Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Sistema ta’ skolli tal-qroll li tinsab fil-Baħar tal-Qroll u Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll (bl-Ingliż: Great Barrier Reef) huwa l-ikbar sistema ta’ skoll tal-qroll fid-dinja u huwa magħmul minn iktar minn 2,900 skoll tal-qroll individwali u 900 gżira estiżi fuq iżjed minn 2,300 kilometru b’erja ta’ madwar 344,400 kilometru kwadru.

L-iskoll tal-qroll jinsab fil-Baħar tal-Qroll, lil hinn mill-kosta ta’ Queensland, l-Awstralja. L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jidher mill-ispazju u huwa l-ikbar struttura unika fid-dinja magħmula minn organiżmi ħajjin. Dan l-iskoll tal-qroll huwa magħmul minn biljuni ta’ organiżmi ċkejkin, magħrufa bħala polipi tal-qroll. L-iskoll jipprovdi sostenn lil diversità wiesgħa ta’ ħlejqiet u tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981. Is-CNN tawh it-tikketta ta’ wieħed mis-seba’ għeġubijiet naturali tad-dinja fl-1997. Il-Queensland National Trust iddikjaratu ikona statali ta’ Queensland fl-2006.

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Ġeoloġija u ġeografija, Ekoloġija, Sit ta’ Wirt Dinji
Il-laguna u l-iskoll tal-qroll b’għamla ta’ qalb fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll

Parti kbira tal-iskoll tal-qroll hija protetta bħala Park tal-Baħar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, u dan jgħin biex jiġi limitat l-impatt tal-użu mill-bniedem, bħas-sajd u t-turiżmu. Pressjonijiet ambjentali oħra fuq l-iskoll tal-qroll u l-ekosistema tiegħu jinkludu s-sustanzi likwidi li jiskulaw fih, it-tibdil fil-klima flimkien mal-iskulurizzazzjoni tal-massa tal-qroll, ir-rimi tal-ħama tat-tħammil u t-tifqigħat ċikliċi tal-popolazzjoni tal-istilel tal-baħar, Acanthaster planci, li jieklu l-qroll. Skont studju ppubblikat f’Ottubru 2012 mill-Proceedings of the National Academy of Sciences (Proċedimenti tal-Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi), l-iskoll tal-qroll tilef iżjed minn nofs il-qroll tiegħu mill-1985, xi ħaġa li ġiet ikkonfermata mill-ġdid minn studju tal-2020 li sab li iktar minn nofs il-kopertura tal-qroll tal-iskoll intilfet bejn l-1995 u l-2017, minħabba l-effetti ta’ avveniment mifrux ta’ skulurizzazzjoni li seħħ fl-2020 u li l-effetti tiegħu għadhom ma ġewx ikkwantifikati.

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll ilu magħruf u jintuża mill-abitanti Aboriġini tal-Gżejjer Awstraljani u tal-Istrett ta’ Torres, u huwa parti importanti tal-kulturi u tal-ispiritwalità tal-gruppi lokali. L-iskoll tal-qroll huwa destinazzjoni popolari ħafna mat-turisti, speċjalment fir-reġjuni tal-Gżejjer Whitsunday u ta’ Cairns. It-turiżmu huwa attività ekonomika importanti għar-reġjun, u kull sena jiġġenera iktar minn AUD$3 biljun. F’Novembru 2014, Google varaw il-Google Underwater Street View li permezz tiegħu wieħed jista’ jesplora diġitalment l-Iskoll il-Kbir tal-Qroll b’mod tridimensjonali.

