Bibbja

Il-Bibbja (mill-Grieg βιβλία, jew biblìa, li tfisser kotba) hu l-ktieb mqaddes tar-reliġjon Lhudija u tar-reliġjon Nisranija.

Bibbja
Bibbja antika ta' Gutenberg

Dawk li jemmnu li nkitbet taħt ispirazzjoni divina jsejħulha wkoll il-Kitba Mqaddsa jew l-iSkrittura Sagra.

Hi magħmula minn kotba differenti fl-oriġni, forma u kompożizzjoni, miktubin fuq firxa twila ta’ żmien, preċeduti minn tradiżżjoni orali ftit jew wisq twila. Jekk ngħoddu wkoll il-proċess ta’ kodifikazzjoni tal-kanoni bibliku, it-testi bibliċi ħadu iżjed minn elf sena biex jinkitbu.

Mal-Bibbja Lhudija l-Kristjaneżmu żied bosta kotba, tant li l-Bibbja kellha tinqasam fit-Testment il-Qadim (jew Rabta l-Qadima), li t-testi tiegħu inkitbu qabel il-ministeru ta’ Ġesú Kristu, u t-Testment il-Ġdid (jew Rabta l-Ġdida), li jiddeskrivi "l-aħbar tajba" tal-miġja tal-Messija.

Bibbja Lhudija u Samaritana

Bibbja 
Manuskritt tal-Pentatewku Samaritan ta’ Nablus (seklu XIII).

Il-terminu "Bibbja Lhudija" s-soltu jintuża biex ifisser it-testi mqaddsa tar-reliġjon Lhudija. Però dan mhux sewwa għax l-etimologija ta’ Bibbja hi Griega (= kotba), u dan it-terminu mhux aċċettat mis-segwaċi tal-monoteiżimu Lhudi. It-terminu li jużaw dawn hu Tanak, li mhux kelma bl-ilsien Lhudi imma akronimu (T-N-K) magħmul mill-inizjali tal-partijiet li fihom inġabru is-36 ktieb:

  • Torah (Liġi jew Tagħlim; Pentatewku 5 rombli bil-Grieg)
  • Nevi'im (Profeti)
  • Ketuvim (Kitbiet; Aġjografi kitbiet imqaddsa bil-Grieg)

Il-kotba kollha tal-Bibbja Lhudija nkitbu bil-Lhudi ħlief xi partijiet żgħar li inkitbu bl-Aramajk.

Fost il-Lhud ta’ l-antik, xi friegħi, in partikulari, is-sadduċej, kienu jqisu it-Torah biss bħala qaddisa, u mill-qedem is-samaritani kellhom pożizzjoni simili u kienu jqisu bħala kanoniċi il-Pentatewku u l-ktieb ta’ Ġoswè biss.

Il-komunitajiet Lhudin antiki tal-lingwa Griega, issa estinti, kienu jsegwu minflok kanoni iżjed miftuħ mill-kanoni Lhudi ta’ issa, dak li jgħidulu l-kanoni alessandrin, li ġej mill-verżjoni tas-Sebgħin tal-Bibbja. Fl-ewwel seklu WK, il-kanoni palestiniż, iżjed ristrett minn dak alessandrin, kien meqjus definittiv.

Bibbja Nisranija

Il-Bibbja Nisranija fiha it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, li hu speċifikament Nisrani, jiġifieri għandu x’jaqsam ma’ Ġesù Kristu u t-twelied tal-Knisja appostolika.

Il-parti l-kbira tal-knejjes protestanti għat-Testment Antik isegwu il-kanoni Lhudi waqt li l-Knisja Kattolika u l-knejjes ortodossi jsegwu minflok il-kanoni alessandrin (b’xi differenzi), li fih kotba bil-Lhudi kif ukoll bill-Grieg. Il-kotba li ma jappartienux għall-kanoni tal-Bibbja Lhudija jgħidulhom dewterokanoniċi mill-Kattoliċi u apokrifi mill-protestanti li ħafna drabi idaħħluhom bħala appendiċi separati bejn iż-żewġ testmenti.

Anki għat-Testment il-Ġdid, miktub bil-Grieg (ħlief forsi l-evanġelju ta’ Mattew li jista’ jkun li nkiteb bil-Lhudi jew Aramajk), fl-antik kien hemm differenzi bejn il-knejjes fuq in-numru tal-kotba li aċċettaw bħala ispirati. In partikulari kien hemm xi dubbji fuq l-epistoli mhux attribwiti ta’ Pawlu ta’ Tarsu u fuq l-Apokalissi. Il-kotba kontroversjali tat-Testment il-Ġdid kienu jgħidulhom antilegomena.

