Pelé

Edson Arantes do Nascimento (twieled fit-23 ta' Ottubru 1940 – miet fid-29 ta' Diċembru 2022), magħruf bħala Pelé, kien plejer tal-futbol Brażiljan li kien jilgħab bħala attakkant.

Ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa fl-istorja u rikonoxxut bħala "l-aqwa" mill-organizzazzjoni tal-FIFA, hu kien fost l-aktar figuri sportivi ta' suċċess u ta' popolarità fis-seklu 20. Fl-1999 ġie mniżżel bħala l-Atleta tas-Seklu mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u inkluż fil-lista tal-mitt persuna importanti tas-seklu 20 mir-rivista Time. Ir-rekord tiegħu ta' 1,279 gowl f'1,363 logħba, inklużi logħbiet ta' ħbiberija, huwa rikonoxxut mill-Guinness World Record.

Pelé
Pelé
Pelé mal-Brażil fl-1970
Informazzjoni personali
Isem sħiħEdson Arantes do Nascimento
Twelid23 ta' Ottubru 1940(1940-10-23)
Três Corações, Brażil
Mewt29 ta' Diċembru 2020 (80 sena)
São Paulo, Brażil
Tul1.73 m
RwolAttakkant
Mixtliet
1953–1956Bauru
Karriera professjonali
SninKlabb
1956–1974Santos
1975–1977New York Cosmos
Tim nazzjonali
1957–1971Brażil

L-ewwel snin

Pelé 
Pelé għandu triq imsemmija għalih f'belt twelid ta' Três Corações, f'Minas Gerais. F'pjazza fil-belt hemm ukoll statwa prominenti tal-istess Pelé.

Pelé twieled bħala Edson Arantes do Nascimento fit-23 ta' Ottubru 1940 fi Três Corações, fl-istat ta' Minas Gerais, iben il-plejer tal-futbol ta' Fluminense Dondinho (imwieled João Ramos do Nascimento) u Celeste Arantes. Hu kien l-ikbar fost żewġt aħwa u kien imsemmi wara l-inventur Amerikan Thomas Edison. Il-ġenituri ddeċidew li jneħħu l-"i" minn ismu u jgħajtulu "Edson", però ħafna dokumenti uffiċjali juruh imniżżel bħala "Edison" minflok "Edson" minħabba żball fiċ-ċertifikat tat-twelid. Hu rċieva l-laqam "Pelé" fiż-żmien l-iskola minħabba kif kif ilissen isem il-plejer favorit tiegħu, Bilé, gowler ta' Vasco da Gama. Fl-awtobijografija tiegħu, Pelé jistqarr li ma kellu l-ebda idea x'ifisser l-isem u lanqas ħbiebu antiki.

Pelé trabba fil-povertà f'Bauru, fl-istat ta' São Paulo. Hu kien idaħħal xi ħaġa tal-flus billi jaħdem fi ħwienet tat-te. Missieru kien li introduċieh għal-logħba, għalkemm ma kellux biex jixtri ballun proprju u għalhekk kien jispiċċa jilgħab b'kalzetta mimlija gazzetti. Fit-tfulija tiegħu lagħab ma' diversi klabbs tad-dilettanti, fosthom Sete de Setembro, Canto do Rio, São Paulinho u Ameriquinha. Pelé mexxa wkoll lit-tim ta' Bauru Athletic Club (taħt il-gwida ta' Waldemar de Brito) biex jirbaħ żewġ kampjonati taż-żgħar tal-istat ta' São Paulo.

Fiż-żgħożija tiegħu kien involut ukoll ma' tim tal-futbol indoor imsejjaħ Radium, f'dixxiplina li kienet għadha fil-bidu tal-popolarità tagħha f'Bauru. Skont Pelé, l-esperjenza tiegħu fil-futbol indoor ippreżentat sfidi differenti kkumparata mal-futbol fuq il-ħaxix hekk kif il-plejers kellhom jaħsbuha aktar mal-ewwel minħabba li kulħadd hu qrib xulxin fil-grawnd. Pelé semma wkoll il-futsal bħala dixxiplina li għenitu jitjieb fil-logħba, fejn fost oħrajn ħallietu jilgħab kontra persuni adulti meta hu kien għadu biss erbatax-il sena. F'waħda mill-kompetizzjonijiet, għall-bidu kien meqjus bħala żgħir wisq biex jipparteċipa, però spiċċa l-aqwa skorer b'erbatax jew ħmistax-il gowl.

