Mario Draghi: Ekonomista u bankier Taljan; Prim Ministru tal-Italja

Mario Draghi (bit-Taljan: ; twieled fit-3 ta' Settembru 1947) huwa ekonomista, bankier, akkademiku, impjegat taċ-ċivil, u politiku Taljan li ilu Prim Ministru tal-Italja mit-13 ta' Frar 2021.

Preċedentement kien il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) mill-2011 sal-2019. Draghi kien ukoll President tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja mill-2009 sal-2011 u Gvernatur tal-Bank tal-Italja mill-2006 sal-2011.

Mario Draghi
Mario Draghi: Ħajja bikrija u edukazzjoni, Professur u impjegat taċ-ċivil, Gvernatur tal-Bank tal-Italja
Prim Ministru tal-Italja

13 Frar 2021 - 22 Ottubru 2022
President tal-Bank Ċentrali Ewropew

1 Novembru 2011 - 31 Ottubru 2019
Jean-Claude Trichet - Christine Lagarde
Gvernatur tal-Bank tal-Italja

16 Jannar 2006 - 31 Ottubru 2011
Antonio Fazio - Ignazio Visco
Ħajja
Twelid Ruma, 3 Settembru 1947 (76 sena)
Nazzjonalità Italja
L-ewwel lingwa Taljan
Familja
Ulied
uri
  • Federica Draghi
    Giacomo Draghi
Aħwa
uri
  • Andreina Draghi
Edukazzjoni
Alma mater Liceo Classico Massimiliano Massimo (en) Translate
La Sapienza
(unknown value - 1970)
Massachusetts Institute of Technology (en) Translate
(unknown value - 1977) PhD fil-filosofija
Livell tal-edukazzjoni Dottorat fix-Xjenza Ekonomika
Direttur tat-teżi Franco Modigliani
Lingwi Taljan
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni ekonomista
bankier
għalliem fl-università
politiku
Post tax-xogħol Trento
Firenze
Padova
Torino
Cambridge
Belt ta' New York
Ruma
Impjegaturi Università ta’ Trento
Università ta’ Padova
World Bank (en) Translate
John F. Kennedy School of Government (en) Translate
Università ta’ Torino
Università ta' Firenze  (1981 -  1994)
Goldman Sachs  (2002 -  2005)
Premjijiet
List
  • Knight Grand Cross of the Order of Merit of the Italian Republic Knight Grand Cross of the Order of Merit of the Italian Republic  (5 April 2000)
    honorary doctor of Tel Aviv University
    honorary doctor of the University of Padua
    Honorary doctor of the University of Bologna
    Grand Collar of the Order of Prince Henry Grand Collar of the Order of Prince Henry
    honoris causa : Università Cattolica del Sacro Cuore (en) Translate
    Grand Cross 1st class of the Order of Merit of the Federal Republic of Germany Grand Cross 1st class of the Order of Merit of the Federal Republic of Germany  (2020)
    M100 Media Award  (2012)
    Time 100  (2021)
    Order of Prince Yaroslav the Wise, 1st class Order of Prince Yaroslav the Wise, 1st class  (23 Awwissu 2022)
    Financial Times Person of the Year  (2012)
    Global Citizen Awards  (2015)
Influwenzat minn San Injazju ta' Loyola
Sħubija Grupp tat-Tletin
Pontifical Academy of Social Sciences (en) Translate

Wara karriera twila bħala ekonomista akkademiku fl-Italja, Draghi ħadem għall-Bank Dinji f'Washington D.C., l-Istati Uniti, tul is-snin 80 tas-seklu 20, u fl-1991 reġa' lura Ruma biex isir id-Direttur Ġenerali tat-Teżor Taljan. Huwa telaq minn dik il-kariga wara deċennju biex jissieħeb ma' Goldman Sachs, fejn baqa' jaħdem sal-ħatra tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank tal-Italja fl-2006. Il-mandat tiegħu bħala Gvernatur inzerta fil-perjodu tar-Reċessjoni l-Kbira tal-2008, u f'nofs il-kriżi finanzjarja ntgħażel biex isir l-ewwel President tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, l-entità li ħadet post il-Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja u li kellha l-għan li tistabbilixxi standards globali.