It-Testament il-Qadim

It-taqsim tradizzjonali Nisrani hu f’ħames partijiet, jiġifieri il-Pentatewku, il-Kotba Profetiċi (ta' Kmieni = Kotba Storiċi u tat-Tard = profetiċi proprja), Kitba (jew Kotba ta’ l-Għerf), Dewterokanoniċi. In-numru tal-kotba jvarja skond il-kanoni diversi (Lhudi, protestant, kattoliku, ortodoss). Fit-tabella, barra l-ordinazzjoni Lhudija, nżommu ordni loġiku:


Kanoni Lhudi Kanoni ortodoss Kanoni Kattoliku Kanoni protestant (apokrifu*)
Torah jew Pentatewku
בראשית (Berexìt = Fil-Bidu) Γένεσις (Génesis = Oriġni) Genesis - Ġenesi Genesi
שמות (Xemòt = Ismijiet) Έξοδος (Èxodos = Ħarġa) Exodus - Eżodu Eżodu
ויקרא (Wajqrà = U Sejjaħ) Λευιτικό (Levitikó = Levitiku) Leviticus - Levitiku Levitiku
במדבר (Bemidbàr = Fid-Deżert) Αριθμοί (Aritmòi = Numri) Numeri - Numri Numri
דברים (Devarìm = Kliem) Δευτερονόμιο (Deuteronòmio = It-Tieni Liġi) Deuteronomium - Dewteronomju Dewteronomju
Profeti ta' Kmieni jew Kotba storiċi
יהושע (Jehoxwa') Ιησούς (Iesús) Iosue - Ġożwè Ġożwè
שופטים (Xofetìm - Mħallfin) Κριτές (Krités – Mħallfin) Iudicum - Mħallfin Mħallfin
שמואל (Samwél) A' Σαμουήλ (1 Samuèl –Samwel 1) jew A' Βασιλέων (1 Basiléon – Slaten 1) 1 Samuel - Samwel 1 Samwel 1
B' Σαμουήλ (2 Samwél–Samwel 2) jew B' Βασιλέων (2 Basiléon – Slaten 2) 2 Samuel - Samwel 2 Samwel 2
ספר מלכים (Sèfer Malkìm – Ktieb tas-Slaten) A' Βασιλέων (1 Basiléon - Slaten 1) jew Γ' Βασιλέων (3 Basiléon - Slaten 3) 1 Regum - Slaten 1 Slaten 1
B' Βασιλέων (2 Basiléon - Slaten 2) jew Δ' Βασιλέων (4 Basiléon - Slaten 4) 2 Regum - Slaten 2 Slaten 2
Profeti tat-Tard: Profeti kbar
ישעיהו (Ixa'ihàw) Ησαΐας (Esaìas) Isaias - Isaija Isaija
ירמיהו (Jermihàw) Ιερεμίας (Ieremías) Ieremias - Ġeremija Ġeremija
יחזקאל (Jehżqè'l) Ιεζεκιήλ (Iezekiél) Ezechièl - Eżekjel Eżekjel
Profeti tat-Tard: Profeti żgħar jew Tnax
הושע (Hoxè'a) Ωσηέ (Oseé) Osee - Hosegħa Hosegħa
יואל (Joèl) Ιωήλ (Ioél) Ioel - Ġoel Ġoel
עמוס ('Amòs) Αμώς (Amós) Amos - Għamos Għamos
עובדיה ('Obadiàh) Αβδιού (Abdiú) Abdias - Għabdija Għabdija
יונה (Jonàh) Ιωνάς (Ionás) Ionas - Ġona Ġona
מיכה (Mikà) Μιχαίας (Michaías) Michaeas - Mikea Mikea
נחום (Nahùm) Ναούμ (Naúm) Nahum - Naħum Naħum
חבקוק (Habaqqùq) Αβακούμ (Abakùm) Habacuc - Ħabakkuk Ħabakkuk
צפניה (Zefanjàh) Σοφονίας (Sofonìas) Sophonias - Sofonija Sofonija
חגי (Haggài) Αγγαίος (Aggaíos) Aggaeus - Ħaggaj Ħaggaj
זכריה (Zekarjàh) Ζαχαρίας (Zacharías) Zacharias - Żakkarija Żakkarija
מלאכי (Mal'aki) Μαλαχίας (Malachías) Malachias - Malakija Malakija
Kitba
תהילים (Tehillìm - Salmi) Ψαλμοί (Psalmòi - Salmi) + Sal 151 Psalmi - Salmi Salmi
משלי (Mixlè - Qwiel) Παροιμίες (Paroimíes - Qwiel) Prouerbia - Qwiel Qwiel
איוב ('Iòb) Ιώβ (Iòb) Iob - Ġob Ġob
שיר השירים (Xìr hasxirìm - L-Għanja ta’ l-Għanjiet) Άσμα Ασμάτων (Ásma asmáton – L-Għanja ta’ l-Għanjiet) Canticum (canticorum) - L-Għanja ta’ l-Għanjiet L-Għanja ta’ l-Għanjiet
רות (Rut) Ρουθ (Rùth) Ruth - Rut Rut
איכה ('Ekàh - Ajma) Θρήνοι (Thrénoi - Lamentazzjonijiet) Lamentationes - Lamentazzjonijiet Lamentazzjonijiet
קהלת (Qohèlet - Kohelet) Εκκλησιαστής (Ekklesiastés - Kohelet) Ecclesiastes - Koħelet jew Ekklesjasti Ekklesjasti
אסתר (Estèr) Εσθήρ (Esthér) Esther - Ester Ester
- Xi żieda ma’ Ester Ester passim Ester passim*
דניאל (Dani'èl) Δανιήλ (Danièl) Daniel - Danjel Danjel
- Xi żieda ma’ Danjel Danjel kap. 3; 13; 14 Danjel kap. 3;13;14*
- Έσδρας A' (1 Ésdras) Esdra greco* o 3 Esdra* 1 Esdra*
עזרא ('Ezrà) jinkludi נחמיה (Nehemjàh) Έσδρας B' (2 Ésdras) Esdra - Esdra Esdra
Νεεμίας (Neemías) jew Έσδρας Γ' (3 Ésdras) Nehemia - Neħemija Neħemija
- Έσδρας Δ' * 4 Esdra* jew Apokalissi ta’ Esdra* 4 Esdra*
דברי הימים (Debarè hajomim - Cose dei giorni) A' Παραλειπομένων (1 Paraleipoménon - 1 Omissioni) 1 Paralipomenon - Kronaki 1 Kronaki 1
B' Παραλειπομένων (2 Paraleipoménon - 2 Omissioni) 2 Paralipomenon - Kronaki 2 Kronaki 2
- Ωδαι (Odai - Odi) - Odi*
Dewterokanoniċi
- Τοβίτ (Tobít) Tobit - Tobija Tobija*
- Ιουδίθ (Iudíth) Iudith - Ġuditta Ġuditta*
- A' Μακκαβαίων (1 Makkabáion) 1 Machabaeorum - Makkabin 1 Makkabin 1*
- B' Μακκαβαίων (2 Makkabáion) 2 Machabaeorum - Makkabin 2 Makkabin 2*
- Γ' Μακκαβαίων (3 Makkabáion) - -
- Δ' Μακκαβαίων (4 Makkabáion) - -
- Σοφία Σολομώντος (Sofía Solomóntos – Għerf ta’ Salamun) Sapientia - Għerf Għerf*
- Σοφία Σειράχ (Sofía Seirách – Għerf ta’ Sirach) Siracides - Siraċidi Siraċidi*
- Βαρούχ (Barúch) Baruch - Baruk Baruk*
- Επιστολή Ιερεμία (Epistolé Ieremía) Epistula Ieremiae - Ittra ta’ Ġeremija jew Baruk kap. 6 Ittra ta’ Ġeremija jew Baruk kap. 6*