Karriera mal-klabbs

Santos

Fl-1956, de Brito ħa lil Pelé lejn Santos, belt industrijali qrib São Paulo, sabiex jipprova mal-klabb professjonali ta' Santos FC. Pelé impressjona lill-kowċ ta' Santos Lula matul il-prova tiegħu u ffirma kuntratt professjonali mal-klabb f'Ġunju tal-1956. Id-debutt mal-ewwel tim seħħ fis-7 ta' Settembru 1956 fl-età ta' ħmistax-il sena kontra Corinthians de Santo André u ħalla l-marka bl-ewwel gowl tiegħu f'rebħa ta' 7–1.

Meta beda l-istaġun 1957, Pelé ingħata post mat-tim tal-kbar u ta' sittax-il sena sar l-aqwa skorer tal-kampjonat. Għaxar xhur wara li ffirma l-kuntratt professjonali, iż-żgħażugħ ġie msejjaħ mat-tim nazzjonali Brażiljan. Wara t-Tazza tad-Dinja tal-1958 u l-1962, diversi klabbs kbar Ewropej bħal Real Madrid, Juventus u Manchester United ipprovaw iġibu l-firma tiegħu mingħajr suċċess. Fl-1958, il-klabb Taljan ta' Inter kien wasal sal-kuntratt, imma Angelo Moratti kellu jxolji l-kuntratt wara rikjesta tal-president ta' Santos minħabba rivolta mill-partitarji. L-Ispanjoli ta' Valencia kienu waslu fi qbil li jġib lil Pelé wara t-Tazza tad-Dinja tal-1958, però l-prestazzjonijiet tiegħu matul l-istess turnew ħallew lil Santos l-ebda għażla milli li jirrifjutaw milli jħallu 'l-plejer jitlaq. Fl-1961, il-gvern Brażiljan taħt it-tmexxija tal-President Jânio Quadros iddikjara li Pelé kien "teżor nazzjonali uffiċjali" sabiex ma jħalli l-ebda trasferiment barra l-pajjiż.

Pelé 
Pelé ma' Santos fin-Netherlands f'Ottubru tal-1962

Pelé rebaħ l-ewwel titlu maġġuri ma' Santos fl-1958 bir-rebħ tal-Campeonato Paulista; hu kien l-aqwa skorer bi 58 gowl, rekord li għadu jżomm sal-lum. Sena wara, hu għen lit-tim jirbaħ it-Torneio Rio–São Paulo għall-ewwel darba b'rebħa ta' 3–0 fuq Vasco da Gama. Madanakollu, Santos naqsu milli jiddefendu t-titlu tal-Paulista. Fl-1960, Pelé skorja 33 gowl fit-triq lejn ir-rebħ mill-ġdid tal-Campeonato Paulista, però spiċċaw fit-tmien post tat-Torneio Rio–São Paulo. Fl-istaġun 1961, Pelé skorja 47 gowl u għal darb'oħra Santos rebħu l-Paulista. Santos rebħu wkoll fl-istess sena t-Taça Brasil meta fil-finali għelbu lil Bahia; Pelé skorja l-aktar gowls fil-kompetizzjoni b'disa' gowls. Dan it-trijonf wasslet sabiex Santos jipparteċipaw fil-Copa Libertadores, l-iktar turnew għall-klabbs prestiġjuż fl-emisferu tal-Punent.

L-istaġun l-iktar ta' suċċess għal Santos fil-Copa Libertadores kien fl-1962; it-tim kien imtella' fl-ewwel grupp flimkien ma' Cerro Porteño u Deportivo Municipal Bolivia fejn rebħu l-logħbiet kollha minbarra dro ta' 1–1 kontra Cerro barra minn darhom. Fis-semifinali Santos għelbu lil Universidad Católica u affaċċjaw liċ-ċampjins attwali Peñarol fil-finali. Minħabba li wara żewġ legs spiċċaw fi skor aggregat ta' 4–4, fil-logħba ta' spareġġ li ntlagħbet tat-30 ta' Settembru, Pelé skorja darbtejn hekk kif Santos saru l-ewwel klabb Brażiljan li rebaħ dan it-titlu kontinentali. F'dik l-istess sena, Santos iddefendew ukoll it-titlu tal-Campeonato Paulista (37 gowl għal Pelé) u t-Taça Brasil (Pelé skorja erba' gowls fil-finali kontra Botafogo). Santos rebħu wkoll it-Tazza Interkontinentali tal-1962 kontra Benfica, fejn bil-flokk numru għaxra, Pelé wettaq waħda mill-aqwa prestazzjonijiet tal-karriera tiegħu meta skorja tripletta f'Liżbona hekk kif Santos rebħu 5–2.

Pelé 
Pelé qabel il-logħba kontra Boca Juniors fil-Copa Libertadores tal-1963.