Rapport ta’ Marzu 2016 iddikjara li l-iskulurizzazzjoni tal-qroll kien ferm iktar mifrux milli kien maħsub qabel, u kien qed jaffettwa l-partijiet tat-Tramuntana tal-iskoll tal-qroll minħabba ż-żieda fit-temperaturi tal-oċean. F’Ottubru 2016, Outside ppubblikaw avviż tal-mewt tal-iskoll tal-qroll; l-artiklu ġie kkritikat li kien prematur u kien qed ixekkel l-isforzi li kienu qed isiru biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-iskoll tal-qroll. F’Marzu 2017, il-ġurnal Nature ppubblika dokument li juri li sezzjonijiet enormi ta’ biċċa sħiħa tal-iskoll tal-qroll wiesgħa 800 kilometru fil-parti tat-Tramuntana li kienet mietet matul l-2016 minħabba temperaturi tal-ilma wisq għoljin. Dan l-avveniment ġie deskritt mill-awturi bħala wieħed mill-effetti tat-tibdil fil-klima globali. Il-persentaġġ ta’ qroll ġdid li kien qed jitwieled fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll naqas drastikament fl-2018 u x-xjenzati ddeskrivewh bħala l-istadju bikri ta’ “avveniment enormi ta’ selezzjoni naturali li qed iseħħ”. Ħafna mill-qroll adult riproduttiv miet fl-avvenimenti tal-iskulurizzazzjoni tal-2016-2017 u b’hekk dan wassal għal rati baxxi ta’ twelid tal-qroll. It-tipi ta’ qroll li rriproduċew inbidlu wkoll, u dan wassal għal “organizzazzjoni mill-ġdid fit-tul tal-ekosistema tal-iskoll tal-qroll jekk ix-xejra tkompli”.

L-Att tal-1975 (sezzjoni 54) tal-Park tal-Baħar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jesiġi li kull ħames snin jitfassal Rapport ta’ Prospettiva dwar is-saħħa, il-pressjonijiet u l-futur tal-iskoll tal-qroll. L-aħħar rapport ġie ppubblikat fl-2019.

Ġeoloġija u ġeografija

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Ġeoloġija u ġeografija, Ekoloġija, Sit ta’ Wirt Dinji 
Veduta tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll mill-ajru

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll huwa karatteristika distinta tad-diviżjoni tal-Kordillera Awstraljana tal-Lvant. Huwa estiż mill-Istrett ta’ Torres (bejn Bramble Cay, il-gżira l-iktar fit-Tramuntana, u l-kosta tan-Nofsinhar ta’ Papua New Guinea) fit-Tramuntana sal-passaġġ bla isem bejn il-Gżira ta’ Lady Elliot (il-gżira l-iktar fin-Nofsinhar) u l-Gżira ta’ Fraser. Il-Gżira ta’ Lady Elliot tinsab 1,915-il kilometru fix-Xlokk ta’ Bramble Cay u tinkludi l-Gżejjer Murray li huma ferm iżgħar.

It-teorija tal-plakek tettoniċi tindika li l-Awstralja ċċaqilqet lejn it-Tramuntana b’rata ta’ seba’ ċentimetri fis-sena, u bdiet tagħmel dan mill-era Ċenożojka. Il-Lvant tal-Awstralja esperjenza perjodu ta’ elevazzjoni tettonika, li ċaqilqet id-diviżjoni tad-drenaġġ fi Queensland xi 400 kilometru ’il ġewwa lejn l-art. Matul dan iż-żmien ukoll, Queensland esperjenzat żbroffar vulkaniku li wassal għal flussi vulkaniċi tal-bażalt mill-vulkani ċentrali u b’għamla ta’ tarka. Uħud minnhom saru gżejjer għoljin. Wara li fforma l-Baċir tal-Baħar tal-Qroll, l-iskolli tal-qroll bdew jikbru fil-Baċir, iżda sa madwar 25 miljun sena ilu, it-Tramuntana ta’ Queensland kien għad kellha ilmijiet miti fin-Nofsinhar tat-Tropiċi — li kienu kesħin wisq għat-tkabbir tal-qroll. L-istorja tal-iżvilupp tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll hija kumplessa; wara li Queensland iċċaqilqet f’ilmijiet tropikali, kienet influwenzata bil-kbir mit-tkabbir tal-iskoll tal-qroll u mid-deklin tiegħu malli l-livell tal-baħar inbidel.

