Alessandru Manju (bil-Grieg: Αλέξανδρος ο Μέγας jew Μέγας Aλέξανδρος, magħruf ukoll bħala Alessandru III tal-Maċedonja), kien ġeneral kbir li ġie mill-Maċedonja fin-naħa ta' fuq tal-Greċja, u kiseb imperu kbir.
Dan l-imperu kien jibda mill-Maċedonja, jinżel fl-Asja Minuri, jgħaddi mal-baħar sakemm jasal fl-Eġittu, u jispiċċa max-xmara Jhelum, li kienet timmarka l-bidu tan-nazzjon tal-Indja.
Alessandru Manju Μέγας Aλέξανδρος | |
---|---|
Alessandru jiġġieled lir-re Persjan Darju III. Mill-Mużajk ta' Alessandru, minn Pompej, Napli, Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Napli. | |
Renju | 336 - 323 q.K. |
Twelid | 20 ta' Lulju 356 q.K. |
Post tat-twelid | Pella, Renju tal-Maċedonja |
Mewt | 11 ta' Ġunju 323 q.K. (32 sena) |
Post tal-mewt | Babilonja |
Predeċessur | Filippu II |
Suċċessur | Alessandru IV |
Nisa | Rossana Statejra II |
Dixxendenti | Alessandru IV |
Missier | Filippu II |
Omm | Olimpja ta' Epiru |
Alessandru twieled fl-20 ta' Lulju, fis-sena 356 Q.K. f'Pella, il-belt kapitali tal-Maċedonja. Missieru kien Filippu t-tieni, ir-re tal-Maċedonja, u ommu kienet Olimpja, ir-reġina. Oħtu minn ommu kien jisimha Kleopatra, iżda kellu aħwa oħra minn missieru, bħal Tessalonika, Ċinene u Filippu t-tielet.
Insibu ħafna rakkonti ta' meta kien żgħir li juru li kellu l-potenzjal li jsir re kbir. Eżempju huwa r-rakkont ta' meta kien qiegħed ma' missieru jara rkant taż-żwiemel u raw żiemel b'saħħtu li ma ried iħalli lil ħadd jirkbu. Alessandru nduna li ż-żiemel kien qiegħed jibża minn dellu, u qal lil missieru li kien se jipprova jirkbu u jimmansah. Missieru rrispondieh li jekk jirnexxilu kien se jixtrihulu. Għalhekk Alessandru pprova jirkeb iż-żiemel billi jiġbidlu rasu ħalli ma' jkunx jista' jħares lejn dellu. Iż-żiemel ma baqax jibża' u ħalla lil Alessandru jirkbu. Liż-żiemel, Alessandru ta l-isem ta' Buċefalu, u dan kien dejjem miegħu fil-konkwisti tiegħu. Fil-fatt, meta miet Alessandru beka ħafna u semma' belt għalih.
Storja oħra li għandha x'taqsam mat-tempju ta' Artemi f'Efesu. L-Istorja tgħid li fil-lejl li twieled Alessandru, it-tempju ħa n-nar minħabba li l-allat Griegi kienu wisq attenti biex jaraw lil Alessandru jitwieled milli biex jipproteġu t-tempju.
Il-ġenituri ta' Alessandru kienu jafu li kellhom jippreparawħ u għalħekk missieru ġab lill-filosfu Aristotli biex ikun jista' jgħallem lit-tifel u jippreparah għall-ħajja li kien se jkollu quddiemu. Aristotli kien jgħin lil Alessandru biex jifhem kif kellu jiggverna lil pajjiżu.
Alessandru kien ikollu wkoll it-twemmin u l-konsolazzjonijiet tiegħu. Kien jemmen li kien ġej mill-eroj kbir Akille permezz ta' ommu u minn Erakle permezz ta' missieru. Għalih, il-fatt li kien inzerta t-taħlita ta' dawn iż-żewg eroj kbar kellu jfisser li huwa kellu jkun kbir ukoll. Anke minn meta kien żgħir, Alessandru kien jħobb jaqra l-Ilijade, għaliex kellu kopja tagħha, li kienet mogħtija lilu minn Aristotli. Din il-kopja kien iżommha taħt l-imħadda tiegħu flimkien ma' stalett, għaliex ried jipproteġi lilu nnifsu fil-każ ta' xi konfoffa li setgħet tiġri.
Meta kienet is-sena 340 qabel Kristu, Alessandru kien diġà ġie mgħallem minn missieru kif jiddirieġi t-truppi f'battalja, u anke kien jaħdem ta' wieħed mill-ġenerali ta' missieru. F'din is-sena wkoll, Filippu attakka l-belt ta' Biżanzju, filwaqt li ħalla lil ibnu bhala reġġent tat-tron tiegħu. Dan juri li Alessandru diġà seta' jipprattika kif kellu jmexxi pajjiżu meta hu kellu jkun re.
This article uses material from the Wikipedia Malti article Alessandru Manju, which is released under the Creative Commons Attribution-ShareAlike 3.0 license ("CC BY-SA 3.0"); additional terms may apply (view authors). Il-kontenut huwa disponibbli taħt il-liċenzja CC BY-SA 4.0 sakemm mhux indikat mod ieħor. Images, videos and audio are available under their respective licenses.
®Wikipedia is a registered trademark of the Wiki Foundation, Inc. Wiki Malti (DUHOCTRUNGQUOC.VN) is an independent company and has no affiliation with Wiki Foundation.