It-testi li l-protestanti jgħidulhom "apokrifi" ma jikunsidrawhomx bħala kanoniċi imma ssoltu jżiduhom bħala appendiċi mal-Bibbji (pereżempju il-Bibbja ta’ Luteru jew il-Bibbja tar-Re Ġakmu ta’ l-Ingilterra) biex, għalkemm ma jistgħux ikunu ta’ sisien għall-fidi, jistgħu ikunu utli biex isaħħu l-pjetà ta’ l-insara. F’ħafna edizzjonijiet moderni però, l-iżjed f’edizzjonijiet iżjed kompatti u ekonomiċi, iħalluhom barra għal kollox.

It-Testament il-Ġdid

It-Testment il-Ġdid li jagħmel parti mill-Bibbja Nisranija biss, kien miktub oriġinarjament bil-Grieg b’ħafna semitiżmi, hu magħmul mill-erba’ Evanġelji, l-ittri ta’ l-appostlu Pawlu, l-Ittri Kattoliċi, l-Atti tal-Appostli u l-Apokalissi, b’total ta’ 27 ktieb. Hemm qbil sostanzjali bejn id-diversi konfessjonijiet Insara (kattolika, ortodossa, protestanta) fuq in-numru u l-ordni tal-kotba, bl-unika differenza li fl-ordni Luteran l-aħħar kotba huma d-dewterokanoniċi, jiġifieri l-ittra lil-Lhud, l-ittri ta’ Ġakbu u ta’ Ġuda u l-Apokalissi, jiġifieri l-ittra lil-Lhud hi separata mill-ittri l-oħra Pawlini u l-ittri ta’ Ġakbu u ta’ Ġuda huma mifrudin mill-ittri kattoliċi.