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Ġeoloġija u ġeografija, Ekoloġija, Sit ta’ Wirt Dinji 
L-Iskoll tal-Qroll tal-Gżira tar-Russetti (bl-Ingliż: Heron Island)

L-iskolli tal-qroll jistgħu jikbru fid-dijametru tagħhom b’ċentimetru sa tliet ċentimetri fis-sena, u jikbru vertikalment bejn ċentimetru u 25 ċentimetru fis-sena; madankollu, l-iskolli tal-qroll jikbru biss f’fond ’il fuq minn 150 metru minħabba li jeħtieġu d-dawl tax-xemx, u ma jikbrux ’il fuq mil-livell tal-baħar. Meta Queensland iċċaqilqet f’ilmijiet tropikali 24 miljun sena ilu, kiber xi qroll, iżda malajr żviluppa reġim ta’ sedimentazzjoni bl-erożjoni tal-Katina Diviżorja l-Kbira; li ħoloq delti tax-xmajjar, fawwara, u turbiditi, u għaldaqstant kundizzjonijiet mhux adattati għat-tkabbir tal-qroll. Għaxar miljun sena ilu, il-livell tal-baħar tbaxxa b’mod sinifikanti, u dan ippermetta iktar sedimentazzjoni. Is-sottostrat tal-iskoll tal-qroll jaf kellu bżonn jiżdied mis-sediment sakemm it-tarf tiegħu kien ’il bogħod wisq mis-sedimenti sospiżi biex ixekkel it-tkabbir tal-qroll. Barra minn hekk, bejn wieħed u ieħor 400,000 sena ilu kien hemm perjodu interglaċjali partikolarment sħun b’livelli tal-baħar ogħla u bidla fit-temperatura tal-ilma ta’ 4 °C (7 °F).

L-art li ffurmat is-sottostrat attwali tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll kienet pjanura kostali li ffurmat mill-erożjoni tas-sedimenti tal-Katina Diviżorja l-Kbira b’xi għoljiet ikbar (il-biċċa l-kbira minnhom kienu huma stess fdalijiet ta’ skolli tal-qroll iktar antiki, jew f’xi każijiet rari, vulkani). Iċ-Ċentru tar-Riċerka dwar l-Iskolli tal-Qroll taċ-Ċentru tar-Riċerka Kooperattiva sab depożiti tal-“iskeletri” tal-qroll li jmorru lura għal nofs miljun sena. L-Awtorità tal-Park tal-Baħar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll (GBRMPA) tqis li l-iktar evidenza bikrija ta’ strutturi sħaħ tal-iskolli tal-qroll tmur lura għal 600,000 sena ilu. Skont il-GBRMPA, l-istruttura attwali ħajja tal-iskoll tal-qroll jingħad li bdiet tikber fuq il-pjattaforma iktar antika madwar 20,000 sena ilu. L-Istitut Awstraljan tax-Xjenza tal-Baħar jaqbel u jsostni li l-bidu tat-tkabbir tal-iskoll tal-qroll attwali jmur lura għal żmien l-Aħħar Massimu Glaċjali. Għall-ħabta ta’ dak iż-żmien, il-livell tal-baħar kien 120 metru iktar baxx milli hu llum.

Minn 20,000 sena ilu sa 6,000 sena ilu, il-livell tal-baħar għola b’mod kostanti madwar id-dinja. Peress li għola, il-qroll seta’ jikber iktar fl-għoli fuq il-marġnijiet marittimi tal-għoljiet tal-pjanura kostali li kienu għadhom kemm spiċċaw taħt l-ilma. Sa madwar 13,000 sena ilu, il-livell tal-baħar kien biss 60 metru iktar baxx minn dak ta’ żminijietna, u l-qroll beda jikber madwar l-għoljiet tal-pjanura kostali, li sa dak iż-żmien laħqu saru gżejjer kontinentali. Peress li l-livell tal-baħar kompla jiżdied iktar, il-biċċa l-kbira tal-gżejjer kontinentali spiċċaw taħt l-ilma. B’hekk il-qroll seta’ jikber fuq l-għoljiet li spiċċaw taħt l-ilma, u ffurmaw il-qaliet u l-iskolli tal-qroll attwali. Hemmhekk il-livell tal-baħar ma tantx għola b’mod sinifikanti fl-aħħar 6,000 sena. Skont l-istimi taċ-Ċentru tar-Riċerka dwar l-Iskolli tal-Qroll taċ-Ċentru tar-Riċerka Kooperattiva, l-età tal-istruttura ħajja attwali tal-iskoll tal-qroll hija ta’ bejn 6,000 u 8,000 sena. L-iskolli tal-qroll fl-ilma baxx li spiss jidhru fuq diversi ritratti mill-ajru u fuq immaġnijiet satellitari jkopru erja ta’ 20,679 km2, u l-biċċa l-kbira tagħha (madwar 80 %) kibret fuq pjattaformi tal-ġebla tal-ġir li huma relitti tal-fażijiet tal-imgħoddi (tal-Plejstoċen) tat-tkabbir tal-iskoll tal-qroll.