Huwa telaq dawk il-karigi wara li ġie nnominat mill-Kunsill Ewropew fl-2011 biex jaqdi r-rwol ta' President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Huwa ppresieda fl-istituzzjoni matul il-kriżi taż-żona tal-ewro, u sar famuż fl-Ewropa kollha talli qal li lest jagħmel ħiltu "akkost ta' kollox" biex il-proġett tal-ewro ma jfallix. Fl-2014, Draghi ġie elenkat mir-rivista Forbes bħala t-tmien l-iktar persuna setgħana fid-dinja. Fl-2015, ir-rivista Fortune kklassifikatu bħala "t-tieni l-ikbar mexxej" dinji. Fl-2019, Paul Krugman iddeskrivieh bħala "l-ikbar bankier ċentrali taż-żminijiet moderni". Barra minn hekk, bis-saħħa tal-politiki monetarji tiegħu, huwa jitqies minn bosta bħala "s-salvatur tal-ewro" matul il-kriża Ewropea tad-dejn. Huwa ngħata l-laqam ta' Super Mario minn xi mezzi tax-xandir, u l-laqam ġie popolarizzat tul il-kariga tiegħu bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew, meta ġie akkreditat minn bosta sorsi li kellu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-kriżi taż-żona tal-ewro.

Wara l-mandat ta' Draghi bħala President tal-BĊE ntemm fl-2019, huwa inizjalment reġa' lura għall-ħajja privata tiegħu. Fit-3 ta' Frar 2021, f’nofs il-pandemija tal-COVID-19, Draghi ġie mistieden mill-President tar-Repubblika Taljan Sergio Mattarella biex jifforma gvern ta’ għaqda nazzjonali, wara r-riżenja ta' Giuseppe Conte. Wara negozjati ta' suċċess mal-partiti Taljani, fosthom il-Lega, il-Moviment tal-Ħames Stilel, il-Partit Demokratiku u Forza Italia, Draghi ħa l-ġurament biex isir Prim Ministru fit-13 ta' Frar 2021, u wiegħed li jissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tal-istimolu ekonomiku meħtieġ fil-kriżi tal-COVID-19.

Ħajja bikrija u edukazzjoni

Mario Draghi twieled f'Ruma fl-1947 f'familja ta' klassi għolja; missieru Carlo, li kien twieled fl-1895 f'Padova, ingħaqad mal-Bank tal-Italja fl-1922, u iktar 'il quddiem ħadem għall-Istitut għar-Rikostruzzjoni Industrijali (IRI) u għall-Bank Nazzjonali tax-Xogħol (bit-Taljan: Banca Nazionale del Lavoro); filwaqt li ommu, Gilda Mancini, li kienet twieldet f'Monteverde, Campania, ħdejn Avellino, kienet spiżjara. Huwa kien l-ikbar minn tliet aħwa: Andreina, storika tal-arti, u Marcello, imprenditur. Meta kellu 15-il sena miet missieru u meta kellu 19-il sena mietet ommu.

Draghi studja fl-Istitut Massimiliano Massimo, skola tal-Ġiżwiti f'Ruma, fejn kien fl-istess klassi mal-President futur tal-Ferrari, Luca Cordero di Montezemolo, u mal-preżentatur futur tat-televiżjoni, Giancarlo Magalli. Fl-1970, huwa ggradwa bl-unuri fix-Xjenza Ekonomika fl-Università La Sapienza ta' Ruma, taħt is-superviżjoni tal-ekonomista Keynesjan Federico Caffè; it-teżi li ggradwa biha kien jisimha "L-integrazzjoni ekonomika u l-varjazzjoni tar-rati tal-kambju". Fit-teżi tiegħu, Draghi kien partikolarment kritiku tar-rimarki tal-Prim Ministru tal-Lussemburgu Pierre Werner li l-unjoni monetarja Ewropea kienet "prematura". Draghi kompla jistudja sa ma ġab Dottorat fix-Xjenza Ekonomika mill-Massachusetts Institute of Technology (MIT) fl-1976, din id-darba b’teżi li kien jisimha: "Esejs dwar it-teorija ekonomika u applikazzjonijiet", taħt is-superviżjoni ta' Franco Modigliani u Robert Solow.

Professur u impjegat taċ-ċivil

Mill-1975 sal-1981, Draghi kien l-ewwel Professur tal-Politika Ekonomika u Finanzjarja fl-Università ta' Trento, imbagħad tax-Xjenza Makroekonomika fl-Università ta' Padova, u mbagħad tax-Xjenza Ekonomika Matematika fl-Università ta' Venezja. Fl-1981, huwa nħatar bħala Professur tal-Politika Ekonomika u Monetarja fl-Università ta' Firenze u baqa' f'dik il-kariga sal-1994. Matul dak iż-żmien, huwa għamel xi żmien bħala konsulent fil-Bank Dinji f'Washington D.C. Fl-1983, Draghi nħatar ukoll bħala konsulent tal-Ministru tat-Teżor ta' dak iż-żmien Giovanni Goria.