  • Erba’ Evanġelji:
    • Evanġelju skont Mattew
    • Evanġelju skont Mark
    • Evanġelju skont Luqa
    • Evanġelju skont Ġwanni
  • Atti ta' l-Appostli
  • Ittri ta’ San Pawl:
    • Ittra lir-Romani
    • L-ewwel ittra lill-Korintin
    • It-tieni ittra lill-Korintin
    • Ittra lill-Galatin
    • Ittra lill-Efesin
    • Ittra lill-Filippin
    • Ittra lill-Kolossin
    • L-ewwel ittra lit-Tessalonkin
    • It-tieni ittra lill-Tessalonkin
    • L-ewwel ittra lil Timotju
    • It-tieni ittra lil Timotju
    • Ittra lil Titu
    • Ittra lil Filemon
  • Ittra lil-Lhud
  • Ittri kattoliċi:
    • Ittra ta’ Ġakmu
    • L-ewwel ittra ta’ Pietru
    • It-tieni ittra ta’ Pietru
    • L-ewwel ittra ta’ Ġwanni
    • It-tieni ittra ta’ Ġwanni
    • It-tielet ittra ta’ Ġwanni
    • Ittra ta’ Ġuda
  • Apokalissi jew Rivelazzjoni (isem protestant)

Forom letterarji

Il-Bibbja fiha bosta forom letterarji differenti. Il-kelma biblia forsi qiegħda fil-plural biex tindika din il-varjetà ta’ forom letterarji. Fil-bidu t-trasmissjoni tal-ġrajjiet kienet bil-fomm u fil-periklu li tintilef. Infatti nafu li ngħaqdu flimkien iż-żewġ tradizzjonijiet tat-tramuntana u ta’ nofsinhar tal-Palestina u l-influwenza tal-kulturi orjentali li kellhom kuntatt magħha l-ewwel kittieba fil-Babilonja ma nistgħux ninjorawha.

Il-forom litterarji preżenti fil-kotba bibliċi jistgħu jitqassmu bejn wieħed u ieħor f'dawn li ġejjin:

  • forma storika: dawk it-testi li jagħtu deskrizzjoni f’kuntest storiku ta’ persuni u ġrajja. L-attendibbiltà storika ta’ dawn ir-rakkonti tvarja. Pereżempju, l-ewwel 11-il kapitlu tal-Ġenesi li jiddeskrivu l-ħolqien tad-dinja sa’ Abram (bidu tat-II millennju Q.K.), daż-żmien huma interpretati mill-eżeġeti nsara unanimament bħala simboliċi (rakkont tal-ħolqien, dnub oriġinali, dulluvju...). Anki fir-rumanzi ellenisti ta’ Tobija, Ġuditta, Ester il-kontestwalizzazjoni storika sservi biss bħala qafas għar-rakkont li għandu għan teoloġiku preċiż. Bil-kuntrarju, il-kotba li għandhom l-intenzjoni li jkunu tassew storiċi (Samwel, Slaten, Makkabej, ir-rakkonti evanġeliċi u l-Atti) jagħtu informazzjoni li rarament tirriżulta f’kuntrast mas-sorsi oħra minn dak iż-żmien. Għall-istejjer tal-patrijarki (Abram, Iżakk, Ġakobb-Iżrael, Ġużeppi) li qegħdin fil-Ġenesi, mhux possibbli nifluhom kritikament minħabba n-nuqqas totali ta’ sorsi storiċi fuq il-kulturi nomadi tal-Lvant tal-Qrib fit-II millennju Q.K.
  • forma leġiżlattiva: tinkludi t-testi bil-liġijiet jew regoli fl-ambitu soċjali jew reliġjuż, l-iżjed preżenti ġewwa t-Torah (p.eż. Levitiku hu ktieb li hu interament leġiżlattiv).
  • forma profetika: fiha l-orakli profetiċi, jiġifieri tħeġiġ morali imniedi minn nies li jqisu ruħhom bħala mibgħutin minn Alla. Dawn l-eżortazzjonijiet huma dejjem diretti lejn persuni definiti (slaten, individwi, komunitajiet ta’ fidili jew popolu sħieħ) li, bl-imġiba tagħhom tbegħdu mit-triq id-dritta. Anki l-eżortazzjonijiet li qegħdin fl-epistoli tat-testment il-ġdid jistgħu jitqisu taħt il-forma profetika.
  • forma apokalittika: tinkludi testi simboliċi, li spiss ma jinfthemux razzjonalment, bl-għan li juru l-pjan rebbiegħ u definittiv t’Alla fuq l-istorja. Dawn dehru f’perijodi ta’ inċertezza kbira fil-komunità tal-fidili ġejja minn persekuzzjonijiet politiċi li setgħu iġegħluhom iħossuhom abbandunati minn Alla. It-testi apokalittiċi kważi kollha qegħdin fil-kotba ta’ Danjel u l-Apokalissi. L-Apokalissi in partikulari, ma kienx deskrizzjoni ta’ dak li kellu jiġri fil-ġejjieni mbiegħed, imma rassikurazzjoni lill-Knisja ta’ dak iż-żmien, persegwitata b’qilla feroċi mill-imperatur Ruman Dijoklezjanu, li l-Qawmien mill-Mewt ikollu l-aħħar kelma.
  • forma ta’ l-għerf: din il-kategorija wiesa’ tinkludi it-testi kollha li ma joqogħdux fl-oħrajn. Tinkludi talb (p.eż. Salmi), poeżiji erotiċi (p.eż. Għanja ta’ l-Għanjiet), lamentazzjonijiet, meditazzjonijiet jew qwiel ta’ diversi tipi (Koħelet, Qwiel, Ġobb).

