr definizzjoni li jirrappreżentaw kunċetti fundamentali li jagħmlu sens bl-intuwizzjoni. Skont din it-teorija, il-kelmiet primittivi semantiċi jservu bħala l-bażi biex tiġi deskritta t-tifsira, mingħajr ċirkolarità, ta’ kelmiet oħra u ta’ tifsiriet kunċettwali assoċjati oħra.
Fl-iskola Minimalista tas-sintassi teorika, il-kelmiet (imsejħa wkoll oġġetti lessikali fil-letteratura) jitqiesu bħala "ġabriet" ta’ karatteristiċi lingwistiċi li jiġu magħqudin flimkien fi struttura b’forma u b’tifsira. Pereżempju, il-kelma "merilli" għandha karatteristiċi semantiċi (tfisser oġġetti li jeżistu fid-dinja reali, il-merilli), karatteristiċi kategoriċi (hija nom), karatteristiċi numeriċi (hija plural u trid taqbel mal-verbi, mal-pronomi u mal-kliem dimostrattiv fid-dominju tagħha), karatteristiċi fonoloġiċi (tiġi ppronunzjata b’mod partikolari), eċċ.
Il-kompitu li jiġi definit x’inhi "kelma" jinvolvi fejn tibda tispiċċa kelma u fejn tibda oħra—fi kliem ieħor, l-identifikazzjoni tal-konfini tal-kliem. Hemm diversi modi biex jiġi ddeterminat fejn għandhom jitpoġġew il-konfini tal-kliem ta’ lingwa mitkellma:
This article uses material from the Wikipedia Malti article Kelma, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.