Il-fdalijiet ta’ skoll tal-qroll antik simili għal dak tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jinsab f’The Kimberley, il-Punent tal-Awstralja.

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Ġeoloġija u ġeografija, Ekoloġija, Sit ta’ Wirt Dinji 
L-Iskoll tal-Qroll ta’ Arlington

Iż-Żona tal-Wirt Dinji tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll ġiet maqsuma f’70 bijoreġjun, li 30 minnhom huma bijoreġjuni tal-iskolli tal-qroll. Fil-parti tat-Tramuntana tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll iffurmaw skolli tal-qroll tad-delti jew b’għamla ta’ żigarella; dawn l-istrutturi jinsabu hawnhekk biss u mkien ieħor. Fl-2020, fiż-żona tat-Tramuntana, ġie skopert skoll tal-qroll ġdid, għoli 500 metru u wiesa’ 1.5 kilometru fil-bażi. Ma hemm l-ebda skoll tal-qroll b’għamla tonda fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, u l-iskolli tal-qroll imqabbdin mal-art kontinentali huma rari.

L-iskolli tal-qroll marġinali huma mifruxa sew, iżda huma l-iktar komuni lejn il-parti tan-Nofsinhar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, imqabbdin mal-gżejjer għoljin, bħal ngħidu aħna l-Gżejjer Whitsunday. L-iskolli tal-qroll tal-laguni jinsabu fil-parti tan-Nofsinhar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, u iktar lejn it-Tramuntana, lil hinn mill-kosta tal-Bajja tal-Prinċipessa Charlotte. L-iskolli tal-qroll b’għamla ta’ nofs qamar huma l-iktar għamla komuni ta’ skolli tal-qroll fin-nofs tas-sistema, pereżempju l-iskolli tal-qroll madwar il-Gżira tal-Gremxul (bl-Ingliż: Lizard Island). L-iskolli tal-qroll b’għamla ta’ nofs qamar jinsabu wkoll fit-Tramuntana estrema tal-Park tal-Baħar tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, u fl-Iskolli tal-Qroll ta’ Swain (20-22 grad fin-Nofsinhar). L-iskolli tal-qroll tal-pjanura jinsabu fil-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, ħdejn il-Peniżola ta’ Cape York, il-Bajja tal-Prinċipessa Charlotte, u Cairns. Il-biċċa l-kbira tal-gżejjer tal-iskoll tal-qroll jinsabu fuq skolli tal-qroll tal-pjanura.

Il-fawwara minn qiegħ il-baħar jista’ jkollhom impatt lokalizzat fuq l-iskoll tal-qroll, billi jipprovdu flussi tal-ilma ħelu, li xi kultant ikun rikk fin-nutrijenti u li jikkontribwixxi għall-ewtrofikazzjoni.

Ekoloġija

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Ġeoloġija u ġeografija, Ekoloġija, Sit ta’ Wirt Dinji 
Fekruna tal-baħar fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jipprovdi sostenn għal diversità straordinarja ta’ ħlejqiet, fosthom bosta speċijiet vulnerabbli jew mhedda, li wħud minnhom jaf huma endemiċi għas-sistema tal-iskoll tal-qroll.