Messaġġ teoloġiku

Hu impossibbli li nagħtu definizzjoni univoka tal-messaġġ teoloġiku tal-kotba bibliċi. Minhom, infatti, ħarġu numru kbir ta’ konfessjonijiet reliġjużi ta’ ereżiji, kull waħda tiġġustifika ruħha b’qari u interpretazzjoni tat-test bibliku. Ma’ dan kollu, meta nfittxu kunċetti fundamentali teoloġiċi komuni għad-diversi konfessjonijiet, nistgħu insibu nukleji li fuqhom hemm qbil:

  • Jeżisti esseri perfett, spirtu pur, mhux rappreżentabbli taħt l-ebda sura, etern, immutabbli, omnipotenti, omnixxenti.
  • Fit-Testment il-Qadim Lhudi kien jissejaħ bl-isem komuni Alla (El jew Elohim), bl-isem komuni Mulej (Adonaj), bl-isem proprju JĦWH u b’diversi epiteti oħra: L-Ogħla, Etern, Qaddis, Qerried, Mulej tal-Qtajja. Fit-Testment il-Qadim Grieg u fit-Testment il-Ġdid kien imsejjah bl-ismijiet komuni Alla (Theos) u Mulej (Kyrios). Id-definizzjoni t’Alla bħala Missier hi bis fit-Testment il-Ġdid.
  • Alla ħalaq liberament u mix-xejn l-univers u l-bniedem, quċċata tal-ħolqien, karatterizzat minn tjubija oriġinarja.
  • F’ċertu punt fl-imgħodi l-bniedem fil-libertà tiegħu, għażel li jitbiegħed minn Alla (dnub oriġinali), u jdaħħal il-ħażen fil-ħolqien.
  • Alla għamel rabta ma’ Abram u d-dixxendenti tiegħu, il-poplu t’Iżrael. Intrabat li jipproteġi matul iż-żmien il-poplu tiegħu u li jeżiġi l-qima lejh biss. L-indħil t’Alla hu ċar partikularment f’xi ġrajjiet: il-ħelsien mill-Eġittu (Eżodu, it-XIII seklu QK); ir-rebħa ta’ l-Art Imwegħda ( is-sekli XIII-XI QK); It-tixrid ta’ l-10 tribù idolatri tat-tramuntana (seklu VIII QK); l-eżilju fil-Babilonja u r-ritorn (seklu VI QK) minn hemm.
  • Alla ta ‘l Mosè l-liġi, insostitwibbli u immodifikabbli, li tikkonsisti f'613-il mitzvòt (preċetti) u huma mqassrin fl-għaxar kmandamenti, bil-wegħda li jippremja 'l min jobdihom u jikkastiga ‘l min jiksirhom.
  • Il-poplu t'Iżrael tbiegħed ħafna drabi mil-liġi jew applikaha minn barra biss, u għalhekk kien mċanfar min-nies imsejħin minn Alla, il-profeti.
  • Alla wiegħed li jibgħat il-Messija għall-fidwa tal-poplu tiegħu.
  • Fit-tmiem taż-żmien jirxoxta l-mejtin, jiggarantilhom is-salvazzjoni eterna jew kundanna eterna skond l-imġiba li kellhom fil-ħajja lejn Alla u l-proxmu.

Fit-Testment il-Ġdid, aċċettat mill-insara imma mhux mil-Lhud, hemm kunċetti oħra:

  • Alla hu Missier, Iben u Spirtu s-Santu.
  • Ġesù Kristu, il-Messija mistenni, iben Alla, wassal għal spjegazzjoni perfetta l-liġi ta’ Mosè, li tista’ tinġabar fil-qosor fl-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxmu.
  • Bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt, dawk kollha li jemmnu fih jieġu salvati u rikonċiljati ma’ Alla.

Qari u interpretazzjoni

Kif nifhmu l-Bibbja, il-mod kif naqrawha u l-interpretazzjoni tagħha, dixxiplina li tissejjaħ ermenewtika tal-Bibbja, u fatt teoloġiku, jiġifieri jiddependi mid-diversi komunitajiet reliġjużi. Din hi differenti mill-eżeġesi li din tikkonsisti f’li toħroġ is-sens minn parti tat-test, bl-għajnuna ta’ dixxiplini bħall-filoloġija u l-istorja, waqt li l-ermenewtika tfittex li tagħti u tispjega s-sens iżjed wiesa’ li l-awtur ried jagħti l-publiku tiegħu. Pereżempju fit-Testment il-Ġdid, u in partikulari fil-kitba ta’ Pawlu, insibu ermenewtika ġdida tal-kitba mqaddsa Lhudija.

Għalhekk l-ewwel differenza kbira fl-ermenewtika tal-Bibbja hi bejn il-Lhud u l-Insara: għalkemm hemm affinità parzjali bejn iż-żewġ reliġjonijiet, għaliex għandhom parti mill-kanoni tal-Bibbja fil-komuni, huma żviluppaw tradizzjonijiet differenti tal-fidi u għalhekk metodi interpretattivi u ermenewtiċi differenti.

