L-Imperu Ruman hu t-terminu li jintuża għal għaqda ta' artijiet li kienu parti mir-Repubblika Rumana, wara li dan ġie riorganizzat taħt it-tmexxija ta' Ottavjanu, magħruf aħjar bħala Ċesri Awgustu.
Anki jekk Ruma bħala repubblika rnexxielha tkabbar ammont ta' stati-tributarji, ikun żball jekk wieħed iħawwad dawn iż-żewġ entitajiet differenti.
Ir-riorganizzazzjoni tal-artijiet Rumani minn Awgustu baqgħet għaddejja sħiħa mingħajr ħafna tibdil sal-wasla tal-Imperatur Dijokleżjanu. Dawn ir-riformi li saru fl-aħħar tat-tieni seklu WK dawru l-Imperu f'tetrarkija. Anki jekk is-sistema ta' Dijokleżjanu ma tantx damet f'postha, din xorta qasmet l-Imperu fi tnejn. Dan il-fatt irnexxielu jsalva l-Imperu Ruman għal mitejn sena oħra, anki jekk maqsum fl-Imperu tal-Lvant u dak tal-Punent. It-tmiem tal-Imperu Ruman tal-Punent jinżamm tradizzjonalment fis-sena 476 WK, meta l-barbaru Odovakru neħħa l-aħħar imperatur, u bagħat l-insinja tal-Imperatur tal-Punent lil dak tal-Lvant. Wara elf sena oħra, fl-1453, waqgħet Kostantinopli, u magħha l-aħħar fdalijiet tal-Imperu Ruman.
Minħabba l-fatt li l-Imperu Ruman dam għal daqstant żmien, mill-31 QK sa l-1453, kien hemm ammont ta' ismijiet li ntużaw mill-istorjografi biex jiddistingwu bejn iż-żminijiet; hemm l-Imperu Biżantin, hemm l-Imperu Ruman tal-Punent, u dak tal-Lvant.
L-influwenza tal-Imperu Ruman fuq il-gvern, il-liġi, il-militar, u l-arkitettura monumentali, kif ukoll influwenza fuq il-mod ta' għajxien tal-Ewropej tal-lum hi kbira ħafna. Il-Griegi (Biżantini) bdew isejħu lilhom infusom bħala Rumani, ħaġa li għadek issibha f'ċerti nħawi tal-Greċja, probabbilment bħala riżultat tal-istatus elevat tagħhom stess fl-Imperu Ruman.
Titli Rumani bdew jittieħdu minn ħafna renjanti Ewropej, bħar-rejiet tar-renju tal-Franki, l-Imperu Ruman Qaddis, l-ewwel u t-tieni Imperi Bulgari, id-dinastiji Russi/ta' Kiev (czar hi korruzzjoni ta' Ċesri), u l-Imperu Ġermaniż (kaiser hi korruzzjoni ta' Ċesri wkoll).
This article uses material from the Wikipedia Malti article Imperu Ruman, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.