Bħala d-detenturi tat-titlu, Santos ikkwalifikaw awtomatikament għas-semifinali tal-Copa Libertadores tal-1963. Pelé skorja erba' gowls fiż-żewġ legs kontra Botafogo, li kienu jinkludu lil ġganti Brażiljani bħal Garrincha u Jairzinho, inkluż il-gowl tad-dro fl-aħħar minuta tal-ewwel leg u tripletta fit-tieni leg fir-rebħa ta' 4–0 fl-Estadio do Maracanã. Fil-finali fuq żewġ legs kontra Boca Juniors, Santos rebħu ż-żewġ logħbiet 3–2 u 2–1 rispettivament, u Pelé skorja wieħed minnhom. B'din ir-rebħa Santos saru l-ewwel (u l-uniku) tim Brażiljan li għolla l-Copa Libertadores ġewwa l-Arġentina. Santos tilfu l-Campeonato Paulista meta spiċċaw it-tielet imma rebħu t-Torneio Rio–São Paulo wara rebħa ta' 3–0 fuq Flamengo. Pelé għen ukoll fir-rebħ tat-Tazza Interkontinentali u tat-Taça Brasil kontra Milan u Bahia.

Fil-Copa Libertadores tal-1964, Santos ġew megħluba fuq żewġ legs fis-semifinali minn Independiente. Il-klabb rebaħ il-Campeonato Paulista b'Pelé jiskorja 34 gowls. Santos qasmu wkoll it-titlu ta' Rio-São Paulo flimkien ma' Botafogo u rebħu t-Taça Brasil għar-raba' sena konsekuttiva. Fil-Libertadores tas-sena ta' wara, Santos reġgħu waslu fis-semifinali u ltaqgħu ma' Peñarol, l-istess klabb li kienu għelbu fil-finali tal-1962. Wara dro ta' 7–7 wara żewġ legs, fil-logħba ta' spareġġ Peñarol ħarġu rebbieħa 2–1. Pelé, madanakollu, spiċċa l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni bi tmien gowls.

Fl-1966, Pelé u Santos reġgħu fallew milli jirbħu t-Taça Brasil hekk kif il-gowls tal-istess Pelé ma kienux biżżejjed meta sfaw telliefa b'riżultat ta' 9–4 kontra Cruzeiro. Il-klabb min-naħa l-oħra rebaħ tliet titli infila tal-Campeonato Paulista bejn l-1967 u l-1969. Nhar id-19 ta' Novembru 1969, Pelé skorja l-elf gowl tiegħu f'kull kompetizzjoni b'gowl minn penalty kontra Vasco da Gama, gowl li baqa' msemmi bħala O Milésimo (L-Elf).

Wara dsatax-il staġun ma' Santos, Pelé irtira mil-logħba Brażiljana. Is-643 gowl għal Santos kien l-iktar numru ta' gowls skorjati minn plejer f'isem klabb sakemm dan ir-rekord ġie maqbuż f'Diċembru tal-2020 minn Lionel Messi għal Barcelona.

New York Cosmos

Pelé 
Pelé jidħol fil-grawnd għad-debutt man-New York Cosmos nhar il-15 ta' Ġunju 1975.

Wara l-istaġun tal-1974, Pelé ħalla 'l-futbol Brażiljan għalkemm xorta waħda kien jilgħab xi drabi f'xi logħbiet uffiċjali għal Santos. Sena wara hu ssieħeb ma' New York Cosmos. Fil-konferenza stampa tal-preżentazzjoni, il-kelliem tal-klabb għall-istampa stqarr "Kellna ħafna stilel fl-Istati Uniti però l-ebda minnhom fil-livell ta' Pelé. Kulħadd ried imissu, joħodlu b'idejh, jieħu ritratt miegħu". Minkejja li ma kienx għadu fl-aqwa tiegħu, il-wasla ta' Pelé ġabet interess qawwi fil-logħba tal-futbol fl-Istati Uniti.

Pelé għamel id-debutt tiegħu mal-Cosmos fil-15 ta' Ġunju 1975 kontra Dallas Tornado fejn skorja gowl fi dro ta' 2–2. Pelé fetaħ il-bieb għal numru ta' stilel oħra biex jilgħabu fl-Amerika ta' Fuq, fosthom Giorgio Chinaglia, Franz Beckenbauer u sieħbu ma' Santos Carlos Alberto. Fis-snin li segwew, plejers oħrajn ta' kalibru bdew jilgħabu fil-kampjonat inklużi Johan Cruyff, Eusébio, Bobby Moore, George Best u Gordon Banks.