Fl-1991, il-Ministru tat-Teżor Guido Carli u l-Gvernatur tal-Bank tal-Italja Carlo Azeglio Ciampi ħatru lil Draghi bħala d-Direttur Ġenerali tat-Teżor Taljan; Draghi baqa' f'din il-kariga għolja fiċ-ċivil sal-2001. Matul dan iż-żmien fit-Teżor, huwa kien il-President tal-Kumitat li rreveda l-leġiżlazzjoni korporattiva u finanzjarja Taljana, u fassal l-liġi li għadha qed tirregola s-swieq finanzjarji Taljani. Draghi kien ukoll fost dawk li kienu favur il-privatizzazzjonijiet ta' ħafna kumpaniji tal-istat li seħħew fl-ekonomija Taljana matul is-snin 90 tas-seklu 20. Huwa kien ukoll il-President tal-Kumitat Maniġerjali tas-SACE, u implimenta riforma sħiħa tal-grupp u ġestixxa t-tranżizzjoni mill-iskandlu tal-korruzzjoni magħruf bħala Mani Pulite. Draghi reġa' sar President tas-SACE bejn l-1998 u l-2001, qabel il-privatizzazzjoni sussegwenti. Matul dawn is-snin, huwa kien ukoll membru tal-bord ta' diversi banek u korporazzjonijiet Taljani, fosthom Eni, l-Istitut għar-Rikostruzzjoni Industrijali, Banca Nazionale del Lavoro u l-Istitut Taljan għall-Proprjetà (bit-Taljan: Istituto Mobiliare Italiano).

Fl-2001, huwa telaq mill-kariga fit-Teżor biex isir sħab fl-Istitut tal-Politika fl-Iskola tal-Governanza ta' John F. Kennedy fl-Università ta' Harvard. Draghi nħatar bħala Viċi President u Direttur Maniġerjali ta' Goldman Sachs International fl-2002. Huwa sar ukoll membru tal-kumitat ta' ġestjoni tal-azjenda, u baqa' f'dan il-karigi kollha sal-2005. Huwa mexxa l-istrateġija Ewropea ta' Goldman Sachs u l-involvimenti tagħha ma' korporazzjonijiet u gvernijiet maġġuri Ewropej. Wara li ħareġ fil-beraħ li kienu qed jintużaw swaps lil hinn mis-suq b'mod sistematiku mill-gvern Grieg, faċilitati minn Goldman Sachs, Draghi stqarr li ma kien "jaf b'xejn" dwar dan l-arranġament, u li "ma kellu x'jaqsam xejn mal-kwistjoni". Matul dan il-perjodu, Draghi ħadem ukoll bħala fiduċjarju fl-Istitut għall-Istudju Avvanzat fi Princeton, New Jersey, u għamel żmien bħala konsulent fil-Brookings Institution f'Washington D.C.

Gvernatur tal-Bank tal-Italja

Mario Draghi: Ħajja bikrija u edukazzjoni, Professur u impjegat taċ-ċivil, Gvernatur tal-Bank tal-Italja 
Draghi mal-eks President tal-Istati Uniti George W. Bush fl-2008

F'Diċembru 2005, ġie mħabbar li Draghi kien se jsir Gvernatur tal-Bank tal-Italja. Huwa ħa l-kariga uffiċjalment fis-16 ta' Jannar 2006. F'April 2006, huwa ġie elett mill-gvernaturi tal-banek ċentrali biex isir il-President tal-Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja; iktar 'il quddiem dan il-korp ġie organizzat mill-ġdid u sar il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja f'April 2009 f'isem il-G20, u laqqa' flimkien ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, tal-banek ċentrali u tal-istituzzjonijiet ta' superviżjoni nazzjonali fid-dawl tal-kriżi finanzjarja. Bħala l-President inawgurali tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, Draghi kien responsabbli għall-mexxejja tal-G20, u ħadem biex jippromwovi l-istabbiltà finanzjarja internazzjonali, itejjeb il-funzjonament tas-swieq u jnaqqas ir-riskju sistemiku permezz tal-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali bejn is-superviżuri.

Fir-rwol tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank tal-Italja, Draghi kien membru wkoll tal-Kunsill tal-Governanza u tal-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew u membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali. Huwa rrappreżenta wkoll lill-Italja fil-Bord tal-Gvernaturi kemm fil-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp kif ukoll fil-Bank Asjatiku għall-Iżvilupp. Fil-5 ta' Awwissu 2011, huwa ta kontribut fid-dibattitu politiku domestiku meta, flimkien mal-President tal-BĊE Jean Claude Trichet, huwa ppubblika ittra notevoli lill-Gvern Taljan ta' Silvio Berlusconi biex jirrakkomanda sensiela ta' miżuri ekonomiċi li kellhom jiġu implimentati b'urġenza fl-Italja.