It-test

Sorsi tat-test Lhudi

Bibbja 
Foljo 474a tal-Kodiċi ta’ Leningrad wieħed mis-sorsi ewlenin tat-test Lhudi

Għat-Testment il-Qadim Lhudi, id-dokumenti l-izjed antiki huma dawk tar-Rotli tal-Baħar Mejjet, li nstabu fl-1947 u fihom frammenti ftit jew wisq sħaħ tat-testi kollha tal-Bibbja Lhudija. B’kollox ġejjin minn perijodu twil li jmur mill-250 Q.K. sat-68 AD.

Id-dokumenti l-iżjed awtorevoli miktuba mill-mażoreti u li jaqblu sostanzjalment mar-Rotli tal-Baħar Mejjet huma:

  • il-Kodiċi tal-Kajr, iddatat 895-896 AD.
  • il-Kodiċi ta’ Aleppo (A), iddatat 925-930 AD.
  • il-Kodiċi ta’ Leningrad b19A (Codex Lenigradensis, L). Ġej mill-1008 - 1009 AD.

It-test kritiku (jiġifieri li jieħu kont tad-diversi dokumenti ewlenin) li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test Lhudi hu dak tal-Biblia Hebraica Stuttgartensia (BHS), ibbażat fuq L, miktub fl-1966 (1977, 1983, 1990) minn Karl Ellinger u W. Rudoph tad-Deutsche Bibelgesellschaft ta’ Stuttgart (għalhekk l-isem).

Sorsi tat-test Grieg

Bibbja 
Paġna tal-Kodiċi Vatikan (seklu IV), wieħed mis-sorsi ewlenin tat-Grieg.

Għat-Testment il-Ġdid u t-Testment il-Qadim bil-Grieg, id-dokumenti l-iżjed antiki huma xi papiri li ġejjin mis-seklu II AD. Hemm xi ħamest elef manuskritti oħra konservati. L-iżjed awtorevoli minnhom huma dawn:

  • il-Kodiċi Alessandrin (A), iddatat fil-bidu jew in-nofs tas-seklu V.
  • il-Kodiċi Vatikan (B), aktarx kompost fl-Eġittu fis-seklu IV.
  • il-Kodiċi ta’ Efrem (C), Dan inkiteb fuq xi testi li kienu mħassrin (għalhekk jgħidulu Palinsest) mit-teologu Sirjan Efrem. Jaħsbu li ġej mis-seklu V.
  • il-Kodiċi ta’ Beza (D) jew Cantabrigensis (ta’ Cambridge), imsejjaħ hekk għax kien tal-kalvinista Teodoru minn Beza. Ġej mis-seklu V.
  • il-Kodiċi Sinajtiku (S jew א): ġej min-nofs tas-seklu IV.

It-test kritiku (jiġifieri li jieħu kont tad-diversi dokumenti ewlenin) li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test tat-Testment il-Qadim bil-Grieg, inklużi l-kotba dewterokanoniċi hi l-edizzjoni ppublikata fl-1935 mill-filologu Ġermaniż Alfred Rahlfs.

It-test kritiku li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test Grieg tat-Testment il-Ġdid hu dak ta’ The Greek New Testament (GNT), minn K. Aland, M. Black, B. M. Metzger, A. Wikgren, Carlo Maria Martini, B. Aland. United Bible Societies. Edizzjonijiet: 1966, 1968, 1975, 1983 u 1993.

Verżjonijiet tal-Bibbja

Bibbja 
San Ġlormu fl-istudju tiegħu, ta’ Domenico Ghirlandaio

Fost l-eluf tat-traduzzjonijiet tat-test bibliku għal-lingwi kollha tad-dinja, ta’ min isemmi dawn li ġejjin:

  • Pentatewku Samaritan (Torah e Ġożwè). Definit fis-seklu IV QK, mhux proprjament traduzzjoni tas-6 kotba Lhudin għax anki hu, hu miktub bil-Lhudi, imma fih differenzi notevoli mit-test mażoretiku kanoniku. Hu t-test uffiċjali tal-komunità żgħira Samaritana li għadha teżisti fl-Iżrael s’issa.
  • Pexitta Bl-aramajk, realizzata, skond it-tradizzjoni, mill-isqof tal-belt ta’ Edessa, Rabbula (miet fl-435), hu t-test uffiċjali ta’ diversi knejjes tat-tradizzjoni Sirjaka li qegħdin l-iżjed fil-Lvant tal-Qrib.
  • Septwaġinta (jew tas-Sebgħin, jew LXX, min-numru ta’ tradutturi oriġinali). Hi il- verżjoni Griega tat-Testment il-Qadim, antika iżjed mit-Test mażoretiku stess, miktuba l-Ixandra, l-Eġittu bejn ir-IV u t-II seklu QK. L-ewwel intużat mil-Lhud tal-ilsien Grieg u wara xxerdet fost l-insara. Flimkien mat-test Grieg tat-Testment il-Ġdid, hi l-verżjoni uffiċjali tal-knejjes ortodossi.
  • Vulgata (popolari). San Glormu fir-IV seklu qaleb għall-Latin it-test bibliku sħieħ. Il-Vulgata għal sekli sħaħ irrappreżentat it-test uffiċjali tal-Knisja u l-liturġija kattolika. Wara l-Konċilju Vatikan II, id-diversi knejjes kattoliċi nazzjonali żviluppaw u addottaw fil-kult liturġiku verżjonijiet fil-lingwi nazzjonali tagħhom.
Bibbja 
Ritratt ta’ Martin Luteru (Lucas Cranach, 1529)
  • Bibbja ta’ Luteru. Il-verżjoni biblika Ġermaniża l-iżjed importanti, kellha influwenza notevoli fuq il-lingwa Ġermaniża stess. Luteru spiċċa it-TĠ fl-1522 u l-bibbja sħieħa fl-1534. Hi l-verżjoni ta’ riferiment, fit-test oriġinali jew fit-traduzzjonijiet tagħha għal ħafna knejjes protestanti.
  • Bibbja tar-Re Ġakmu (King James Version, KJV). Hi l-Bibbja Inġliża l-iżjed importanti. Kienet ikkommissjonata mir-re Ingliż, Ġakmu I ta’ l-Ingilterra. Ippubblikata fl-1611, tirrappresenta l-verżjoni uffiċjali tal-Knisja Anglikana u ta’ ħafna knejjes protestanti anglofoni.
  • It-Traduzzjoni tad-Dinja Ġdida tal-Kitba Mqaddsa (New World Translation of the Holy Scriptures) hi traduzzjoni magħmula mill-Kongregazzjoni Nisranija tax-Xhieda ta’ Jeħova. Bl-Inġliż dehret f’bosta volumi bejn l-1950 - 60. Wara ġiet tradotta f’diversi lingwi. L-ebda traduzzjoni biblika qatt ma rċeviet kritika daqs din.
  • Il-Bibbja ta’ Ġerusalemm (Bible de Jérusalem), realizzata bil-Franċiż bejn l-1947 u l-1955 hi x-xogħol ta’ l-École Biblique de Jérusalem. Għandha importanza fundamentali għall-użu sistematiku tan-noti u l-introduzzjoni tal-metodu storiku-kritiku. Is-sistema kritika tagħha qiegħda f’bosta verżjonijiet f’ilsna oħrajn.
  • Il-Bibbja TOB (abbrevjazzjoni ta’ Traduction Oecuménique de la Bible), ippubblikata bil-Franċiz fl-1975-1976, kienet magħmula minn eżeġeti kattoliċi u protestanti flimkien, appoġġata fl-aħħar minn studjużi ortodossi. Bħall-Bibbja ta’ Ġerusalemm, fiha sistema kritika utli ħafna, li tradotta qiegħda f’bosta verżjonijiet b'lingwi oħrajn.
  • Il-Bibbja Riformata maqluba għall-Franċiż mit-teologu Louis Segond, rivista fl-1979 u ppubblikata minn Nouvelle Edition de Genève.

Noti

Storja tal-Bibbja bil-Malti

Dawn il-fatti huma meħuda mill-artiklu L-Istorja tal-Bibbja bil-Malti ta' Paul Mizzi [1] u hemm bżonn referenzi.