Fit-tielet u l-aħħar staġun ma' Cosmos hu wassal lill-klabb għas-Soccer Bowl tal-1977, il-finali li kienet tiddetermina r-rebbieħ tal-kampjonat. Din il-finali tat-28 ta' Awwissu 1977, mirbuħa minn Cosmos 2–1 fuq Seattle Sounders, kellha tkun l-aħħar logħba uffiċjali ta' Pelé. Fl-1 ta' Ottubru tal-istess sena, Pelé għalaq il-karriera tiegħu b'logħba ta' ħbiberija bejn Cosmos u Santos. Il-logħba ntlagħbet quddiem grawnd mimli tal-Giants Stadium. Għal din il-logħba, Pelé lagħab nofs ma' Cosmos u n-nofs l-ieħor ma' Santos. Il-logħba ntemmet f'rebħa ta' 2–1 għal Cosmos, b'Pelé jiskorja free-kick għal Cosmos f'dak li kellu jkun l-aħħar gowl tal-karriera.

Karriera internazzjonali

L-ewwel logħba internazzjonali ta' Pelé mat-tim nazzjonali tal-Brażil kienet it-telfa ta' 2–1 kontra l-Arġentina nhar is-7 ta' Lulju 1957 fil-Maracanã. F'dik il-logħba hu skorja l-ewwel gowl tiegħu għall-Brażil ta' sittax-il sena, l-iżgħar skorer għal pajjiżu.

Tazza tad-Dinja 1958

Pelé 
It-tfajjel Pelé jibki fuq spallejn il-gowler Gilmar wara l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1958.

Pelé wasal l-Iżvezja għat-Tazza tad-Dinja tal-1958 b'korriment f'irkuptejh. L-ewwel logħba tiegħu kienet kontra l-Unjoni Sovjetika fit-tielet logħba tal-ewwel fażi, fejn assista t-tieni gowl ta' Vavá. Din il-parteċipazzjoni għamiltu l-iżgħar plejer li qatt ħa sehem f'Tazza tad-Dinja sa dak iż-żmien. L-ewwel gowl tiegħu fit-Tazza tad-Dinja wasal fil-kwarti tal-finali kontra Wales li kien biżżejjed biex jassigura lill-Brażil bil-passaġġ għar-rawnd ta' wara. Dan il-gowl għamlu l-iżgħar skorer ta' kull żmien fil-kompetizzjoni meta wasal fl-età ta' sbatax-il sena u 239 jum. Kontra Franza fis-semifinali, il-Brażil daħlu jistrieħu wara l-ewwel taqsima 2–1 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Pelé skorja tripletta biex sar l-iżgħar plejer li qatt skorja tliet gowls f'logħba waħda fl-istorja tal-kompetizzjoni.

Fid-29 ta' Ġunju 1958, Pelé sar l-iżgħar plejer li qatt lagħab f'finali tat-Tazza tad-Dinja ta' sbatax-il sena u 249 jum. Hu skorja żewġ gowls għall-Brażil fit-trijonf finali kontra l-Iżvezja fi Stokkolma. L-ewwel gowl tiegħu, fejn qabbeż il-ballun fuq difensur u mbagħad tefgħu fir-rokna tax-xibka, kien magħżul fost l-aqwa gowls fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja. Hu temm it-turnew bħala l-aqwa skorer flimkien mal-Franċiż Just Fontaine, b'sitt gowls minn erba' logħbiet, u kien innominat bħala l-aqwa plejer żagħżugħ tat-turnew.

Referenzi

Biblijografija

Ħoloq esterni

  • Pelé – rekord kompetittiv tal-FIFA (arkivjat) Pelé 
  • Pelé fuq National-Football-Teams.com Pelé 

Tags:

Pelé L-ewwel sninPelé Karriera mal-klabbsPelé Karriera internazzjonaliPelé ReferenziPelé BiblijografijaPelé Ħoloq esterniPeléAttakkantBrażilFIFAFutbol

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

FeniċiAntonio VivaldiGħasfurNizzaRwandaFrankfurt am MainIraqMoskaEmirati Għarab MagħqudaDiċembruMedjuevuImperu OttomanStat IżlamikuGrammaJannarAwstraljaĊikliżmuCoronavirusŻvezjaMyriam Spiteri DebonoKittiebPoetaPitturaNiġerGrammatika MaltijaPajjiżKrakovjaKnisja KattolikaUnitajiet ta' kejl MaltinBariKorea ta' FuqSit ta' Wirt DinjiIżlamBelt tal-VatikanL-element semitiku fil-MaltiEwropaL-Innu MaltiBorgwardKrak des ChevaliersIl-Għanja tar-RebħaTim nazzjonali tal-futbol tal-ItaljaĊekjaKartaġniInjamBulgarijaTabibAfganistanEwropa t'IsfelDe factoIżraelPawlu CremonaPremju Nobel għall-PaċiOssiġenuPolonjaAda LovelaceGżejjer SolomonMahatma GandhiGżejjer PitcairnGżejjer MarshallMartin Luther King Jr.CuraçaoGinea🡆 More