President tal-Bank Ċentrali Ewropew

Mario Draghi: Ħajja bikrija u edukazzjoni, Professur u impjegat taċ-ċivil, Gvernatur tal-Bank tal-Italja 
Draghi (lemin) ma' Dominique Strauss-Kahn u Jean-Claude Trichet

Draghi kien ilu snin jissemma bħala suċċessur possibbli ta' Jean-Claude Trichet, qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew f'Ottubru 2011. Fit-13 ta' Frar 2011, Wolfgang Münchau, editur assoċjat tal-Financial Times, appoġġa lil Draghi bħala l-aqwa kandiat għall-kariga. Ftit jiem wara, ir-rivista The Economist kitbet li "l-President li jmiss tat-tieni l-iktar bank ċentrali importanti fid-dinja għandu jkun Mario Draghi". Draghi sussegwentement rebaħ l-appoġġ tal-Prim Ministru Taljan ta' dak iż-żmien Silvio Berlusconi għall-kariga, li esprima x-xewqa li jara Taljan ikollu r-rwol importanti tat-tfassil tal-politika ekonomika fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrakkomanda n-nomina ta' Draghi bħala President tal-BĊE. In-nomina ta' Draghi iktar 'il quddiem ġiet approvata mill-Parlament Ewropew u mill-BĊE stess, u fl-24 ta' Ġunju 2011 il-ħatra tiegħu ġiet iffirmata mill-mexxejja tal-UE. Matul il-proċess tan-nominazzjoni, tqajjem xi tħassib dwar l-impjieg passat ta' Draghi f'Goldman Sachs. Bħala membru tal-Grupp tat-Tletin, stabbilit mill-Fondazzjoni Rockefeller, huwa ġie akkużat f'Der Spiegel, fTagesschau.de u fDie Welt li kellu kunflitt ta' interess bħala President tal-BĊE. Draghi ttrasferixxa ruħu f'Frankfurt u ħa l-kariga formalment bħala President tal-BĊE fl-1 ta' Novembru 2011, l-għada ta' tmiem il-mandat ta' Trichet.

Mario Draghi: Ħajja bikrija u edukazzjoni, Professur u impjegat taċ-ċivil, Gvernatur tal-Bank tal-Italja 
Mario Draghi f'Davos fl-2013

F'Diċembru 2011, Draghi ħejja programm ta' self ta' €489 biljun fuq tliet snin mill-BĊE għall-banek tal-UE. Il-BĊE taħt Draghi ħassar ukoll iż-żewġ żidiet finali fir-rata tal-imgħax li saru fil-mandat ta' Trichet, u hu ddikjara li dan kellu jgħin biex itaffi il-kriżi Ewropea kontinwa tad-dejn sovran. Fi Frar 2012, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għax-Xjenza Ekonomika, Joseph Stiglitz, argumenta li l-kwistjoni tar-ristrutturar imminenti tad-dejn Grieg, wara l-insistenza tal-BĊE li għandu jkun "volontarju", minflok inadempjenza kif miftiehem mal-awtoritajiet Griegi, kien ikun "rigal" lill-istituzzjonijiet finanzjarji li biegħu l-assigurazzjoni fuq l-inadempjenza tal-kreditu fir-rigward ta' dak id-dejn, li skont Stiglitz kien periklu morali. F'Marzu 2012, beda t-tieni rawnd ta' self, ikbar minn ta' qabel, mill-BĊE lill-banek tal-UE, u din id-darba ġie msejjaħ Operazzjoni ta' Rifinanzjament fuq Żmien Itwal (LTRO). Matthew Lynn ikkummenta li l-ippumpjar ta' fondi mill-BĊE, flimkien mal-illaxkar kwantitattiv tal-kundizzjonijiet monetarji mir-Riżerva Federali tal-Istati Uniti u mill-Bank of England, kienu qed iwasslu għal żieda fil-prezzijiet taż-żejt fl-2011 u fl-2012.