Tletin speċi ta’ ċetaċji ġew irreġistrati fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, inkluż il-balenottera żgħira, id-denfil Indo-Paċifiku, u l-baliena tal-ġwienaħ kbar. Barra minn hekk jgħixu popolazzjonijiet kbar ta’ dugongi. Iktar minn 1,500 speċi ta’ ħut jgħixu mal-iskoll tal-qroll, fosthom il-pixxibuffu, l-ispnotta ħamra, l-imperaturi tal-garġi ħomor, u diversi speċijiet ta’ paġell u ta’ troti tal-qroll. Disgħa u erbgħin speċi jbidu fi ġlejjeb, filwaqt li erbgħa u tmenin speċi oħra jbidu fi nħawi oħra. Sbatax-il speċi ta’ sriep tal-baħar jgħixu fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, f’ilmijiet sħan sa fond ta’ ħamsin metru u huma komuni fis-sezzjoni tan-Nofsinhar iktar milli f’dik tat-Tramuntana. L-ebda minnhom li jinsabu fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll mhuma endemiċi u lanqas mhuma mhedda.

Sitt speċijiet ta’ fkieren tal-baħar jiġu lejn l-iskoll tal-qroll biex jitnisslu: Chelonia mydas, Dermochelys coriacea, Eretmochelys imbricata, Caretta caretta, Natator depressus, u Lepidochelys olivacea. Il-fkieren tal-baħar ħodor fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll għandhom żewġ popolazzjonijiet distinti ġenetikament, waħda fil-parti tat-Tramuntana tal-iskoll tal-qroll u l-oħra fil-parti tan-Nofsinhar. Ħmistax-il speċi ta’ alka tal-qiegħ jattiraw id-dugongi u l-fkieren tal-baħar, u jipprovdu ħabitat għall-ħut. L-iktar ġeneri komuni ta’ alka tal-qiegħ huma l-Halophila u l-Halodule.

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Ġeoloġija u ġeografija, Ekoloġija, Sit ta’ Wirt Dinji 
Stilla tal-baħar li tiekol il-qroll

Il-kukkudrilli tal-ilma baħar jgħixu fil-mangrovji u fl-imraġ salmastri tul ix-xatt qrib l-iskoll tal-qroll. Ma ġiex irrapportat li jbejtu, u l-popolazzjoni tal-kukkudrilli tal-ilma baħar fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll hija mifruxa iżda b’densità baxxa. Madwar l-iskoll tal-qroll jgħixu xi 125 speċi ta’ klieb il-baħar, boll, rebekkini jew kimeri. Barra minn hekk, ġew irreġistrati qrib il-5,000 speċi ta’ molluski, fosthom il-gandoffli ġganti u diversi nudibrankji u bebbux tal-baħar b’għamla ta’ kon. Ġew irreġistrati wkoll disgħa u erbgħin speċi ta’ gremxul tal-baħar u disa’ speċijiet ta’ żiemel il-baħar. Mill-inqas seba’ speċijiet ta’ żrinġijiet jgħixu fuq il-gżejjer tal-iskoll tal-qroll.

215-il speċi ta’ għasafar (inkluż 22 speċi ta’ għasafar tal-baħar u 32 speċi ta’ għasafar tax-xatt) iżuru l-iskoll tal-qroll jew ibejtu fuq il-gżejjer, fosthom l-ajkla tal-baħar u ċ-ċirlewwa roża. Il-biċċa l-kbira tas-siti fejn ibejtu l-għasafar jinsabu fuq il-gżejjer fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll, b’madwar 1.4 sa 1.7 miljun għasfur li jużaw is-siti biex jitnisslu. Il-gżejjer tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jagħtu sostenn ukoll lil 2,195 speċi magħrufa ta’ pjanti, li tlieta minnhom huma endemiċi. Il-gżejjer tat-Tramuntana fihom bejn 300 u 350 speċi ta’ pjanti li l-iktar ikunu biz-zkuk, filwaqt li l-gżejjer tan-Nofsinhar fihom 200 speċi ta’ pjanti li l-iktar ikunu erbaċej; ir-reġjun tal-Gżejjer Whitsunday huwa l-iktar wieħed b’diversità, u jagħti sostenn lil 1,141 speċi. Il-pjanti jiġu ppropagati mill-għasafar.