  • 1811: Dr Cleardo Naudi, Professur tal-Kimika fl-Università ta’ Malta, bl-appoġġ taċ-Church Missionary Society ipprepara abbozz ta' l-Evanġelju skond San Ġwann.
  • 1817: Dr Cleardo Naudi u Giuseppe Canolo ippublikaw l-Evanġelju skond San Ġwann. Dan l-Evanġelju kien ippubblikat f'żewġ kolonni maġenb xulxin, waħda t-traduzzjoni Maltija u l-oħra l-verżjoni Taljana ta' l-isqof Martini. Canolo kompla jaqleb il-bqija tat-Testment il-Ġdid u saħansitra l-Qadim imma dan qatt ma deher.
  • 1829: L-Erba' Evanġelji u l-Atti tradotti minn Mikiel Anton Vassalli ippublikati wara mewtu. Kien dam sitt snin jaħdem fuqhom.
  • 1847: The Society for Promoting Christian Knowledge ippubblikat it-Testment il-Ġdid sħieħ imħejji minn Michael Camilleri (1814-1903), ex-qassis Kattoliku Malti. Camilleri rreveda t-traduzzjoni ta' Vassalli (l-Evanġelji u l-Atti) u ttraduċa l-bqija tat-Testment il-Ġdid.
  • 1850: F.Panzavecchia ippublika l-Ġenesi.
  • 1844-1848: Richard Taylor ippublika n-narrativa tal-Passjoni ta' Kristu skond l-Erba' Evanġelji (1844), verżjoni ritmika tas-Salmi (1846), u l-Uffizzju tal-Ġimgħa Mqaddsa (1848).
  • 1870-72: Il-British and Foreign Bible Society ippubblikat l-Evanġelji skond San Mattew u San Ġwann u l-Atti ta' l-Appostli.
  • 1895: Ġużè Muscat Azzopardi ippubblika l-ewwel parti ta' l-Evanġelju skond San Mark u ssokta jippublika l-bqija ta' l-Evanġelji u l-Atti kull ġimgħa u wara ħariġhom f'ħames volumi: San Mattew (1895), San Mark (1915), San Luqa (1916), San Ġwann (1917), u L-Ktieb ta’ l-Appostli ta’ San Luqa (1924). Dawn kienu tradotti mill-Latin.
  • 1926: Il-British and Foreign Bible Society ippubblikat il-Ktieb tas-Salmi ppreparat minn J.Falzon. Falzon ma ħadimx minn fuq it-test Lhudi, iżda fuq it-traduzzjoni Taljana ta' Diodati mqabbla mal-Verżjoni Awtorizzata bl-Ingliż, il-Vulgata, u t-traduzzjoni qadima Maltija ta' Camilleri.
  • 1926-1932: Pietru Pawl Grima, Alphonse Maria Galea u Pietru Pawl Saydon qalbu Bibbja sħiħa għall-Malti u ppublikawha f'partijiet. Din it-traduzzjoni, barra l-parti ta’ Saydon kienet ibbażata fuq il-Vulgata.
  • 1929: Il-Ġenesi kien ippublikat fl-1929 minn Pietru Pawl Saydon. Saydon, kien Professur ta' l-Iskrittura Mqaddsa, ta' l-Ebrajk u l-Grieg bibliku fl-Universita’ ta' Malta, kellu taħriġ akkademiku sħiħ fl-istudji bibliċi u suġġetti relatati fl-Istitut Pontifikali Bibliku f'Ruma u ta’ l-Ebrajk, l-Aramajk u l-Grieg.
  • 1939-1965: G.Paris OP ippublika l-Erba' Evanġelji, l-Atti, ir-Rumani u l-ittri ta' Ġwanni u Ġakbu, imsejsin wkoll fuq il-Vulgata.
  • 1962-1980: It-Trinitarian Bible Society l-ewwel ippublikat l-Evanġelji u l-Atti separatament, u wara, fl-1971, it-Testment il-Ġdid kollu. Din it-traduzzjoni kienet magħmula mill-Verżjoni Awtorizzata Ingliża, b'referenza ta' spiss għat-test Grieg, għall-Verżjoni Franċiża ta' Louis Segond, u għall-Verżjoni Taljana ta' Dottore Giovanni Luzzi. Zammit kien l-ewwel wieħed li ppublika l-Bibbja sħieħa bil-Malti.
  • 1929-1990: Fl-1965 intlaħaq ftehim ma' Saydon li l-Għaqda Biblika Maltija biex tippublika l-Bibbja Maltija f'volum wieħed it-traduzzjoni tiegħu imma dan qatt ma seħħ. Is-Soċjetà tal-MUSEUM, il-werrieta tal-copyright, ippublikawlu xogħlu fi tlett volumi: it-Testment il-Ġdid fl-1977, l-ewwel volum tat-Testment il-Qadim fl-1982, u t-tieni wieħed fl-1990.

Ħoloq esterni

Tags:

Bibbja Lhudija u SamaritanaBibbja NisranijaBibbja It-Testament il-QadimBibbja It-Testament il-ĠdidBibbja Forom letterarjiBibbja Messaġġ teoloġikuBibbja Qari u interpretazzjoniBibbja It-testBibbja Verżjonijiet tal-Bibbja NotiBibbja Storja tal- bil-MaltiBibbja Ħoloq esterniBibbjaReliġjon LhudijaReliġjon Nisranija

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

Emvin CremonaEmmanuel GaleaOrdni ta' San ĠwannNeymarSt. Georges FCKarnival ta' MaltaFormula 1MaltiCharles CashaNapliReliġjon f'MaltaJosef GrechPjanetaEvanġeljuRepubblika Demokratika tal-KongoSerbjaEwġenju BorgEmma WatsonMarie AntoinetteTarxien Rainbows FCLingwa IngliżaNawruIraqBrażilBerġa ta' KastiljaSurinamAlof de WignacourtTim nazzjonali tal-futbol tat-TuneżijaBelarussjaSkellig MichaelBaħar l-IswedOsama bin LadenQala Saints FCKumpanija Ferrovjarja RetikaIżraelKosovoSliema Wanderers FCEwropaAchille MizziRabat (Marokk)BaħrejnGarabet TavitjanĠużè AquilinaSant'Antnin ta' PadovaMixja NeokatekumenaliSannat Lions FCMaltaImperu BrittanikuŻebbuġ Rovers FCSit elettronikuJuan Antonio VillacañasMario GrechLatvjaĠużè BonniciMaħresIlary BlasiLouis PasteurSenglea Athletic FCĦelsien (rumanz)NutarNormanniPolitika🡆 More