F'Lulju 2012, qalb il-biża' mġedded dwar id-dejn sovran fiż-żona tal-ewro, Draghi stqarr f'diskussjoni li taħt it-tmexxija tiegħu, il-BĊE "...lest jagħmel isalva l-proġett tal-ewro akkost ta' kollox. U emmnuni, li se nagħmlu se jkun biżżejjed". Din id-dikjarazzjoni dehret ħafna fil-mezzi tax-xandir fl-UE kollha u fis-swieq finanzjarji tad-dinja, u inizjalment wasslet għal tnaqqis kostanti fir-rendimenti tal-bonds (il-kostijiet ta' min jissellef) għall-pajjiżi taż-żona tal-ewro, b'mod partikolari Spanja, l-Italja u Franza. Fid-dawl tal-progress politiku kajman biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi taż-żona tal-ewro, id-dikjarazzjoni ta' Draghi kienet mument ta' żvolta importanti għaż-żona tal-ewro, u bosta fassala tal-politika u kummentaturi ddeskrivuha bħala essenzjali għat-tkomplija tal-munita ewro. Minn dak iż-żmien 'l hawn, Draghi baqa' jiġi assoċjat ferm mal-frażi "akkost ta' kollox".

Fil-bidu tal-2013 Draghi ġie kkritikat fil-kuntest tal-iskandli li bdew ifaqqgħu rigward il-Bank Monte dei Paschi ta' Siena li skont mill-inqas pubblikazzjoni Ġermaniża waħda kienet qed tieħu sehem f'ħafna negozji u operazzjonijiet riskjużi.

Mario Draghi: Ħajja bikrija u edukazzjoni, Professur u impjegat taċ-ċivil, Gvernatur tal-Bank tal-Italja 
Draghi waqt sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fl-2019

F'April 2013, Draghi wieġeb għal mistoqsija rigward is-sħubija taż-żona tal-ewro, "Dawn il-mistoqsijiet jiġu fformulati minn nies li jissottovalutaw ferm xi tfisser l-ewro għall-Ewropej, għaż-żona tal-ewro. Jissottovalutaw ferm il-kapital politiku li ġie investit fl-ewro". Fl-2015, fil-Parlament Ewropew Draghi qal li l-futur taż-żona tal-ewro kien f'periklu diment li l-Istati Membri fiha ma jċedux ftit indipendenza u joħolqu istituzzjonijiet governattivi iktar Pan-Ewropej. Huwa stqarr "Għadna ma lħaqnix l-istadju ta' unjoni monetarja ġenwina. Jekk il-pajjiżi taż-żona tal-ewro ma jarmonizzawx l-ekonomiji tagħhom u ma joħolqux istituzzjonijiet iktar b'saħħithom, dan se jipperikola s-suċċess fit-tul tal-unjoni monetarja meta tħabbat wiċċha ma' xokk importanti". Fl-2015, Draghi sostna li l-ideat politiċi tiegħu huma qrib is-soċjaliżmu liberali.

Fil-31 ta' Ottubru 2019, il-mandat tiegħu bħala President tal-BĊE spiċċa u d-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali Christine Lagarde nħatret bħala s-suċċessur tiegħu.

Prim Ministru tal-Italja

Formazzjoni tal-gvern

Mario Draghi: Ħajja bikrija u edukazzjoni, Professur u impjegat taċ-ċivil, Gvernatur tal-Bank tal-Italja 
Draghi mal-President tar-Repubblika Sergio Mattarella fil-Palazz tal-Quirinale

Bejn Diċembru 2020 u Jannar 2021 feġġew tensjonijiet fi ħdan il-koalizzjoni tal-gvern tal-Italja, u l-Prim Ministru Giuseppe Conte u l-eks Prim Ministru Matteo Renzi ħaduha qatta' bla ħabel kontra xulxin fir-rigward tal-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19 fl-Italja kif ukoll fir-rigward tal-konsegwenzi ekonomiċi profondi. Fit-13 ta' Jannar, Renzi ħabbar ir-riżenja taż-żewġ Ministri tal-Kabinett tal-partit tiegħu Italia Viva, u dan wassal għall-waqgħa tal-gvern immexxi minn Conte. Fis-26 ta' Jannar, wara jiem ta' negozjati fost il-partiti politiċi li ma wasslu għal imkien, Conte ta r-riżenja tiegħu bħala Prim Ministru lill-President tar-Repubblika Sergio Mattarella.