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Ġeoloġija u ġeografija, Ekoloġija, Sit ta’ Wirt Dinji 
Par pixxibuffu fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll

Hemm mill-inqas 330 speċi ta’ Ascidia fis-sistema tal-iskoll tal-qroll b’dijametru ta’ bejn ċentimetru u għaxar ċentimetri. Bejn 300 u 500 speċi ta’ brijożoani jgħixu mal-iskoll tal-qroll. Barra minn hekk, b’kollox hemm erba’ mitt speċi ta’ qroll iebes u artab li jgħixu mal-iskoll. Il-maġġoranza tagħhom jirriproduċu permezz tal-gameti, u jitnisslu f’avvenimenti riproduttivi tal-massa li jiskattaw miż-żieda fit-temperaturi tal-baħar fir-rebbiegħa u fis-sajf, miċ-ċiklu tal-qamar u miċ-ċiklu ta’ binhar. L-iskolli tal-qroll tal-parti ta’ ġewwa tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll jirriproduċu matul il-ġimgħa ta’ wara l-qamar kwinta f’Ottubru, filwaqt li l-iskolli tal-qroll tal-parti ta’ barra jirriproduċu f’Novembru u f’Diċembru. Il-qroll artab komuni jifforma parti minn 36 ġeneri. Mal-iskolli tal-qroll jgħixu ħames mitt speċi ta’ algi jew alki tal-baħar, inkluż tlettax-il speċi tal-ġeneru Halimeda, li jiddepożitaw agglomerazzjonijiet tal-ġir li jlaħħqu wisgħa ta’ mitt metru, u li joħolqu ekosistemi żgħar fis-superfiċe tagħhom li ġew imqabblin mal-art koperta mill-foresti tropikali.

Sit ta’ Wirt Dinji

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll: Ġeoloġija u ġeografija, Ekoloġija, Sit ta’ Wirt Dinji 
Eżempju tal-varjetà tal-qroll fl-Iskoll il-Kbir tal-Qroll

L-Iskoll il-Kbir tal-Qroll ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.

Il-valur universali straordinarju tas-sit naturali ġie rrikonoxxut abbażi ta’ erba’ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”, il-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”, il-kriterju (ix) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta’ ekosistemi u ta’ komunitajiet ta’ pjanti u ta’ annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar”, u l-kriterju (x) “Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta’ valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni”.

Referenzi

Tags:

Skoll Il-Kbir Tal-Qroll Ġeoloġija u ġeografijaSkoll Il-Kbir Tal-Qroll EkoloġijaSkoll Il-Kbir Tal-Qroll Sit ta’ Wirt DinjiSkoll Il-Kbir Tal-Qroll ReferenziSkoll Il-Kbir Tal-QrollAwstraljaGżiraId-DinjaLingwa IngliżaSit ta’ Wirt DinjiUNESCO

🔥 Trending searches on Wiki Malti:

Grammatika tal-Lingua Franca NovaJohann Wolfgang von GoetheSistema SolariRussjaItaljaImsidaIż-ŻurrieqVincent MoranOħridKrak des Chevaliers2014It-Triq tal-Għajn (Il-Fontana, Għawdex)Snajja MaltinGrammaEkwadorIvreaPremier League Malti 1934–35BangladexxL-Amerika t'IsfelYouTubeEnrico DandriaDun Ġorġ PrecaParagwajXigħaPawlu l-AppostluTizjanuFloriana FCRobert AbelaBorussia Dortmund IIBill GatesAntropoloġijaKolossewReliġjon NisranijaXjenzaJannarĦ'AttardPresident ta' MaltaL-Amerika ta' FuqAfrikaBaskitbolBulgarijaVIAFĠeografijaKerċemReliġjonSaeva DupkaSteve JobsPanamaIt-Tieni Gwerra DinjijaMina WitkojcMartin LuteruL-Ewwel Gwerra DinjijaKartaġniPoetaAwstraljaKlara ta' AssisiBijoloġijaMuħammed🡆 More