Fit-2 ta' Frar 2021, wara konsultazzjonijiet bejn il-partiti biex jinnominaw sostitut, ladarba dawn ma kinux suċċess, il-President tar-Repubblika Mattarella ħabbar li kien se jikkonvoka lil Draghi fil-Palazz tal-Quirinale, bl-intenzjoni li jagħtih il-kompitu li jifforma gvern teknokratiku. L-għada, Draghi aċċetta l-kompitu li jifforma gvern ġdid u beda l-konsultazzjonijiet mal-kapijiet tal-partiti politiċi. Draghi malajr kiseb l-appoġġ tal-Partit Demokratiku (PD) taċ-Ċentru-Xellug, ta' Italia Viva (IV) taċ-Ċentru, ta' Liberi u Ugwali (LeU) tax-Xellug, u ta' partiti liberali u ċentristi żgħar oħra. Wara xi dewmien inizjali, Matteo Salvini, il-kap tal-Lega tal-Lemin, u Silvio Berlusconi, il-kap ta' Forza Italia taċ-Ċentru-Lemin, ħabbru b'mod konġunt li huma kienu se jappoġġaw lil Draghi wkoll. Finalment, fil-11 ta' Frar, il-membri tal-Moviment tal-Ħames Stilel (M5S) approvaw l-appoġġ tal-partit lil Draghi, b'59.3 % tal-membri tal-partit favur is-sħubija tal-partit fi gvern ġdid.

Fit-12 ta' Frar, Draghi żvela l-membri tal-Kabinett tiegħu, li kienu jinkludu rappreżentanti mill-partiti politiċi kollha msemmija hawn fuq, fosthom disa' Ministri mill-Kabinett uxxenti, kif ukoll teknokrati indipendenti. L-għada, Draghi ħa l-ġurament bħala Prim Ministru. Malli ħarġet din l-aħbar, il-Kabinett ta' Draghi ġie deskritt bħala gvern tal-għaqda nazzjonali minn bosta mezzi tax-xandir.

Mario Draghi: Ħajja bikrija u edukazzjoni, Professur u impjegat taċ-ċivil, Gvernatur tal-Bank tal-Italja 
Draghi meta ħabbar il-Kabinett tiegħu

Fis-17 ta' Frar, Draghi rebaħ il-vot tal-fiduċja fis-Senat, b'262 vot favur, 40 kontra u żewġ astensjonijiet. L-għada, huwa rebaħ vot tal-fiduċja ieħor fil-Kamra tad-Deputati b'535 vot favur, 56 kontra u ħames astensjonijiet; dan il-marġni kien jirrappreżenta waħda mill-ikbar maġġoranzi li qatt inkisbu fl-istorja tar-Repubblika Taljana. Matul l-ewwel diskors tiegħu bħala Prim Ministru liż-żewġ Kmamar tal-Parlament Taljan, Draghi ddikjara li l-Italja ta' wara l-pandemija tal-COVID-19 kien se jkollha tgħaddi minn perjodu ta' rikostruzzjoni simili għal dak ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u li hija r-responsabbiltà tal-gvern tiegħu li jagħti bidu għal dan il-proċess. Huwa saħaq ukoll li l-gvern tiegħu kien se jadotta pożizzjoni ferm favur l-Ewropa, u enfasizza l-importanza li l-Italja tibqa' fiż-żona tal-ewro.

Fit-13 ta' Mejju, ġie mħabbar li Draghi ma kienx se jieħu s-salarju annwali tiegħu ta' €115,000 tax-xogħol tiegħu bħala Prim Ministru.

Pandemija tal-COVID-19

F'diskors lin-nazzjoni ftit wara li sar Prim Ministru, Draghi ddikjara li l-prijorità tal-gvern tiegħu kienet li jippjana t-triq tal-ħruġ mill-pandemija tal-COVID-19, u wiegħed li jorganizza mill-ġdid l-unitajiet tar-rispons għall-pandemija tal-pajjiż; fis-27 ta' Frar, Draghi ssostitwixxa lill-Kap tal-Protezzjoni Ċivili, Angelo Borrelli, ma' Fabrizio Curcio, u fl-1 ta' Marzu, huwa ssostitwixxa l-Kummissarju Straordinarju għall-Emerġenza tal-COVID-19, Domenico Arcuri, mal-Ġeneral tal-Armata Francesco Paolo Figliuolo, li ngħata l-mandat addizzjonali li jorganizza mill-ġdid u li jimplimenta l-kampanja tal-vaċċinazzjoni. Borrelli u Arcuri t-tnejn li huma kienu kkunsidrati qrib ħafna tal-eks Prim Ministru Conte.

Wara diskussjonijiet mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, Draghi ħabbar li kien qabel li jiżgura li l-vaċċini prodotti l-Italja jingħataw il-prijorità għad-distribuzzjoni lill-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea. L-għada, Draghi spiċċa fuq l-aħbarijiet internazzjonali prinċipali peress li awtorizza l-imblokkar ta' konsenja ta' 250,000 vaċċin ta' Oxford–AstraZeneca li oriġinarjament kienu maħsuba għall-Awstralja. Dan wassal għal kritika qalila mill-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison u l-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta' Draghi ġiet imfaħħra minn mexxejja Ewropej oħra, bħall-President Franċiż Emmanuel Macron. F'nofs Marzu, il-gvern Taljan ħabbar li kien se jissospendi t-tqassim tal-vaċċin ta' Oxford-AstraZeneca, wara li ħarġu rapporti li xi Taljani li ngħataw dak il-vaċċin kienu żviluppaw forom ta' trombożi fid-demm, għalkemm l-ebda każ ta' mewt ma kien ġie kkonfermat direttament minħabba l-vaċċin. Fis-16 ta' Marzu 2021, Draghi rċieva telefonata mill-President Franċiż Macron rigward is-sospensjoni tal-vaċċin ta' Astrazeneca u d-deċiżjonijiet eventwali tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini li kienu se jaslu b'mod definittiv fit-18 ta' Marzu 2021.

Fil-15 ta' Marzu 2021, Draghi impona kundizzjonijiet ta' 'lockdown totali' fuq il-maġġoranza taċ-ċittadini Taljani, l-għeluq tan-negozji meqjusa mhux essenzjali u r-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar, b'rispons għal żieda fit-trażmissjoni tal-COVID-19, għalkemm għad-differenza tal-lockdown tal-2020, il-fabbriki u xi postijiet tax-xogħol oħrajn tħallew jibqgħu miftuħin. Meta ħabba il-lockdown, Draghi wiegħed li l-programm tal-vaċċinazzjoni fl-Italja kien se jittriplika r-riżultati tiegħu f'April, biex b'hekk sa dak iż-żmien ikunu qed jitlaqqmu 500,000 ruħ kuljum. Għall-ħabta ta' dak iż-żmien, il-klassifikazzjoni tal-approvazzjoni fil-konfront ta' Draghi bħala Prim Ministru laħqet livell rekord ta' 63 % fl-istħarriġiet.

Fis-16 ta' April, matul konferenza stampa mal-Ministru għas-Saħħa Roberto Speranza, Draghi ħabbar li r-restrizzjonijiet kienu se jiġu llaxkati mis-26 ta' April, biex b'hekk ikunu jistgħu jerġgħu jiftħu l-bars u r-ristoranti, u stqarr li "kien possibbli li wieħed iħares lejn il-futur b'ottimiżmu u b'fiduċja prudenti".

Politika barranija

Mario Draghi: Ħajja bikrija u edukazzjoni, Professur u impjegat taċ-ċivil, Gvernatur tal-Bank tal-Italja 
Draghi u l-mexxejja l-oħra tad-dinja u mistednin fis-summit tal-G7 f'Cornwall, f'Ġunju 2021

Mill-bidu tal-mandat tiegħu bħala Prim Ministru, Draghi implimenta politika barranija attiva ffukata fuq il-Baħar Mediterran, it-Tramuntana tal-Afrika u l-Lvant Nofsani sabiex iżid l-influwenza tal-Italja fuq dawn iż-żoni. Fis-6 ta' April 2021, Draghi żar il-Libja, fl-ewwel vjaġġ internazzjonali tiegħu, li matulu ltaqa' mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibeh, u sostna li ried isaħħaħ ir-rabtiet mal-pajjiż Għarbi u eks kolonja tal-Italja. Il-vjaġġ kien ġie deskritt bħala tentattiv biex jitnaqqsu l-influwenzi Torok u Eġizzjani fuq il-Libja, wara tmiem il-gwerra ċivili. Jiem wara, Draghi ttikketta pubblikament lill-President Tork Recep Tayyip Erdoğan bħala "dittatur", u kkritikah b'mod aħrax għall-mod kif ġab ruħu wara laqgħa mal-mexxejja Ewropej Ursula von der Leyen u Charles Michel, li matulha, skont Draghi, huwa kien "umilja lill-President von der Leyen". Id-dikjarazzjoni kkawżat reazzjonijiet immedjati mill-gvern Tork. Il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin Mevlüt Çavuşoğlu kkonvoka lill-Ambaxxatur Taljan u ddeskriva kliem Draghi bħala "retorika populista inaċċettabbli", filwaqt li bosta membri prominenti oħra tal-Kabinett ta' Erdoğan attakkaw b'mod qawwi lil Draghi. Madankollu, Draghi ġie appoġġat minn diversi mexxejja Ewropej, inkluż mill-Kap tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber. Fl-14 ta' April, Erdoğan akkuża lil Draghi li kien "Prim Ministru maħtur u mhux elett", u ddeskriva d-dikjarazzjoni tiegħu bħala "pastaża u impertinenti".

F'Ġunju 2021, Draghi attenda l-ewwel summit tal-G7 tiegħu f'Cornwall, ir-Renju Unit. Matul il-laqgħa, Draghi mexxa d-diskussjonijiet dwar l-istrateġija biex jiġu evitati reazzjonijiet avversi tas-swieq għan-nefqa fuq stimolu. Matul is-summit, Draghi kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Istati Uniti Joe Biden. Draghi faħħar lil Biden, u qal li kien tejjeb ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.

Ħajja personali

Fl-1973, Mario Draghi żżewweġ lil Serena Cappello, esperta fil-letteratura Ingliża, u magħha kellu żewġt itfal: Federica, li ħadmet bħala direttur tal-investiment ta' Genextra Spa u membru tal-bord tal-Anġli Taljani għal Biotechis, u Giacomo, analist tal-finanzi, li ħadem bħala kummerċjant tad-derivati tar-rati tal-imgħax fil-bank tal-investiment Morgan Stanley sal-2017, u issa fil-fond ħeġġ ta' LMR Partners.

Draghi huwa Kattoliku Ruman. Irċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu mill-Ġiżwiti u huwa devot lejn San Injazju ta' Loyola. Draghi għandu djar fid-distrett ta' Parioli f'Ruma u f'Città della Pieve fl-Umbria. Huwa partitarju ta' A.S. Roma, wieħed mit-timijiet tal-futbol ta' Ruma, u Francesco Totti huwa l-plejer l-iktar għal qalbu. Barra minn hekk, huwa partitarju kbir tal-basketball.

Unuri

Unuri Taljani

  • Gran Uffiċjal tal-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika Taljana – mogħti fis-27 ta' Diċembru 1991.
  • Kavallier tal-Gran Salib tal-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika Taljana – mogħti fil-5 ta' April 2000.

Unuri barranin

  • Gran Kullar tal-Ordni tal-Prinċep Enriku – mogħti fid-19 ta' Ġunju 2019.
  • Gran Salib tal-Mertu tal-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja – mogħti fil-31 ta' Jannar 2020.

Lawriji onorarji

  • Masters Onorarju fl-Amministrazzjoni tan-Negozju (Skola tal-Immaniġġjar MIB ta' Trieste, 2004).
  • Distinzjoni Onorarja fl-Istatistika (l-Università ta' Padova, 2009).
  • Masters Onorarju fl-Amministrazzjoni tan-Negozju (Vicenza, Fondazzjoni CUOA, 2010).
  • Lawrija Onorarja fix-Xjenza Politika (Libera Università Internazionale degli Studi Sociali Guido Carli, 2013).
  • Dottorat Onorarju (l-Università ta' Tel Aviv, 2017).
  • Dottorat Onorarju fix-Xjenza Ekonomika (L-Iskola ta' Sant'Anna tal-Istudji Avvanzati, 2018).
  • Lawrija Onorarja fid-Dritt (l-Università ta' Bologna, 2018).
  • Lawrija Onorarja fix-Xjenza Ekonomika (l-Università Kattolika tal-Qalb Imqaddsa, 2019).

Referenzi

Tags:

Mario Draghi Ħajja bikrija u edukazzjoniMario Draghi Professur u impjegat taċ-ċivilMario Draghi Gvernatur tal-Bank tal-ItaljaMario Draghi President tal-Bank Ċentrali EwropewMario Draghi Prim Ministru tal-ItaljaMario Draghi Ħajja personaliMario Draghi UnuriMario Draghi ReferenziMario DraghiEkonomistaItaljaLingwa TaljanaPolitikuTaljan

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

LesotoL-Amerika t'IsfelKajrMinskPhilippiWikikwotaPapa Piju XIIMicrosoft WindowsAwwissuKarozzaKalifat AlmohadĦadidĠudaiżmuL-Amerika ta' FuqLibjaUngerijaLingwa TaljanaNazzjonaliżmuCheirolophus crassifoliusIl-MandraġġMahatma GandhiAlbanijaAlexander WolszczanAstronomuLandierSlovakkjaLuljuPremju Nobel għall-PaċiJemenDubai (belt)FeniċiUnitajiet ta' kejl MaltinEstonjaLingwa IrlandiżaGżejjer SolomonIngilterraBaħar tar-Ramel tan-NamibjaEġittuIranKopenħagenFondazzjoni WikimediaAIDSMartin Luther King Jr.ĠermanjaMunichTabibUżbekistanMalarjaIndoneżjaKelmaPajjiżi NordiċiĠappunFinlandjaTazza tad-Dinja tal-Futbol 2006ĊessEdgar de WahlDanimarkaValletta FCTim nazzjonali tal-futbol tal-ItaljaPoeta🡆 More